Il-każ li seħħ fil-Ħamrun fl-aħħar jiem fejn rajna żewġ uffiċjali tal-Pulizija jiġu msawwtin waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom, qajjem diskussjoni. Ħafna ħassewhom ixxukkjati bil-filmati li bdew jixxandru.
Filmati li kienu juru żewġ uffiċjali tal-Pulizija jispiċċaw msawwtin b’wieħed minnhom jispiċċa fl-art. Id-diskussjoni iffukat fuq il-Pulizija. Imma r-realtà hi li dak li seħħ lil dawn l-uffiċjali tal-Pulizija jista’ jseħħ lil kategoriji oħra ta’ ħaddiema li jagħtu servizz lill-pubbliku. Bħala eżempju għandna l-ajruport li hu privat imma l-pubbliku kollu minn hemm jgħaddi. Dawn ukoll għandhom jitqiesu bħala li qed jagħtu servizz lill-pubbliku. Quddiem ir-rabja tan-nies, rajna kif bdiet tissemma’ żieda fil-pieni għal min iwettaq reati simili. Id-domanda li ssir hi jekk b’żieda fil-pieni hux se tkun qiegħda ssir ġustizzja soċjali, l-aktar quddiem il-fatt li llum il-liġi hi tali li f’reati bħal dawn tista’ tagħti is-sentenza sospiża.
IT-TORĊA tkellmet mas-Segretarju tat-Taqsima Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u Infurzar tal-Liġi fi ħdan il-General Workers Union (GWU), Theo Vella.
Enfasizza li “l-issue mhux il-Pulizija. L-issue hi fuq kull uffiċjal li jagħti servizz lill-pubbliku li jkun qed jagħmel id-doveri tiegħu. Irridu nipproteġu lil kulħadd. Lil kull min qed jagħmel id-dover tiegħu. Imma għandna sitwazzjoni fejn il-gvern qiegħed jixtri servizzi ta’ ħaddiema mingħand il-kuntrattur.
Lil dawn irridu nipproteġuhom ukoll. Dawn ħaddiema. Għandek per eżempju l-uffiċjali tas-sigurtà tal-kuntratturi. Sa issa qegħdin nitkellmu fuq uffiċjali pubbliċi, u allura nistaqsi dawn il-ħaddiema tal-kuntrattur li l-gvern qed jixtri s-servizz tagħhom għas-servizz pubbliku, se nibqgħu nħalluhom bla protezzjoni?
Dawn x’għandhom differenti minn ħaddiema oħra fis-settur pubbliku? Il-liġi trid toffri protezzjoni lil dawk il-ħaddiema kollha li qegħdin jagħtu servizz lill-pubbliku u għaldaqstant nemmen li d-definizzjoni ta’ uffiċjal pubbliku għandha tkun estiża biex tinkorpora fiha lil dawk il-ħaddiema kollha li b’xi mod jagħtu servizz lill-pubbliku inġenerali. Sa issa dawn il-ħaddiema, jiġifieri ħaddiema li l-Gvern jixtri s-servizz tagħhom mingħand il-kuntrattur, u ħaddiema oħra li jagħtu servizz dirett lill-pubbliku inġenerali mhux meqjusin bħala uffiċjali pubbliċi. Hemm bżonn intuhom il-protezzjoni” jisħaq Theo Vella.
Theo Vella jgħidilna li hemm ukoll il-punt tas-sentenza sospiża jew probation. Naħseb li hawnhekk għandha tiddaħħal klawsola li l-ġudikant bl-ebda mod ma jista’ jagħti sentenza sospiża jew probation għal dawn ir-reati fuq uffiċjali u ħaddiema li jagħtu servizz lill-pubbliku. Il-liġi tgħid li kull min jattakka jew jagħmel reżistenza bi vjolenza jew b’ħebb ta’ xorta li ma titqiesx vjolenza pubblika, kontra persuna inkarigata skont il-liġi minn servizz pubbliku, filwaqt li tkun taġixxi għall-eżekuzzjoni tal-liġi jew ta’ ordni mogħti skont il-liġi mill-awtorita kompetenti, jeħel, metą jinstab ħati: jekk l-attakk jew ir-reżistenza isiru minn iwieħed jew tnejn minn nies, il-piena ta’ priġunerija minn sitt xhur sa sentejn u għal multa ta’ mhux inqas minn €4,000 u mhux iżjed minn €10,000. Jekk l-attakk jew ir-reżistenza isiru minn tlieta minn nies jew aktar, il-piena ta’ priġunerija minn disa’ xhur sa tliet snin u għal multa ta’ mhux inqas minn €5,000 u mhux iżjed minn €15,000.”
Jisħaq li “bħalisa għandna r-realtà li għal dawn ir-reati l-ġudikant jista’ jagħti sentenza sospiża u saħansitra probation. Naħseb li wasal iż-żmien li tiddaħħal emenda biex sentenza sospiża jew probation ma jkunux jistgħu jingħataw minn ebda ġudikant u dan biex jitwassal il-messaġġ ta’ tolleranza żero. Jekk verament nemmnu fil-ġustizzja soċjali il-piena għandha tkun ħabs effettiv”.