Għal min huwa midħla tal-belt siekta – l-Imdina, jaf kif fil-passat stajt, kif jgħid il-Malti, toqtol u tidfen speċjalment filgħaxija. Fix-xitwa ħafna aktar mis-sajf. Fix-xitwa speċjalment tard filgħaxija jaf kont tinżerta tkun waħdek miexi f’din il-belt. Fl-aħħar xhur, iżda, is-sitwazzjoni nbidlet sew. Filgħaxijiet qegħdin jidħlu f’din il-belt għadd ta’ turisti biex igawdu ġmielha bil-lejl fosthom studenti. Dan iżda ġab reazzjoni minn għadd ta’ residenti li bdew jilmentaw minn storbju u inkonvenjenzi. L-argument li llum qiegħed isir huwa dak ta’ jekk l-Imdina tiflaħx għall-ammont ta’ turisti li qegħdin iżuruha ta’ kuljum, speċjalment meta wieħed iqabbel il-kobor tagħha u kemm jgħixu residenti mal-ammont ta’ turisti li jmorru ta’ kuljum.
Quddiem iż-żieda fil-viżitaturi, ir-residenti ma naqsux li jibdew isemmgħu leħinhom. Proprju fl-aħħar sigħat, l-istess residenti ħassew il-bżonn li f’post prominenti u proprju qabel tidħol fi pjazza li tieħdok fuq is-sur u minn hekk tara l-veduta ta’ Malta, iwaħħlu avviżi li fihom fakkru lit-turisti biex jirrispettaw lir-residenti.
X’jgħidu l-appelli miktubin?
L-appell li qiegħed isir jgħid hekk: “Irrispettaw lill-Imdina. Irrispettaw lir-residenti tagħha. L-Imdina hija waħda mill-postijiet li għad-daqs tiegħu u għan-nies li jgħixu fih, huwa mifni mit-turiżmu. F’Venezja hemm jgħixu 49,000 resident. Din iżuruha kuljum 50,000 viżitatur. Dan ifisser li għal kull resident hemm turist.
Fl-Imdina hawn 98 resident. Imma xejn inqas minn 5,000 turist iżuru l-Imdina kuljum. Dan ifisser li għal kull resident fl-Imdina hemm 50 turist.”
“Għalhekk irrispettaw il-belt tagħna. Irrispettaw lir-residenti. Timblukkawx it-traffiku waqt li tkunu qegħdin tieħdu selfies. Tpoġġuh bilqiegħda fuq il-pavimenti jew fuq l-għetiebi tar-residenzi. Tgħajtux. Ħajjitna saret intollerrabbli. Irridu beltna lura. Intom kont tagħmlu l-istess kieku kontu tgħixu hawn.”
Jitwaħħlu aħbarijiet li juru azzjonijiet li ttieħdu kontra turisti fi bliet barranin
Ma waqfux hemm u maġenb dan l-appell tpoġġew diverși aħbarijiet minn pajjiżi barranin dwar miżuri li ttieħdu biex jilqgħu għal ammont kbir ta’ turisti. Wieħed mill-artikli isemmi kif in-Norveġja se tintroduci taxxa fuq it-turiżmu biex tilqa’ għat-tħassib tar-residenti fuq it-turiżmu.
Artiklu ieħor li tpoġġa kien jgħid li Spanja ordnat it-tneħħija ta’ eluf ta’ Air Bnb.
Artikli oħra kienu jitkellmu dwar kif kienu qegħdin jiġu kkordinati protesti madwar l-Ewropa kontra iż-żieda qawwija fit-turiżmu.

