Sunday, November 24, 2024

“Irridu li aktar irġiel jitkellmu u jaġixxu kontra l-vjolenza”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Ministru Owen Bonnici jisħaq fl-importanza ta’ edukazzjoni miċ-ċokon…

Wara li fil-bidu tas-sena, f’perjodu ta’ xahrejn inqatlu żewġ nisa, pajjiżna ta bidu għal spinta leġislattiva u amministrattiva, kif ukoll bħala soċjetà, biex niġġieldu b’mod konkret il-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Fost inizjattivi għal diskussjonijiet, proposti u għarfien ittellgħet konferenza speċifika għall-prevenzjoni bil-parteċipazzjoni tas-sess masikli li fiha għamel intervent il-Ministru għall-Ugwaljanza, Owen Bonnici. F’kumment li ta lil Talk.mt Bonnici qal li bħala pajjiż irridu li aktar irġiel jitkellmu u jaġixxu kontra kull forma ta’ vjolenza u saħaq fl-importanza ta’ edukazzjoni u trawwim fis-snin bikrija tas-subien dwar kif għandhom jaġixxu u jesprimu ruħhom. 

Il-Ministru Bonnici qal kif ta’ spiss nisimgħu kliem ta’ kuraġġ għall-vittmi tal-vjolenza, partikolarment dik domestika jew abbażi tal-ġeneru. Huwa sostna li, “dejjem nisħqu li hawn l-għajnuna u ta’ min ifittixha biex iwaqqaf iċ-ċiklu ikrah tal-abbuż. Għajnuna hawn tassew u nagħmlu sewwa bħala soċjetà li ningħaqdu u nieqfu mal-vittmi biex inwasslu flimkien il-messaġġ ċar u inekwivoku li f’pajjiżna m’hawnx lok għall-vjolenza u qatt ma tista’ tkun aċċettabbli. Iżda, qegħdin naraw li dan mhux biżżejjed”.

“Dejjem hemm soluzzjoni oħra”

Il-Ministru Bonnici qal li l-vjolenza mhix problema li tikkonċerna lin-nisa biss u li f’pajjiżna rridu li aktar irġiel jieħdu pożizzjoni kontra kull forma ta’ vjolenza billi jitkellmu u jaġixxu fir-rigward. Fl-opinjoni tiegħu, “hemm bżonn li sa miċ-ċokon anke s-subien ikunu mgħallma kif iġibu ruħhom u kif jesprimu dak li jħossu mingħajr il-bżonn li jkunu agressivi jew vjolenti. Irridu ngħaddu l-messaġġ li kulħadd huwa responsabbli għal għemilu… L-irġiel u s-subien sa miċ-ċokon iridu wkoll jifhmu li l-vjolenza m’hija qatt aċċettabbli u li dejjem hemm soluzzjoni oħra”.

Fil-konferenza “Prevenzjoni tal-Vjolenza b’Parteċipazzjoni mill-Irġiel u s-Subien” saru diskussjoni u ħarġu ideat dwar ir-rwol tas-sess masikili f’kultura bbażata fuq sterjotipi tal-ġeneru, patrijarkali, kif ukoll dwar is-silenzju tal-irġiel fuq esperjenzi li jkollhom jew li jafu bihom relatati mal-vjolenza. Fl-intervent virtwali tiegħu l-Ministru Bonnici qal li kultant l-irġiel jinsew kemm huwa importanti s-sehem tagħhom biex ikollhom relazzjoni isbaħ u aktar b’saħħitha mal-maħbubin tagħhom. 

Il-Ministru għall-Ugwaljanza spjega li, “ninsew li l-vjolenza qatt m’hija soluzzjoni għall-kunflitti ta’ bejnietna. Bħala rġiel għandna d-dover li nevitaw u niskoraġġixxu kull forma ta’ vjolenza. Ċertament, li ma nistgħu qatt ninjoraw jew b’xi mod niskużaw l-abbuż, anke dak abbażi tal-ġeneru”. 

Bonnici tenna għall-fatt li meta ma naħsbux qabel naġixxu, spiss inkunu qegħdin nippermettu li l-vjolenza tifridna minn ta’ madwarna, anke minn dawk li l-aktar inħobbu. Fi tmiem l-intervent tiegħu huwa fakkar li l-ugwaljanza u r-rispett, ċertament jiswew ta’ ġid għal kulħadd.

Il-konferenza mtella’ mill-Kummissjoni għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru b’kollaborazzjoni ma’ Rġiel Kontra l-Vjolenza, iffokat fuq promozzjoni ta’ miri u strateġiji li jipprevjenu l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Għaliha attendew u pparteċipaw ukoll rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet Ewropej eMANcipator mill-Olanda u l-MAN Organisation tal-Isvezja, membri wkoll ta’ MenEngage Alliance Europe. 

Il-konferenza, li tmexxiet mill-Professur Andrew Azzoppardi, misset diversi temi fir-rigward fosthom l-ugwaljanza tal-ġeneri, l-edukazzjoni, l-LGBTIQ+, l-ibbuljar, il-midja, is-sesswalità u l-pornografija.

Sport