Sunday, December 22, 2024

IRRID NARAĦĦA BIEX NISTMAĦĦA

Aqra wkoll

Riċentement tħajjart nixtri biċċa għamara antika, mhux għax jien xi dilettant jew għandi xi ħafna għamajjar antiki, imma sempliċiment għoġbitni. Talbuni prezz u qabel ħadt deċiżjoni ftakart f’ħabib tiegħi dilettant sew tal-għamajjar antiki. Kellimtu biex imqar jgħidli bejn wieħed u ieħor safejn għandi nasal għal dak li huwa prezz. Qalli dawn il-preċiżi kelmiet: “Frans, irrid NARAĦĦA biex inkun nista’ NISTMAĦĦA.” Minnufih ġbidtlu l-attenzjoni u għidtlu li “mhux TARAĦĦA biex tkun tista’ TISTMAĦĦA imma TARAHA u mbagħad tkun tista’ TISTMAHA.” Waqaf iħares lejja b’ċertu ħarsa u flok komplejna niftehmu biex inkunu nistgħu mmorru naraw din il-biċċa għamara qbadniha fuq kliem bħal dan li jidher li qed jidħol sew f’ilsienna. Parti oħra mill-ħsara li qed issir lill-ilsien Malti.

Qed ngħid parti oħra mill-ħsara li qed issir lill-ilsien Malti għax il-ħsara li qegħda tvarja ħafna. U l-ħsara għaddejja l-ħin kollu u minn nies ta’ etajiet varji. Minn xandara għal professjonisti. Minn nies ‘tal-iskola’ għal oħrajn mhux ‘tal-iskola’. Waqt diskursati fit-triq, jew f’xi ħanut, fuq il-postijiet tax-xogħol għal diskussjoni fil-Parlament jew waqt xi programm ta’ diskussjoni fuq ir-radju jew televiżjoni. U mhux dak l-istazzjon jew l-ieħor. KOLLHA kemm huma. Ma rridx infisser li dan tisimgħu f’kull programm imma mhux xi ħaġa rari. Anzi. Xi ħaġa komuni ħafna. U huwa dan li għandu għalfejn jinkwetana. Għax tali ħsara qegħda trabbi għeruq u jkolli ngħid għeruq sodi.

Waqt li qed nikteb qed niftakar f’diversi kollegi fuq il-postijiet tax-xogħol li malli kont nismagħhom ilissnu xi kelma b’dan il-mod kont niġbdilhom l-attenzjoni bil-pulit billi taparsi ma fhimtx x’ikunu qalu u nitlobhom jirrepetu. Kien ikun hemm min jinduna u kien ikun hemm min jerġa’ jgħid il-kelma bl-istess mod. U dan inkwetanti, għax tirrealizza li l-persuna konċernata ma tkunx tafx tgħid il-kelma kif għandha tgħidha għax dejjem hekk qalitha, dejjem żbaljata.

Ma nistax ngħid li ssib anke għalliema li jlissnu kliem b’dan il-mod. Għax ma nafx. Imma li jkollok tfal ta’ etajiet żgħar li jgħidu l-kliem b’dan il-mod ifisser żgur li anke fl-iskola jippronunzjaw kliem b’dan il-mod żbaljat. Nittama biss li jekk hu hekk allura l-għalliem/a għandhom jiġbdu l-attenzjoni tat-tifel/tifla u jieħdu spunt biex jispjegaw lill-klassi kollha ta’ quddiemhom dwar dan.

Għandek imbagħad fenomenu ieħor. Dak li kliem barrani nagħtuh laqta Maltija. Segwi xi darba kummentarju sportiv, ikun x’ikun, u ara kemm issib eżempji. Sitwazzjoni li taggrava jekk għall-kelma barranija li tajniha laqta Maltija diġà tkun teżisti kelma tagħna. Tisma’ affarijiet ta’ twerwir.

Tlifna fuq li tlifna kliem mill-vokabolarju tagħna. Tirrealizza dan jekk jirnexxillek ssib xi ktieb antik bil-Malti, bħal rumanzi jew ġabra ta’ stejjer qosra, u taqrah. Jew tkun f’xi raħal u taqbad diskursata ma’ xi ħadd imdaħħal sewwa fl-età. Tisimgħu juża kliem li int QATT ma tkun smajtu.

Ċertu kliem qed jintilef, jew intilef, minħabba ċirkostanzi li ma jkunx hemm kontroll fuqhom. Tiġini f’moħħi l-industrija tal-kostruzzjoni. Ninsab ċert li llum diversi għodod li kienu jintużaw fix-xogħol tal-ġebla mhux biss m’għadhomx jintużaw imma konsegwenzjalment m’għadekx issibhom. Ngħid konsegwenzjalment għax illum l-għodod moderni eliminaw mhux biss ċerta tbatija f’dan ix-xogħol imma wkoll lill-għodod. U allura la darba l-kelma ma tingħadx allura biż-żmien tintilef.

Qrajt fil-jiem li għaddew li sar studju dwar l-ilsien Malti u minnu rriżulta li persentaġġ għoli ħafna ta’ dawk li ġew intervistati għadhom jikkunsidraw il-Malti bħala l-ilsien ewlieni ta’ pajjiżna. Tajjeb, u tajjeb ħafna. IMMA wieħed irid jikkunsidra x’tip ta’ Malti. Malti pur huwa Malti u Malti ppastardjat illum sar Malti wkoll.

Konvint li int li qed taqra mhux darba, tnejn jew tlieta tkun qed titkellem ma’ xi ħadd u bejnietkom tużaw kliem barrani, l-aktar Ingliż, u għalikom tkunu qegħdin titkellmu bil-Malti. Ma tirrealizzawx li wżajtu għadd sostanzjali ta’ kliem Ingliż. U ma tirrealizzawx dan mhux bi ksuħat imma għax tant saret komuni din il-ħaġa li ssir parti minnek.

Ma rridx li niġi interpretat li jien kontra li nkunu kapaċi jew li nużaw aktar minn ilsien wieħed. Żgur li le. Lanqas noħlom li fl-iskejjel tagħna wliedna ma jkunux mgħallma aktar minn ilsien wieħed. Biss biss għandek suġġetti li mhux faċli li l-lezzjonijiet tagħhom isiru bil-Malti.

Imma jiddispjaċini naqra li kien hemm persentaġġ mhux tant żgħir ta’ familji Maltin li bejniethom, kbar u żgħar, jużaw l-Ingliż flok il-Malti. Naħseb li dan huwa żball. Naħseb li ħaġa bħal din qegħda tagħmel ħafna ħsara lill-ilsien Malti. Niddejjaq ukoll nirċievi ittri minn dipartimenti tal-Gvern miktubin bl-Ingliż. Il-komunikazzjoni għandha tkun bil-Malti. Niddejjaq min jgħidli li jsibha eħfef jikkomunika bl-Ingliż milli bil-Malti. Għaliex għandu jkun hekk?
Diġà tlifna ħafna mill-wirt ta’ missirijietna fejn jidħol l-ilsien Malti. Huwa dmir kull wieħed u waħda minna li ma nagħtux palata lil aktar telf ta’ kliem. Biżżejjed tara kemm tlifna djaletti u aċċenti. Telf kawżat mill-fatt li dak li jkun JISTĦI jew iħossu nieqes mill-edukazzjoni jekk jitkellem bil-mod kif jitkellem f’raħal twelidu. Nammirah lil min jinjora din il-barriera.

Dehra komuni injorata

Naħseb li bħali tiltaqgħu ma’ dehra bħal dik li hemm fir-ritratt. Huma forma ta’ indikaturi li jagħtu direzzjoni lis-sewwieq qabel ma jaqsam minn kareġġata għal oħra u b’hekk kulħadd jieħu postu b’mod adekwat. Sistema tajba kemm tridha li filgħaxija jirriflettu bid-dawl tal-karozzi infushom. Apparti hekk huma magħmulin minn materjal li jekk tolqothom ma tagħmilx ħsara kbira lill-karozza għalkemm lilhom x’aktarx li tmiddhom.

Il-ħasra hi li fil-maġġoranza assoluta tagħhom, almenu ta’ dawk li niltaqa’ magħhom jien, il-kundizzjoni tagħhom ma tibqax segwita minn min hu responsabbli għalihom. L-elementi naturali, bħal trabijiet, xita, titjir ta’ tajn mir-roti tal-karozzi, jillimitaw ħafna r-rifless ta’ dawl li jagħtu. Tara minnhom, bħal dawk fir-ritratt, li spiċċaw mal-art x’aktarx wara li jintlaqtu minn xi vetturi, u jibqgħu hekk xhur twal jekk mhux għal dejjem. Dawk li jidhru fir-ritratt qegħdin fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard. Ili xhur ninnotahom hekk. Ma nafx min hu responsabbli għaż-żamma tajba tagħhom. Imma possibbli min hu responsabbli għalihom dawn l-affarijiet ma jinnotahomx? Ma jasallu ebda rapport?

Sadattant jidhirli li riċentement ingħatat sentenza fil-Qorti dwar nuqqas simili li l-Qorti dehrilha li kkontribwixxa għal inċident stradali. Jidhirli wkoll li l-Kunsill Lokali li fit-territorju tiegħu seħħ il-każ ġie kkundannat iħallas danni sostanzjali.

Ekonomija

Sport