Wednesday, April 8, 2026

“Irridu li jkollna l-fatti kollha qabel nieħdu pożizzjoni dwarha”

- Joe Muscat, Kap Eżekuttiv tal-GTA meta mitlub jikkummenta dwar Noma Island

Aqra wkoll

“Irridu li jkollna l-fatti kollha qabel nieħdu pożizzjoni dwar Noma Island.” Hekk stqarr magħna Joe Muscat, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċċazzjoni tat-Turiżmu Għawdxija meta mitlub jikkummenta dwar il-kontroversja li nqalgħet dwar il-permess mitlub biex qrib Kemmuna tankra l-Noma Island.

Muscat jgħidilna li l-GTA hija konxja li hemm kwistjoni ambjentali dwarha u “ma nistax ngħid li ma hemmx tħassib dwarha… Minħabba li din se tkun taħt Kemuna u qrib sew ta’ Għawdex irridu l-assigurazzjoni tal-Awtoritajiet konċernati  jekk hux se jkun hemm aspetti negattivi fuq il-bajjiet anke Għawdxin.”

Il-Kap Eżekuttiv ikompli jgħidilna li min-naħa l-oħra din tista’ tkun attrazzjoni ġdida għal pajjiżna, “iżda fl-istess waqt qegħdin nistaqsu x’tip ta’ turisti se tiġbed lejn Għawdex u Malta… Għalhekk bħalissa għaddejja diskussjoni fi ħdan il-GTA biex naraw ftit l-affarijiet b’mod ħolistiku.”

Muscat jispjega li qabel wieħed jieħu deċiżjoni dwarha wieħed irid jara min se jkunu l-klijenti tagħha u kif se tiġi operata. “Irridu noqogħdu ħafna attenti dwar kif nikkummentaw dwar in-Noma Island. Il-GTA la qed tikkundanna u lanqas tapprova… irridu naraw eżatt l-affarijiet biex inkunu ċerti li ma tagħmilx ħsara lejn id-destinazzjoni u jekk se tagħmel il-ġid naraw x’ġid se tagħmel,” kompla jgħidilna Muscat.

Fil-kummenti tiegħu Muscat tenna li bħala GTA dejjem kienu favur inizjattivi ġodda li jtejbu l-kwalità tat-turiżmu f’Għawdex. “Qegħdin nifhmu wkoll il-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem u għalhekk nerġa’ ntenni li qabel niġbru l-fatti kollha, nanaliżżaw il-benefiċċji jew l-iżvantaġġi li se toffri din l-inizjattiva  u nieħdu l-opinjoni  tal-membri mhux se noħorġu pożizzjoni uffiċjali,” tenna Muscat.

Hu temm jgħid li wara kull inizjattivia jrid ikun hemm skop wieħed li ngħollu l-livell tal-prodott tat-turiżmu f’Għawdex u Kemuna… “Bin-Noma Island se nimxu f’dik id-direzzjoni?” staqsa Joe Muscat Kap Eżekuttiv tal-GTA.

Intant il-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem ħabbar li kien irreġistra oġġezzjoni għal permess propost ta’ Noma Island biex topera minn ħdejn Kemmuna u qrib il-kosta Għawdxija.

Il-Kunsill jgħid li Kemmuna hija sit ta’ Natura 2000 fost oħrajn u għalhekk attività bħal din tagħmel iż-żona f’riskju ta’ ħsara kbira.

Jgħid li l-proposta għal permess tmur kontra l-isforzi li qegħdin isiru biex ma jkunx hemm kummerċ esaġerat u anke pressjoni ta’ turisti fuq Kemmuna. Il-Kunsill jitkellem ukoll dwar il-ħsejjes li se jkunu ġejjin minn fuq Noma Island hekk kif mistenni li jkun hemm mużika għolja li tista’ tkun ta’ ħsara.

Dwar l-istess kwistjoni tkellmet ukoll Din l-Art Ħelwa Għawdex fejn fi stqarrija esprimiet l-appoġġ sħiħ tagħha lill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem fis-sejħa tiegħu biex Noma Island titneħħa minnufih minn ħdejn Kemmuna.

L-NGO mal-istqarrija ppubblikat ritratt li skont hi ttieħed nhar it-Tnejn filgħaxija fejn “diġà juri livell għal kollox inaċċettabbli ta’ tniġġis bid-dawl li qed jaqa’ fuq Kemmuna, minkejja li dak il-ħin ma kien qed isir ebda festin abbord. Dan waħdu huwa ta’ tħassib serju. Wieħed jista’ biss jimmaġina kemm se jiżdied d-dawl qawwi, u l-ħsejjes meta jibdew isiru l-festini u tindaqq il-mużika abbord.”

L-istqarrija tkompli tgħid li “dan huwa aktar serju meta wieħed iqis li Kemmuna tifforma parti minn sit Natura 2000 u tinkludi wkoll Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni. Dan it-tip ta’ attività huwa għal kollox inkompatibbli mal-protezzjoni mistħoqqa lil wieħed mill-aktar ambjenti naturali sensittivi fil-gżejjer Maltin.”

Din l-Art Ħelwa Għawdex tinnota wkoll it-tħassib espress minn BirdLife Malta dwar l-effett tad-dawl artifiċjali, tal-istorbju u l-effetti fuq l-għasafar tal-baħar u fuq l-ambjent marittimu tal madwar.

“Is-sitwazzjoni hija inaċċettabbli. L-awtoritajiet għandhom jaġixxu minnufih u jiżguraw li Noma Island titneħħa bla aktar dewmien.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport