Sunday, December 22, 2024

“Irridu nagħtu l-aħjar ħiliet lill-Maltin biex id-dipendenza fuq il-ħaddiema barranin tkun meqjusa”

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt id-diskors tiegħu fil-Parlament, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul tkellem dwar ir-rapport finanzjarju tal-Jobsplus. Ellul beda biex jgħid li dawn l-aħħar sentejn ikkonfermaw aktar minn qatt qabel l-irwol tal-Aġenzija li wriet r-reżiljenza tagħha. Kompla biex jispjega li l-politika sabiex naslu fejn nixtiequ f’dan ir-rigward, ġiet addottata fir-raba kwart tas-sena l-oħra, permezz tan-National Employment Policy (NEP). Dan il-pjan iffoka fuq l-attivazzjoni tan-nies fil-post tax-xogħol, iġifieri l-implimentazzjoni ta’ miżuri u politika li jattiraw iżjed ħaddiema. 

Ellul ikkwota l-aktar statistika riċenti li turi żieda ta’ 4.3 fil-mija fin-nies jaħdmu meta mqabbel ma’ Jannar u Marzu tas-sena l-oħra. L-għadd ta’ nies jaħdmu sa Marzu laħqu livell rekord ta’ 274,493 ruħ, li 19,000 minnhom  inħolqu mill-2020 ’l hawn – kważi imjieg ġdid fis-siegħa. Mill-istess stħarriġ ħareġ li kważi li 79 fil-mija tal-popolazzjoni li għandha bejn il-15 u l-64 sena qegħdin jaħdmu. 

Il-ħaddiema Part-time

Dwar il-ħaddiema part-time, Ellul qal li dawn għandhom rwol importanti sabiex is-suq tax-xogħol jibqa’ robust u flessibbli anke għax jimlew l-ispazju li jinħoloq meta jkollok ċertu tkabbir sinifikanti. Il-ħaddiema part-time fil-fatt żdiedu bi kważi 8,500 f’disa snin sal-2019. Spjega li x-xogħol part-time huwa wkoll transizzjoni importanti għal dawk in-nisa li jridu jirritornaw lura għax xogħol u fl-istess waqt ikomplu jieħdu ħsieb il-familja u impenji tad-dar. 

Il-ħaddiema barranin f’pajjiżna

L-aġenzija tal-impjiegi, Jobsplus, poġġiet il-persentaġġ ġenerali ta’ ħaddiema barranin fis-suq tax-xogħol għal 27.9% minn Settembru tas-sena li għaddiet.

Skont is-Segretarju Parlamentari dan jirrifletti l-firxa tal-politika tal-gvern li jġib ċittadini mhux Maltin biex ipatti għal nuqqasijiet fil-provvista tax-xogħol lokali.

Is-settur tal-gambling u betting ħareġ bħala l-aktar li jimpjega ħaddiema barranin is-sena li għaddiet, bi 58.6% tan-nies fl-industrija jirriżultaw li ma  kinux Maltin. 

Ellul qal li jeħtieġ li nibqgħu nagħtu valur lill-ħaddiema barranin f’kull settur, għaliex grazzi għad-diversità fil-ħiliet u l-ideat li jġibu magħhom, pajjiżna jibqa’ reżiljenti, u fl-istess waqt, pero, irridu nkomplu nagħtu l-aħjar ħiliet lill-istudenti u lill-ħaddiema Maltin ukoll, sabiex id-dipendenza fuq il-barrani tkun meqjusa. 

Suċċessi miksuba fl-aħħar 10 snin m’għandhomx iwaqqfu l-ħidma

Ellul irrimarka dwar is-suċċessi li kisbu Gvernijiet Laburisti tul dawn l-aħħar għaxar snin fis-suq tax-xogħol, anke meta x-xejriet eonomiċi offrew kurrent kontra. 

“Ingħelbu sfidi li kien ilna biex negħlbu, iżda mhux biżżejjed. Baqalna. U hawnhekk nixtieq insemmi wkoll iż-żgħażagħ, speċjalment ir-rata NEET (Not in employment, education and training), li tiġbor fiha dawk bejn 15-24 sena li mhumiex f’imjieg, edukazzjoni u taħriġ. Bħala missier u anke ħaddiem, nixtieq nara li din ir-rata tonqos. Irridu flimkien nkomplu nistinkaw bies tassew nagħtu futur aħjar lil dawk li ġejjin warajna. Irridu nistinkaw biex kull wieħed u waħda minnha jħoss li għandu postu fid-dinja tax-xogħol”, temm jgħid Ellul.

Ekonomija

Sport