Saturday, November 16, 2024

“Irridu nagħrfu li pajjiżna huwa darna” – Il-messaġġ taż-żgħażagħ, li ddiskutew mal Ministru Carmelo Abela dwar l-iżvilupp sostenibbli

Aqra wkoll

Il-Ministru Carmelo Abela ltaqa’ b’mod virtwali ma’ numru ta’ żgħażagħ, li jvarjaw minn  studenti tal-Junior College, l-Univeristà ta’ Malta jew li diġà qegħdin fis-suq tax-xogħol. Huma  tkellmu u staqsew fuq il-ħidma tal-gvern fuq l-iżvilupp sostenibbli. Huma wrew interess  partikolari fil-qasam tal-ambjent, fosthom l-immaniġjar tal-iskart, l-użu tal-plastik, l-iżvilupp  infrastrutturali u l-enerġija l-ħadra. Il-Ministru Abela spjega kif l-iżvilupp sostenibbli, apparti  l-pilastru ambjentali, jikkonsisti wkoll fil-pilastru ekonomiku u dak soċjali, fejn permezz ta’  17-il mira tan-Nazzjonijiet Magħquda, 193 pajjiż qed jaħdmu sabiex sas-sena 2030 jilħqu l miri f’dawn l-oqsma. 

Waqt il-laqgħa, iż-żgħażagħ saħqu li wasal iż-żmien fejn il-poplu jkollu iżjed “ownership” ta’  pajjiżu u jagħraf li pajjiżna huwa darna. Il-Ministru ġie mistoqsi x’qed isir minn Malta ħalli  tgħaddi mill-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Magħquda sas-sena 2030. Huwa  qal li f’dawn l-aħħar snin sar ħafna xogħol fuq dawn l-istess miri u li l-gvern ser ikompli jaħdem  u jaddotta politika fejn kull proġett jew policy li joħroġ iżewweġ l-iżvilupp ambjentali,  ekonomiku u dak soċjali flimkien. Żied ukoll jgħid li l-iżvilupp tal-pajjiż, fuq kwalunkwe  qasam, għandu jżomm quddiemu dak li tgħid il-liġi li daħlet fis-seħħ fl-2012 fuq l-iżvilupp  sostenibbli, li tgħid li dan m’għandux ikun ta’ dannu la għal ġenerazzjonijiet preżenti u lanqas  għal dawk futuri.  

Iż-żgħażagħ staqsew fuq l-importanza ta’ kampanji edukattivi kontinwi, sabiex il-pubbliku  jibqa’ jiġi mfakkar fuq l-importanza tar-riċiklaġġ u l-ħarsien tal-oċeani mill-plastik. Semmew  ukoll li jixtiequ jaraw iżjed miżuri bl-għan li jsaħħu l-użu tat-trasport alternattiv. Fuq dan tal aħħar, huma għafsu fuq ħidma għal titjib fil-qasam tat-trasport pubbliku, sabiex iż-żgħażagħ  ma jħossuhomx kostretti li meta jagħlqu t-18-il sena jridu jirrikorru għal xiri ta’ karozza għall moviment tagħhom minn post għall-ieħor. Tkellmu wkoll fuq l-importanza tal-ħarsien tal prodott lokali u ddiskutew li jixtiequ jaraw iżjed kampanji ta’ informazzjoni sabiex iżjed Maltin  jagħżlu u jikkunsmaw il-prodott lokali ta’ ikel bħala l-ewwel għażla naturali tagħhom. Qalu  wkoll li jixtiequ jaraw iżjed għajnuna lis-settur agrikolu Malti, sabiex isaħħu l-qasam ta’  esportazzjoni tal-prodotti lokali Maltin madwar id-dinja. Qalu wkoll li wasal iż-żmien li nħarsu  lejn mod alternattiv tal-metodi użati fil-biedja u l-agrikoltura, b’mod partikolari fejn tidħol l użu tat-teknoloġija u l-preservazzjoni tal-ilma, biex dan il-qasam isir aktar sostenibbli.  

Interessanti wkoll li, matul din id-diskussjoni, żagħżugħa partikolari ressqet ix-xewqa tagħha  li l-gvern jistudja l-effetti u l-benefiċċji tad-dieta magħrufa bħala veganism. Żagħżugħa oħra saħqet fuq il-bżonn ta’ paternity leave, sabiex tissaħħaħ l-ugwaljanza bejn ir-responsabbiltajiet  tal-familja fit-trobbija tal-ulied. Iż-żgħażagħ għarfu wkoll il-benefiċċju tal-qalba minn fuel li  jniġġes għal wieħed tal-gass, li ġabet kwalità ta’ ħajja aħjar.  

Fir-risposta tiegħu, il-Ministru tkellem dwar kif ħafna mill-ideat li tkellmu ż-żgħażagħ huma  ideat prattiċi ħafna. Qal li f’kull bidla li seħħet, l-istorja turi li ż-żgħażagħ dejjem kienu katalisti  biex il-bidliet jibdew iseħħu. Qal li l-kummenti tagħhom iwasslu biex insaqsu kemm aħna lesti  bħala poplu li nbidlu l-kultura u l-attitudni tagħna, mill-metodu tat-trasport li nutilizzaw, għall 

użu tal-prodotti li nużaw fit-tisjir, għal mod ta’ kif niddisponu mill-iskart. Qal li jaqbel li dan  kollu jġib miegħu l-ħtieġa tal-edukazzjoni tal-ħajja, li jiġi mgħallem b’mod prattiku permezz  tal-esperjenzi tal-ħajja. Rigward il-qasam tal-bdiewa, il-Ministru Carmelo Abela qal li rridu  nħajru iżjed żgħażagħ jidħlu għal din li tista’ wkoll titqies bħala karriera, fejn din tirrikjedi  professjonalità u t-tħaddim tat-teknoloġija. Il-Ministru Carmelo Abela qal ukoll li aspett ieħor  tal-iżvilupp sostenibbli huwa l-ħsieb li nagħrfu ħajja ta’ kwalità tal-bniedem, biex dan ikun  jista’ jgawdi aħjar il-ħajja mal-għeżież tiegħu. Qal li b’dan l-għan, il-gvern daħħal għar-raba’ darba konsekuttiva fil-baġit tiegħu ż-żieda ta’ ġurnata leave lill-ħaddiema għal dawk il-festi  pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa.  

Il-kordinattriċi ta’ din il-laqgħa, is-Sinjura Stephanie Fenech mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun,  irringrazzjat lill-Ministru Abela talli jemmen fil-valur tal-ideat u l-ħsibijiet taż-żgħażagħ fil formulazzjoni tal-politika. Qalet li ż-żgħażagħ iridu jħossuhom attivi fis-soċjetà u li għandhom  ħafna x’joffru għall-benessere ta’ pajjiżhom.

Ekonomija

Sport