“Irrid ngħix biex nikber ma’ binti… Ma rridx immut, għandi tifla.”
Dan kien il-messaġġ – l-aħħar wieħed ta’ tama – ta’ Kimberly Zammit, omm ta’ 22 sena qiegħda titlob l-għajnuna tal-poplu Malti biex forsi tkun tista’ tieħu trattament fil-Ġermanja.
Zammit, omm ta’ 22 sena, b’tumur fil-fwied, frixa u f’idejha. Il-marda rari rhabdomyosarcoma ħaditilha tfulitha. Saret taf li għandha l-kanċer meta kellha 19-il sena – waqt li kienet tqila.
Kif welldet, kellha tibda t-trattament mill-ewwel. Tellgħuha l-Ingilterra għall-kura, iżda fl-aħħar jum tat-trattament indunaw li kien hemm kanċer ieħor f’sidirha. Minn hemm, trattament wara trattament… u l-marda baqgħet tinfirex.
Issa għandha tlett tumuri oħra. It-tobba qalulha li f’dan l-istadju ma baqax x’tagħmel. Iżda hi m’għandhiex triq oħra ħlief li tkompli tiġġieled għal bintha.
Saret taf b’sptar privat fil-Ġermanja li jagħti injezzjoni lit-tumur – l-aħħar tama tagħha. Iżda kull injezzjoni tiswa €3,900. Għalhekk qed iddur fuq qlub ġenerużi biex tagħtiha ċans tgħix għal bintha.