Saturday, October 11, 2025

Irrid nara pajjiż li jinnormalizza l-mental health check-ups u jsaħħaħ il-kultura ta’ prevenzjoni 

Aqra wkoll

Lit-tfal irriduhom jikbru f’ambjent inqas stressanti, imma rridu wkoll nagħtuhom l-għodda mentali biex meta jikbru, ikunu kapaċi jiffaċċjaw mumenti ta’ sfidi f’ħajjithom.

Qalet dan mart il-Prim Ministru Lydia Abela waqt il-konferenza nazzjonali dwar il-kwalità tal-ħajja u s-saħħa mentali bħala parti mill-festival ‘Nitkellem’ f’Sant’Iermu.

“Li tagħmel mental health check-up trid tkun xi ħaġa normali daqslikieku sejjer tagħmel vista għand it-tabib tiegħek. Biex inbidlu kultura, irridu nibdew mit-tfal,” tenniet Dr Abela.

Lydia Abela u l-Gvern ta’ Malta organizzaw dan il-festival, b’kollaborazzjoni ma’ Richmond Foundation, SOS Malta, Dar Kenn għal Saħħtek, l-attriċi Simone Spiteri u l-għawwiem Neil Agius. Ewlieni wkoll kien is-sehem tal-Ministeru għas-Saħħa, Special Olympics Malta, Teatru Malta, Kelma Kelma Nota Nota, kif ukoll esperti u attivisti tas-saħħa mentali.

Kienet ġurnata mimlija attivitajiet edukattivi għat-tfal, diskussjonijiet u workshops, kif ukoll produzzjonijiet kulturali u mużikali. Mijiet ta’ nies għexu ġurnata ta’ serenità u ħassewhom komdi li jirrilassaw u jgħidu kelma, inkluż dawk li użaw il-mument biex jagħmlu l-pass u jitkellmu mal-professjonisti li għenu matul il-jum kollu.

Lydia Abela spjegat kif dan ma kienx festival ċerimonjali, iżda manifestazzjoni ta’ djalogu miftuħ u riflessjoni. Qalet li l-istejjer reali li ġew mitkellma waqt il-konferenza juru li s-saħħa mentali ma tħarisx lejn uċuħ u hija kwistjoni ta’ kulħadd.

Dr Abela spjegat kif fl-aħħar snin, f’Malta, ittieħdu diversi miżuri li jpoġġu s-saħħa mentali fil-qalba tal-prijoritajiet nazzjonali.

Filwaqt li miexi l-proċess importanti biex pajjiżna jkollu sptar ġdid tal-kura psikjatrika li ma jkunx imwarrab u distint mill-kura tas-saħħa fiżika, qegħdin jinfirxu dejjem iktar servizzi fil-komunità.

Fost l-oħrajn tnediet l-inizjattiva biex, b’kollaborazzjoni bejn il-Gvern u Richmond Foundation, jibdew jingħataw korsijiet bla ħlas tal-ewwel għajnuna għall-ħarsien tas-saħħa mentali fil-komunitajiet tagħna.

Mart il-Prim Ministru qalet li l-verità hija li jibqa’ l-bżonn ta’ ħidma kontinwa li tħares lejn is-saħħa mentali mhux biss bħala kwistjoni medika, imma bħala stil ta’ ħajja.

Semmiet l-era diġitali u l-influwenza tal-midja soċjali fejn qed issir in-norma li tara tfal minn ta’ età ferm żgħira jqattgħu sigħat twal bit-tablet jew mobile f’idejhom.

Filwaqt li l-midja soċjali għanda ħafna vantaġġi, l-użu eċċessiv għandu impatt negattiv u jista jwassal għall-ansjetà, dipressjoni u iżolament. Dr Abela qalet li d-dipendenza (addiction) għall-midja soċjali saret realtà li trid tiġi indirizzata b’sens ta’ responsabbiltà.

Mart il-Prim Ministru qalet li l-Maltin huma magħrufin għas-solidarjetà. Dan il-festival wassal messaġġ ċar – li titkellem huwa l-ewwel pass u se ssib lil min lest jisimgħek.

Saħqet li rridu dejjem nieħdu ħsieb xulxin. Hekk ikollna soċjetà b’saħħitha li taċċerta li kulħadd jilħaq il-potenzjal tiegħu.

“Jiena kburija li Maltija għax aħna poplu li jingħaqad biex joffri solidarjetà,” temmet tgħid mart il-Prim Ministru.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport