Saturday, November 23, 2024

“Irridu naraw li l-linja nazzjonali tal-ajru terġa’ tibda ttir”

Aqra wkoll

Il-Gvern qed iħejji pjan post-COVID għall-Air Malta

Minn MELVIN FARRUGIA

Il-Gvern qed iħejji pjan għall-Air Malta biex wara li tgħaddi l-pandemija u jerġa’ jinfetaħ l-ajruport, din tkun tista’ terġa’ tibda tiġġenera l-attività. Minkejja li dan hu kapitlu iswed għall-industrija tal-avjazzjoni, il-Gvern irid jara li l-linja nazzjonali tal-ajru, li hi tant għal qalbu, terġa’ tibda ttir. 

Din kienet id-dikjarazzjoni tal-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar, Silvio Schembri li f’intervista li għamilnielu stqarr li minn mindu feġġet il-pandemija tal-COVID-19, deher biċ-ċar li din kienet se tħalli ċertu impatt u allura kien hemm bżonn li wieħed jilqa’ għalih. 

Hu spjega li biex l-Air Malta tibqa’ taħdem riedu jiġu riveduti l-kuntratti tagħha; kemm dawk relatati ma’ fjuwil, kemm dwar il-flotta u anke l-ikel. Qal li kellhom jitnaqqsu l-pagi tal-ħaddiema, kemm tal-inġiniera u anke ta’ dawk li jirreferu għalihom bħala tar-rampa, li qablu li jieħdu s-suppliment tas-salarju ta’ €1,200. Magħhom tnaqqsu wkoll il-pagi tal-management, fejn il-Kap Eżekuttiv innifsu qed jirċievi 70% inqas tas-salarju tiegħu. 

Schembri qal li nħass il-bżonn li kulħadd jiġbed ħabel wieħed. Saħaq li l-linja nazzjonali tal-ajru hi ta’ kulħadd u għalhekk li din ma kinitx ċirkostanza fejn wieħed jara x’se jakkwista. Qal li kien hemm bżonn li jittieħdu d-deċiżjonijiet iebsau li jittieħdu minnufih. Madankollu, tenna li dan sar fl-aqwa interess għall-futur tal-linja nazzjonali. 

Dwar il-futur tal-Air Malta, il-Ministru Silvio Schembri qal li sakemm ma ġiet l-imxija tal-COVID-19, in-numri ta’ turisti li jivvjaġġaw lejn pajjiżna kien dejjem qed jiżdied. Qal li dan ir-ritmu jrid jerġa’ jaqbad bil-mod il-mod, anke peress li dak li jkun jaf ikun irid iż-żmien biex jerġa’ jġib il-kunfidenza li jsiefer. Għalhekk qal li kollox irid isir b’mod gradwali. 

Ekonomija li se tiċkien bi ftit aktar minn 5%

Mistoqsi dwar l-impatt ekonomiku li ħalliet din l-imxija, il-Ministru qal li bħal kull pajjiż ieħor fid-dinja, aħna wkoll ġejna affettwati. Madankollu, qal li mill-bidu nett il-Gvern ħa l-miżuri meħtieġa biex jipproteġi lin-negozji u lis-self-employed, filwaqt li ssalvagwardja għadd kbir ta’ impjiegi. Semma li beda bil-posponiment ta’ ħlas ta’ taxxi tal-VAT, taxxi tal-bolla u taxxa proviżjonali biex jipproteġi l-likwidità tan-negozji. Imbagħad qal li nfetħu skemi bħal dik tat-telework, tal-Leave tal-Kwarantina u l-iktar waħda mfittxija – il-COVID Wage Suppliment. Qal li bi qbil mal-imsieħba soċjali, hawn intleħaq ftehim storiku li wassal biex ħaddiema jirċievu €800 f’salarju mill-Gvern u min iħaddimhom iżid magħhom €400. 

Il-Ministru qal li rapporti ta’ aġenziji internazzjonali u istituzzjonijiet finanzjarji kollha kellhom l-istess tbassir dwar l-impatt fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna. Semma li l-iktar wieħed riċenti kien rapport ekonomiku mill-Università ta’ Columbia fi New York, li rrimarka li Malta qed tinvesti b’mod b’saħħtu fis-salvagwardja tan-negozji u tal-impjiegi, tant li għandha l-akbar pakkett ekonomiku fid-dinja f’termini ta’ perċentwal tal-Prodott Domestiku Gross li jaqbeż dak ta’ pajjiżi bħall-Ġappun, il-Lussemburgu u l-Istati Uniti fost l-oħrajn. 

Barra hekk, semma lil Fitch, Moody’s u Standard and Poor’s li kollha qalu li l-prospetti ta’ Malta huma stabbli, tant li jistennew li minkejja l-effett qawwi tal-pandemija mill-aspett ekonomiku u dak fiskali fl-2020, l-effett fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna u l-finanzji pubbliċi mistenni jkun wieħed limitat. Qal ukoll li kemm il-Fond Monetarju Internazzjonali, kif ukoll il-Kummisjoni Ewropea, ħarġu tbassir li l-impatt ekonomiku fuq pajjiżna se jkun inqas mill-medja Ewropea. Qal li dawn huma osservazzjonijiet pożittivi, iżda li jħeġġu lill-Gvern biex jibqa’ saqajh mal-art, jimxi bilgħaqal bħalma għamel fi snin preċedenti u jkompli jieħu d-deċiżjonijiet. 

Schembri semma kif fl-iStability Programme li ħareġ il-Gvern, ġie kkalkulat li fl-2020 l-ekonomija tagħna se tiċkien bi ftit aktar minn 5%, u dan meta f’pajjiżi ġirien se tonqos bi kważi d-doppju. Qal ukoll li din is-sitwazzjoni hi waħda dinamika, li tinbidel kontinwament u bħala Gvern kompatt se jkun kapaċi jaddatta u jindirizza ċ-ċirkustanzi li jiġu quddiemu. 

“Niggarantixxi li mhux se nħallu lin-negozji għal riħhom”

Rigward in-negozji u l-għajnuniet li se jingħataw mill-Gvern, il-Ministru Schembri qal li dak li hu żgur u li dak li qed jiggarantixxi hawn hu li l-Gvern mhux se jħallu lin-negozji għal riħhom. Qal li dan hu vjaġġ li rridu nimxu flimkien id f’id. 

Spjega li minkejja li tneħħew xi restrizzjonijiet u dħalna għal normalità ġdida, xorta rridu naraw x’se ġġib magħha. Qal li vera nfetħu l-ħwienet, iżda dan ma jfissirx li n-nies se jmorru jixtru. Spjega li hemm l-aspett psikoloġiku li dan ukoll wieħed irid iħares lejh, fejn in-nies trid terġa’ tibda tħossha komda u taqbad ir-rutina tagħha qabel ma’ dawn jerġgħu jibdew imorru jixtru. Għalhekk qal li minkejja li l-ħwienet fetħu, dan ma jfissirx li se jagħmlu profitt mill-ewwel bħal qabel. Qal li hemm bżonn ta’ stimolu ekonomiku u dan hu dak li qed jara l-Gvern fil-proċess ta’ tranżizzjoni.

Il-Ministru silvio Schembri spjega li biex l-Air Malta tibqa’ taħdem riedu jiġu riveduti l-kuntratti tagħha

Schembri qal li minħabba f’hekk il-Gvern estenda l-miżuri ta’ għajnuna għal Mejju u Ġunju, biex in-negozji jibqgħu jingħataw l-għajnuna. Saħaq li l-għajnuna mhix se tieqaf zopptu u l-Gvern se jibqa’ jgħin sakemm in-negozji jkunu qegħdin jirkupraw b’mod sostanzjali. Qal li dan kien biss possibbli għax il-Gvern fl-aħħar snin irnexxielu jtejjeb ħafna l-finanzi tiegħu u faddal mijiet ta’ miljuni li permezz tagħhom seta’ jagħti dan il-pakkett qawwi biex jipproteġi l-impjiegi.  

Inħarsu lejn il-futur b’mod ħolistiku

Rigward il-futur u l-mod kif se nerġgħu nqumu fuq saqajna, il-Ministru qal li l-Gvern irid iħares lejn is-sitwazzjoni b’mod ħollistiku, peress li kull settur jaffettwa lill-ieħor. Spjega li rridu nħarsu lejn l-aspett domestiku anke bħala mezz ta’ stimolu, jiġifieri li jinxtraw servizzi lokali, prodotti lokali u anke jsiru vaganzi lokali biex ikun hemm l-injezzjonijiet fl-ekonomija ħalli din terġa’ tibda ddur b’mod b’saħħtu fuq livell lokali. 

Fl-isfond ta’ dan kollu, Schembri qal li rridu naraw li nibqgħu kompettitivi, fl-istess waqt li nsostnu l-ħiliet tal-ħaddiema tagħna f’dan iż-żmien ta’ sfida. Qal li hemm opportunità li ma tridx titwarrab. Semma wkoll li rridu naraw li nkomplu ngħinu lin-negozji Maltin, fosthom dawk li anke investew f’dan il-perjodu. Semma li kien ta’ pjaċir li flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela żar il-kumpanija Metalform li investiet, addattat għal dan iż-żmien ta’ sfida u anke se toħloq 50 impjieg ġdid. Qal li bħala Gvrn dan se jibqgħu jinkoraġġuh. Barra hekk, qal li rridu nibqgħu attenti biex nattiraw investiment dirett barrani u naraw li jibqgħu iħarsu lejn Malta bħala l-post ideali ta’ investiment. 

Dwar l-impatt fuq setturi differenti, Silvio Schembri qal li kien hemm uħud li ntlaqtu bis-saħħa minħabba l-virus, filwaqt li oħrajn ftit li xejn ħassewh jew inkella żdiedet id-domanda għalihom bħas-supermarkets. Semma wkoll li kieen hemm negozji oħra li użaw dan il-perjodu biex tejbu s-servizzi tagħhom u minħabba f’hekk anke ħolqu impjiegi ġodda. Sostna li dawn l-elementi għenu biex anke jiġu riflessi f’rapporti internazzjonali, fejn Malta ġiet meqjusa li għandha sisien sodi u allura se toħroġ minn dan iż-żmien b’saħħitha. 

Il-Ministru qal ukoll li d-diversifikazzjoni li twettqet fl-aħħar snin fissret li d-dipendenza tagħna fuq setturi bħat-turiżmu u l-bejgħ bl-imnut naqset xi ftit. Qal li minflokhom kibru s-servizzi professjonali li ħafna minnhom ma għandhomx bżonn kuntatt fiżiku u allura setgħu jibqgħu għaddejjin. Barra hekk, qal li din l-amministrazzjoni reġgħet tat ir-ruħ lis-settur tal-manifattura li qiegħda tgħin biex inkomplu nesportaw.

Il-Malta Enterprise kellha rwol kruċjali

Il-Ministru qal li filwaqt li kien hemm min ġie impattat b’mod negattiv mill-COVID-19, min-naħa l-oħra kien ukoll min ra żieda fil-bejgħ, jew inkella addatta għas-sitwazzjoni. Semma li kien hemm min kien joqgħod pass lura mid-dinja diġitali u ħadem biex in-negozju tiegħu jkollu viżibilità online. Qal li oħrajn introduċew servizzi ġodda, bħal li jwasslu ix-xirjiet wara l-bieb tad-dar tiegħek, jew inkella investew f’telework u raw riżultati pożittivi f’dan ir-rigward. 

Għalhekk qal li din iċ-ċirkostanza ġabet ukoll aspett pożittiv, li seta’ aċċellera l-progress tagħna għall-futur. Qal li hu jittama li dawn is-servizzi introdotti f’dan il-perjodu jibqgħu fis-seħħ. 

F’dan ir-rigward, il-Ministru qal li l-Malta Enterprise kellha u se jibqa’ jkollha rwol kruċjali għall-futur. Irringrazzja lill-ħaddiema kollha tad-dedikazzjoni tagħhom biex jassistu lin-negozji, liema ħidma ma qatgħetx biex jassistu u qed ikomplu jassistu fil-proċess ta’ applikazzjonijiet u f’ċerti ċirkostanzi anke jċemplu lin-negozji huma stess biex ikun assigurat li l-miżuri ta’ appoġġ ekonomiku jilħqu lil kulħadd. Schembri qal li l-Malta Enterprise se tibqa’ tamministra dawn l-iskemi, inkluż dik tar-rati ta’ interessi bankarji sussidjarji li tħabbru għan-negozji aktar kmieni dan ix-xahar. Iktar minn hekk, qal li filwaqt li kellha taġġusta għal dawn iċ-ċirkostanzi, baqgħet għaddejja bil-ħidma tagħha fejn kompliet tassisti negozji li jixtiequ jinvestu kif ukoll dawk li ressqu proposti tagħhom dwar kif l-operat tagħhom addatta f’dawn l-isfidi. 

Il-Ministru qal li l-Gvern se jibqa’ jaħdem hekk, ilkoll flimkien, biex juri kif Malta addattat f’dan il-mument ta’ prova u x’miżuri ħadet. Qal li b’dan il-mod inwasslu messaġġ ta’ serħan il-moħħ, li pajjiżna hu l-post ideali fejn wieħed għandu jinvesti. 

Irridu nnisslu ottimiżmu ħalli ndawru r-rota ekonomika

Għalhekk il-Ministru jgħid li aktar milli nħarsu ‘l quddiem, irridu nagħtu kas ta’ dan il-perjodu. Tenna li din hi opportunità biex insostnu l-ħiliet tal-ħaddiema tagħna u noħorġu b’ċerta kompettitività. Għalhekk qal li rridu nnisslu sens ta’ ottimiżmu fost min iħaddem, fost il-ħaddiema u anke fost il-konsumatur ħalli terġà taqbad ir-rota ekonomika. Qal li rridu nħarsu lejn l-aspett intern, jiġifieri l-ekonomija domestika, ħalli din terġà tqum fuq saqajha u bil-mod terġà tiftaħ għal dik internazzjonali. Saħaq li hu proċess gradwali, li se jgħinna nergħu niksbu suċċess jekk inkomplu nimxu id f’id. Saħaq li rridu nsaħħu ħafna l-ekonomija diġitali għax din il-kriżi wriet li mhux kulħadd kien attrezzat biżżejjed biex ikun jista’ jopera b’mod remot jew virtwali. Barra hekk, qal li hemm bżonn li nkomplu niddiversifikaw għax id-dipendenza fuq industrija partikolari fiha ħafna riskji. Għalhekk qal li l-prijorità se tkun biex inkomplu nibdlu l-ekonomija tagħna u nattiraw lejna setturi ġodda u dinamiċi.

Għaldaqstant, il-Ministru Schembri qal li bħala Gvern qed jaħdem qatigħ biex ma jintilfux xogħlijiet. Qal li l-Gvern ħareġ miżuri biex jgħin lill-kumpaniji u lill-ħaddiema affetwati, għax jemmen li meta jerġà jkun hemm dak ir-ritmu, eventwalment dawn il-kumpaniji jerġgħu jibdew jimpjegaw lill-ħaddiema. Madankollu, Silvio Schembri qal li hu importanti li f’ċirkostanzi bħal dawn wieħed jidentifika l-opportunitajiet u jsostnihom. Saħaq li dan hu żmien li l-kumpaniji jħarrġu lill-ħaddiema tagħhom u qal li hu jaf b’min diġà qed jagħmel dan. Qal li oħrajn qed iwettqu proġetti ta’ investiment li xtaqu jwettqu minn żmien ilu u li eventwalment se jwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi. Għalhekk qal li bħala Gvern se jibqa’ qrib tan-negozji, jifhimhom f’din is-sitwazzjoni, jassistihom u jimxi id f’id magħhom. Qal li hekk se jkompli jagħmel f’din in-normalità ġdida biex b’hekk nerġgħu naqbdu dak ir-ritmu ekonomiku. 

Sport