Sunday, November 24, 2024

“Irridu lil Għawdex mutur għat-tkabbir ekonomiku fil-gżejjer Maltin” – il-Ministru Clint Camilleri

Aqra wkoll

Clint Camilleri għandu 33 sena u hu l-Ministru għal Għawdex. Hu ġie maħtur f’din il-kariga fil-kabinett il-ġdid tal-Prim Ministru Robert Abela fil-bidu tas-sena l-oħra. Hu wieħed mill-iktar membri żgħażagħ fil-parlament. Qabel din il-kariga, l-Onor. Camilleri għamel xi żmien bħala s-Sindku tal-Qala.

Talk.mt tkellem mal-Ministru Camilleri fl-uffiċċju tiegħu fir-Rabat fejn dan is-sit staqsieh xi mistoqsijiet relatati mal-gżira ġara tagħna fejn ħafna Maltin u turisti jħobbu jmorru għal xi vaganza.

L-ewwel mistoqsija naturali kienet fuq il-Baġit li għadu kemm ressaq il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana. Żgur li dan kien Baġit favur Għawdex.

“Il-Baġit 2022 bit-tema “Malta li rridu għal Uliedna” hu sinjal ċar tal-ħidma u tal-viżjoni li għandu dan il-Gvern taħt il-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela.”

“Meta ngħidu li Għawdex hu prijorità u fuq quddiem nett tal-aġenda ta’ dan il-Gvern, inkunu qed ngħidu bil-fatti u għax nemmnu verament fih. Il-viżjoni tal-Gvern għal Għawdex hija ċara; li jkompli jkun mutur ta’ tkabbir tal-ġid nazzjonali u titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin u r-residenti kollha.”

Il-Ministru Camilleri sostna li l-Baġit li se jiġi attwat se jkompli jinċentiva t-tkabbir ekonomiku f’Għawdex u l-prosperità ta’ kull min jagħżel Għawdex bħala r-residenza tiegħu. Fuq kollox hemm ċertu twemmin li Għawdex għandu potenzjal u l-baġit ta’ €27 miljun għall-proġetti kapitali jixhed dan kollu. Fuq kollox dan kien ukoll l-aktar darba li Għawdex ġie allokat somma bħal din.

Il-proġetti li qed iseħħu fil-preżent, l-iskemi li qed jiġu implimentati u l-iżvilupp teknoloġiku, jixhed li Għawdex għandu futur verament sabiħ quddiemu. 

Bħal kull pajjiż fid-dinja anke Malta u fuq kollox Għawdex ġew affettwati ħażin mill-pandemija tal-COVID-19.

“Ċertament li bħall-bqija tad-dinja anke Għawdex ħass in-nuqqas ta’ turiżmu estern u r-ritmu li konna għaddejjin bih qabel il-pandemija, naqqas xi ftit speċjalment f’dawk iż-żminijiet meta kellna l-ajruport u r-ristoranti magħluqin.”

B’xorti ħażina f’dan iż-żmien diversi attivitajiet tal-massa kellhom jitħassru fosthom dawk kulturali li fil-passat dejjem kellhom konkorrenza kbira. Minkejja kollox, jidher li l-affarijiet bil-mod il-mod ġejjin għan-normal.

Sadanittant matul dan is-sajf, Għawdex kellu turiżmu tajjeb ħafna speċjalment fi żmien tant popolari ta’ Santa Marija. Il-vawċers li qassam il-Gvern matul is-sajf għenu sabiex in-nies joħorġu minn djarhom u jżuru aktar ristoranti u postijiet ta’ divertiment. Fil-fatt statistika interessanti u pożittiva kienet li f’Għawdex biss intefqu €2.4 miljun f’vawċers filwaqt li fil-ġimgħa tal-festa tal-Vitorja kien hemm aktar minn 98,000 persuna li qasmu l-fliegu.

“Dan kollu juri l-impenn tal-Gvern li jagħti aktar inċentivi lil Għawdex u fuq kollox l-għajnuna li tajna lin-negozji sabiex jibqgħu għaddejjin u ma jintilfux impjiegi.”

Il-konnettività bejn Malta u Għawdex hi importanti. Bħalissa l-passiġġieri qed jużaw il-vapuri tal-Gozo Channel sabiex jaqsmu l-fliegu għalkemm riċentement kellna l-fenomenu tal-Fast Ferry Service li tejjeb din l-istess konnettività.

Iżda x’jikkummenta l-Ministru Camilleri dwar l-air strip proposta bejn Malta u Għawdex?

“Biex intejbu l-konnettività bejn il-gżejjer, ser jiġu mmodernizzati l-faċilitajiet tal-heliport fix-Xewkija u se naħdmu bis-sħiħ fuq konnessjoni bl-ajru. Dan ser jikkumplimenta ħafna t-titjib li sar dan l-aħħar bis-servizz bil-baħar. Fuq kollox, ma rridux ninsew ukoll il-konnettività diġitali bit-tieni fibre optic li tlesta bejn Malta u Għawdex li jagħti serħan il-moħħ lill-industrija diġitali sabiex topera mill-gżira Għawdxija.”

F’dawn l-aħħar snin qed jissemma ta’ spiss l-ambjent fuq il-mezzi tax-xandir lokali. X’ħidma qed issir f’Għawdex f’dan ir-rigward?

Il-Ministru Camilleri qalilna li bħalissa għaddejja l-implimentazzjoni ta’ proġett ta’ restawr jew bini mill-ġdid ta’ ħitan tas-sejjieħ madwar Għawdex kollu b’fondi Ewropej li jlaħħqu ‘l fuq minn €10 miljun. Fl-istess waqt il-ħsieb hu li l-ambjent rurali tal-gżira jkompli jitjieb. Interessanti l-fatt li ser tibda topera l-ewwel reverse osmosis f’Ħondoq ir-Rummien biex tonqos il-pressjoni li qed issir fuq l-ilma tal-pjan u b’hekk tkun tista’ tirriġenera ruħha. Fl-istess waqt il-GRDA (Gozo Regional Development Authority) qed taħdem biex f’Għawdex ikun hemm l-ewwel Heritage Park. Fost l-oħrajn ħareġ il-permess biex jiġi ġġenerat Ġnien il-Ħaddiem fix-Xewkija. 

Kif inhu fatt magħruf, miexi ġmielu x-xogħol sabiex tinbena pixxina ta’ daqs Olimpiku u padiljun sportiv ġdid f’Għawdex. 

“Dan huwa Gvern li jwettaq dak li jwiegħed u sabiex ikomplu x-xogħlijiet fuq iċ-Ċentru Akwatiku u Sportiv ġew allokati €6 miljun fl-aħħar Baġit. B’hekk l-Għawdxin se jkunu qed igawdu minn pixxina ta’ daqs olimpiku kif ukoll padiljun ġdid fil-qalba tar-Rabat kif ukoll numru ta’ faċilitajiet ġodda fosthom għall-ġinnastika, basketball, badminton, squash, wall climbing, acrobatics, weightlifting, aerobics, yoga, arti marzjali u faċilitajiet oħra fejn jista’ jintlagħab sport ieħor fuq ġewwa. Se jkun hemm ukoll żewġ multi-purpose courts fuq barra u numru ta’ kmamar oħrajn intiżi biex jgħinu lill-għaqdiet sportivi Għawdxin.”

It-toroq u l-infrastruttura huma parti oħra importanti mill-konnettività bejn raħal u ieħor f’Għawdex. Anke hawn qed isir ħafna xogħol fuq diversi toroq arterjali u residenzjali. Imminenti se tkun it-tlestija tal-ewwel kisja tat-triq prinċipali li tgħaqqad in-Nadur mal-port tal-Imġarr. Sadanittant ġew allokati €11-il miljun għall-kostruzzjoni u t-titjib tat-toroq għas-sena 2022. B’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali ser issir ukoll ir-riġenerazzjoni tal-pjazez ewlenin fil-Munxar u fis-Sannat.

Minkejja kollox, il-Ministru Camilleri jaħseb li hemm bżonn aktar bicycle lanes fit-toroq Għawdxin?

“Dan huwa Gvern li jemmen fl-użu ta’ mezzi ta’ trasport aktar sostenibbli fosthom, mod minnhom huwa r-rota. Huwa għalhekk li minn Ottubru tas-sena d-dieħla t-trasport pubbliku se jkun b’xejn għal kulħadd.”

“Jekk insemmu l-bini ta’ bicycle lanes, qed tiġini f’moħħi dawk li għamilna fi Triq taż-Żewwieqa meta din ġiet irranġata. Sadanittant, qed naħsbu sabiex jiġu riveduti l-pjanti ta’ Triq Marsalforn biex il-walking u c-cycling lanes jiġu inkorporati f’korsija waħda. Qed naħdmu wkoll mal-Ministru Ian Borg sabiex inħaddmu t-Tal-Linja Bike, sistema ta’ bike sharing li topera minn u lejn numru ta’ stazzjonijiet apposta.”

Finalment tlabna lill-Ministru Camilleri sabiex jgħaddi messaġġ lill-poplu Għawdxi.

“Kif wegħedt u qed nagħmel sa minn meta l-Prim Ministru fdali r-responsabbiltà tal-Ministeru għal Għawdex, il-bieb hu miftuħ għal kulħadd. L-Għawdxin jafu li nisma’ lil kulħadd. Barra minn hekk, jien kommess li nkompli naħdem għal Għawdex u għall-Għawdxin. Il-proġetti li qed inwettqu huma kollha sabiex naraw Għawdex aħjar. Jafu li dan il-Gvern iwettaq dak li jwiegħed.

Il-programmi vasti ta’ proġetti li qed isiru se jservu sabiex l-ekonomija Għawdxija tkun aktar reżiljenti, dinamika u tirpilja aktar malajr mill-pandemija mondjali sabiex tkompli toħloq opportunitajiet ġodda.”

Sport