Tuesday, July 22, 2025

“Irridu beltna lura”… ”Il-belt siekta fost l-aktar li tilqa’ turisti għall-kobor tagħha”- Messaġġ għat-turisti fl-Imdina

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għal min huwa midħla tal-belt siekta – l-Imdina, jaf kif fil-passat stajt, kif jgħid il-Malti, toqtol u tidfen speċjalment filgħaxija. Fix-xitwa ħafna aktar mis-sajf. Fix-xitwa speċjalment tard filgħaxija jaf kont tinżerta tkun waħdek miexi f’din il-belt. Fl-aħħar xhur, iżda, is-sitwazzjoni nbidlet sew. Filgħaxijiet qegħdin jidħlu f’din il-belt għadd ta’ turisti biex igawdu ġmielha bil-lejl fosthom studenti. Dan iżda ġab reazzjoni minn għadd ta’ residenti li bdew jilmentaw minn storbju u inkonvenjenzi. L-argument li llum qiegħed isir huwa dak ta’ jekk l-Imdina tiflaħx għall-ammont ta’ turisti li qegħdin iżuruha ta’ kuljum, speċjalment meta wieħed iqabbel il-kobor tagħha u kemm jgħixu residenti mal-ammont ta’ turisti li jmorru ta’ kuljum.

Quddiem iż-żieda fil-viżitaturi, ir-residenti ma naqsux li jibdew isemmgħu leħinhom. Proprju fl-aħħar sigħat, l-istess residenti ħassew il-bżonn li f’post prominenti u proprju qabel tidħol fi pjazza li tieħdok fuq is-sur u minn hekk tara l-veduta ta’ Malta, iwaħħlu avviżi li fihom fakkru lit-turisti biex jirrispettaw lir-residenti.

X’jgħidu l-appelli miktubin?

L-appell li qiegħed isir jgħid hekk: “Irrispettaw lill-Imdina. Irrispettaw lir-residenti tagħha. L-Imdina  hija waħda mill-postijiet li għad-daqs tiegħu u għan-nies li jgħixu fih, huwa mifni mit-turiżmu. F’Venezja hemm jgħixu 49,000 resident. Din iżuruha kuljum 50,000 viżitatur. Dan ifisser li għal kull resident hemm turist. Fl-Imdina hawn 98 resident.  Imma xejn inqas minn 5,000 turist iżuru l-Imdina kuljum. Dan ifisser li għal kull resident fl-Imdina hemm 50 turist.”

“Għalhekk irrispettaw il-belt tagħna. Irrispettaw lir-residenti.  Timblukkawx it-traffiku waqt  li tkunu qegħdin tieħdu selfies.  Tpoġġuh bilqiegħda fuq il-pavimenti jew fuq l-għetiebi tar-residenzi. Tgħajtux.  Ħajjitna saret intollerrabbli.  Irridu beltna lura. Intom kont tagħmlu l-istess kieku kontu tgħixu hawn.” 

Jitwaħħlu aħbarijiet li juru azzjonijiet li 

ttieħdu kontra turisti fi bliet barranin

Ma waqfux hemm u maġenb dan l-appell tpoġġew diverși aħbarijiet minn pajjiżi barranin dwar miżuri li ttieħdu biex jilqgħu għal ammont kbir ta’ turisti. Wieħed mill-artikli isemmi kif in-Norveġja se tintroduci taxxa fuq it-turiżmu biex tilqa’ għat-tħassib tar-residenti fuq it-turiżmu.

Artiklu ieħor li tpoġġa kien jgħid li Spanja ordnat it-tneħħija ta’ eluf ta’ Air Bnb.

Artikli oħra kienu jitkellmu dwar kif kienu qegħdin jiġu kkordinati protesti madwar l-Ewropa kontra iż-żieda qawwija fit-turiżmu.

X’qed ikun hemm fl-Imdina?

L-ORIZZONT segwa dak li qiegħed jiġri f’din il-belt. Sa tard filgħaxija qabel tidħol f’din il-belt, ikun hemm diġà għadd kbir ta’ turisti barra l-istess daħla. Kif tidħol mill-bieb prinċipali aktarx li se ssib ammont imdaqqas ta’ turisti, xi drabi bil-kemm tkun tista’ tgħaddi u għalhekk bit-triq litteralment imblukkata. L-istess it-triq dejqa li tieħdok lejn il-Pjazza tal-Katidral, spiss issibha mimlija bit-turisti. Ammonti ta’ turisti imbagħad jinġemgħu fil-piazza ta’ fuq is-sur. 

Filgħaxija qegħdin ninnutaw b’mod regolari jidħlu ammont ta’ turisti fosthom żgħażagħ u studenti. Il-komportament tagħhom mhux dejjem huwa wieħed kompatibbli fejn huma xeni komuni li tara dawn iż-żgħażagħ bilqiegħda fuq għetiebi u xi drabi anke jikkawżaw storbju.

Spiss dawn iż-żgħażagħ jispiċċaw fil-pjazza ta’ fuq is-sur jew fil-pjazza tal-Katidral.

‘Inħossuna assedjati’

Resident li tkellem magħna qalilna, “inħossuna assedjati. Ikun hawn mumenti fejn tiġi biex tidħol bil-karozza u t-triq tkun litteralment imblukkata bit-turisti.  Iddoqq il-horn imma għalxejn. Tispiċċa tinqabad f’nofshom. Filgħaxija l-istess għandek l-inkonvenjent tal-istorbju. M’aħniex kontra li jiġu t-turisti imma hemm bżonn ħafna aktar infurzar. Nemmnu ukoll li min jiġi hawn għandu jirrispetta lir-residenti li joqogħud hawn. Għalfejn għandek toħroġ iċċanfar xi grupp ta’ żgħażagħ għax ikunu qegħdin jagħmlu l-istorbju?  Dawn għandhom jiġu edukati u infurmati biex jinżamm il-kwiet”.

“Irridu bilanċ”

Ir-resident kompla li, “dak li rridu hu bilanċ. Ħadd mhu jgħid nikkontrollaw it-turisti jew innaqqsu. Li qegħdin ngħidu hu li hawn inkonvenjenzi. Ħmieġ. Storbju. Toroq imblukkati. Inkonvenjenzi li ġejjin għax żdiedu sew it-turisti u l-post hu li hu. Ma’ dan imbagħad għandek in-nuqqas ta’ infurzar, allura l-problemi jikbru. Li jiġri imbagħad hu li din il-belt magħrufa għas-skiet tagħha, illum qegħdin narawha tinbidel b’rata mgħaġġla”.

Dak li qegħdin jesperjenzaw in-nies tal-Imdina, rajnieh jiġri ukoll f’żoni oħra f’Malta u anke f’pajjiżi barranin. Proprju fl-aħħar xhur f’għadd ta’ pajjiżi barranin ittieħdu miżura minħbba influssi qawwija ta’ turisti. Saru anke protesti kontra turiżmu tal-massa b’residenti jgħidu li dan affettwalhom il-kwalità tal-ħajja.

F’pajjiżna għadu ma nstabx bilanċ

L-eks Ministru Evarist Bartolo, jiddikjara li “residenti li għandhom ħdejhom appartamenti li qed jinkrew lit-turisti għall-vaganzi jilmentaw li l-kwalità tal-ħajja tagħhom u tal-komunità qed tmur lura b’aktar storbju, skart u ħmieġ fl-inħawi u servizzi pubbliċi li ma jlaħħqux maż-żieda fil-popolazzjoni. Jidher ċar li f’pajjiżna għadu ma nstabx bilanċ bejn il-ġid komuni tar-residenti u l-interessi persunali tas-sidien li jikru propjetà lit-turisti. Jagħmel sens kieku f’kull lokalità milquta r-residenti u s-sidien, il-kunsilli lokali u l-awtoritajiet turistiċi jiffurmaw kumitati li jieħdu ħsieb jimbuttaw u jikkordinaw kif jissolvew il-problemi li jinqalgħu biex ir-residenti ma jibqgħux iħossuhom injorati u mhux ikkalkulati.

Ħarsien tar-residenti

Iddikjara li la f’Malta u Għawdex is-sidien m’għandhomx bżonn l-approvazzjoni tal-ġirien biex jikru lit-turisti, tajjeb jinżammu responsabbli għall-imġiba ta’ dawk li jikru biex ma jħarbtux il-ħajja tal-ġirien. La l-gvern iddeċieda li ma jipproteġix lill-ġirien tal-appartamenti AirBnB billi l-ewwel tinkiseb l-approvazzjoni tal-ġirien qabel joħroġ il-permess, il-gvern għandu d-dmir jipproteġi lill-ġirien b’modi oħra biex irażżnu l-istorbju, il-ħmieġ u t-tħarbit tal-komunita’. Gvern, kunsilli lokali, ġirien u sidien tal-appartamenti jistgħu jaħdmu flimkien għall-ġid komuni. Imma l-gvern irid jikkordina u jappoġġja din il-koperazzjoni. Il-bqija tkompli tirrenja l-liġi tal-ġungla.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport