Minn Cristian Muscat
F’okkażjoni speċjali li tiċċelebra l-125 anniversarju tal-Malta Football Association (MFA), Gilbert Agius ġie magħżul fost l-aqwa ħdax tal-istorja tal-futbol Malti – ġieh ieħor għall-karriera straordinarja li għadha qed tikteb kapitli ġodda, anke barra minn xtutna.
Gilbert Agius, imwieled fit-21 ta’ Frar 1974 fil-Belt Valletta, jibqa’ figura ikonika fil-futbol Malti.
Il-karriera tiegħu bħala plejer kienet waħda mill-aktar brillanti fil-Gżejjer Maltin fejn għamel kważi l-karriera kollha tiegħu ma’ Valletta FC. Huwa rebaħ bosta unuri mal-klabb, fosthom diversi kampjonati tal-Premier League, FA Trophies u Super Cups. Agius hu magħruf għall-lealtà assoluta tiegħu lejn il-klabb tiegħu, u b’ġieh għal dan, in-numru 7 li kien jilbes ġie rtirat minn Valletta FC. B’aktar minn 600 dehra u aktar minn 240 gowl, huwa l-aqwa skorer fl-istorja tal-klabb.
Mat-tim nazzjonali Malti, Agius lagħab 120 partita u skorja tmien gowls, u b’hekk jinsab fost l-aktar plejers li qatt lagħbu għall-pajjiż. Huwa rebaħ ukoll il-premju tal-Plejer tas-Sena tal-MFA tliet darbiet, xhieda tal-konsistenza u l-kwalità tiegħu matul is-snin f’karriera ferm brillanti.
Wara li rtira mil-logħob attiv, Agius baqa’ marbut mal-futbol bħala kowċ. Fl-2019 mexxa lil Valletta FC lejn kampjonat ieħor u aktar tard ħa rwoli mal-MFA bħala kowċ tat-timijiet taż-żgħażagħ. L-esperjenza tiegħu kompliet tissaħħaħ meta ħa f’idejh il-kariga ta’ kowċ fl-Indoneżja.
Wara sentejn u nofs bħala kowċ f’dak il-pajjiż Ażjatiku, Agius jirrifletti fuq dak li jiddeskrivi bħala esperjenza unika li biddlitlu ħajtu f’intervista li tana matul din il-ġimgħa.
“Tgħallimt ħafna, kbirt bħala persuna u bħala kowċ. Kienet ħolma li saret realtà u li nemmen li se jinfetħu bibien ġodda mhux biss għalija, imma għal kowċis oħra Maltin ukoll.”
Il-futbol fl-Indoneżja huwa ta’ livell ogħla u b’struttura kompletament differenti minn dik f’Malta. Agius jgħid li hemm hu sab professjonalità kbira u passjoni intensa għall-logħba.
“Il-livell hemmhekk hu segwit b’fanatiżmu kbir. Il-partitarji jgħixu għall-futbol. Il-kowċis huma ta’ livell għoli ħafna – fosthom kien hemm l-eks kowċ ta’ Spanja taħt il-21 sena li rebaħ tournaments importanti. L-organizzazzjoni hija differenti: logħob away u home b’distanzi kbar, kultant konna nivvjaġġaw b’żewġ ajruplani biex naslu. Kollox professjonali u dettaljat. Minkejja kollox ġew mumenti ferm diffiċli li kieku ma tkunx b’saħħtek ma tasalx fejn tixtieq.”
Minkejja l-aspett tant extravaganti tal-pajjiż, il-ħajja fl-Indoneżja kienet sfida għal Agius, speċjalment fil-bidu. “Kien diffiċli ferm biex nistabilixxi ruħi. Stil ta’ ħajja differenti ħafna, reliġjon differenti, u kont hemm waħdi, mingħajr il-familja. Il-bidu kien wieħed mill-aktar perjodi diffiċli ta’ ħajti. Iżda bdilt l-attitudni, bdejt nidra, tgħallimt ftit mil-lingwa u bdejt nifhem iktar il-kultura tagħhom. Riżultati tajbin jgħinuk – imma meta jkunu neqsin, ikissruk.”
Fil-kampjonat li għadda, l-ewwel parti kienet partikolarment iebsa. “Konna għaddejjin minn fażi fejn ir-riżultati kienu nieqsa. Imma b’ħidma, sforz u determinazzjoni, bdejna niġbru l-frott – fl-aħħar konna tlifna logħba waħda biss.”
Skont Agius, is-sentejn u nofs ma kinux kollha ward u żahar. Agius jiftakar ukoll l-isfidi finanzjarji li l-klabb kien għaddej minnhom. “Kellna staġun diffiċli ħafna. Kien hemm problemi kbar: partitarji jipprotestaw, il-grawnd kien magħluq u kellna nuqqas ta’ pagamenti. Għaddejna erba’ xhur mingħajr paga. Kien perjodu verament ta’ sfida. U xorta ma ddispjaċini xejn. Konvint li kienet esperjenza ta’ ġid u li fiha tgħallimt ħafna aktar minn dak li wieħed jaħseb.”
Filwaqt li għadd ta’ klabbs fl-Indoneżja wrew interess li jkomplu jaħdmu miegħu – b’erba’ offerti konkreti li waslu għand il-kowċ Malti – Agius għażel li jirritorna Malta u jħares lejn il-futur hawnhekk.
“Irrid nibqa’ f’Malta. Wasalt għal deċiżjoni personali li nagħlaq dak il-bieb ta’ kowċing fl-Indoneżja. Kelli kuntatti ma’ żewġ klabbs Maltin fejn offrewli rwol ta’ head coach tan-nursery, imma mhux dak li qed infittex. Jiena rrid immexxi tim tal-kbar.”
Minkejja d-deċiżjoni tiegħu li jirrifjuta kuntratt ġdid barra minn Malta, Agius jagħraf li s-sena li ġejja se tkun waħda diffiċli. “Tidher li se tkun sena partikolari. Qed nistenna x’jista’ jinqala’, imma f’din l-industrija trid tkun lest biex tilqa’ kull opportunità. Il-ħaġa importanti hija li tibqa’ tgħallem u tiżviluppa, xi ħaġa li dejjem emmint f’ħajti.”
Gilbert Agius, figura rispettata kemm fil-grawnd kif ukoll barra minnu, jibqa’ simbolu ta’ passjoni, determinazzjoni u professjonalità. Dan stajna nixhduh fi kliemu fejn dak li jagħmlu jsir bl-aqwa reqqa. Il-karriera tiegħu, kemm bħala plejer kif ukoll bħala kowċ, hi xhieda ta’ kif il-futbol jista’ jkun aktar minn logħba – jista’ jkun mezz biex tikber, titgħallem u tittrasforma lilek innifsek. U l-istorja tiegħu għadha ma spiċċatx.
Bħal kull kapitlu ieħor li kiteb, ukoll dan li jmiss jidher li se jkun wieħed interessanti – mimli sfidi, iżda wkoll opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp personali u sportiv. Għalhekk nistennew u naraw x’se tkun l-avventura li jmiss għal Gilbert Agius!