“Filwaqt li rridu nżommu l-livell għoli ta’ ambizzjoni li għandna, irridu daqstant ieħor naraw li nilħqu l-miri tagħna mingħajr ma nitfgħu piżijiet sproporzjonati fuq il-familji u n-negozji tagħna”.
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fi Stqarrija Ministerjali li għamel fil-Parlament fejn tkellem dwar il-parteċipazzjoni tiegħu fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew u l-Euro Summit nhar it-23 t’Ottubru li għadda.
Fuq l-aġenda tal-Kunsill Ewropew kien hemm diskussjonijiet importanti fosthom dawk marbuta mal-isfidi tat-tibdil fil-klima, il-kompetittività u l-ekonomija. Hawn il-Prim Ministru nsista li “fid-diskussjonijiet dwar il-miri li rridu nilħqu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, pajjiżna jrid jibqa’ jkun ambizzjuż.”
“Però kont ċar, u ser nibqa’ nkun ċar, li mhux ser naċċetta li jittieħdu deċiżjonijiet li ma jkunux jiżnu r-realtajiet speċifiċi ta’ kull Stat Membru, inkluż b’mod partikolari dawk tal-Istati Membri gżejjer bħalma huwa pajjiżna, fejn l-isfidi tagħna ma jistgħux ikunu kkumparati ma’ tal-ebda pajjiż ieħor għaliex huma sfidi konnessi b’mod dirett mal-ġeografija ta’ pajjiżna, mal-fatt li pajjiżna huwa dipendenti totalment mill-konnettività u minn industriji bħal dawk tal-marittimu u l-avjazzjoni, u ma’ għadd ta’ limitazzjonijiet naturali li ma jħalluniex nagħmlu affarijiet li jistgħu jsiru fil-kontinent bi ftit sforz.”
Il-Prim Ministru enfasizza li matul din id-diskussjoni nsista bis-saħħa li dawn ir-realtajiet iridu jkunu riflessi fil-leġiżlazzjoni li trid tipproponi l-Kummissjoni Ewropea sabiex l-UE tilħaq il-miri klimatiċi li għandha għall-2040 u l-2050. “Punt importanti ħafna biex ikollna proċess ġust hu li kull pass irid ikun studjat fid-dettall mill-Kummissjoni Ewropea qabel ikun propost.
Din il-pożizzjoni ġiet riflessa wkoll f’dikjarazzjoni li għamilna bħala pajjiż u li ġiet annessa mal-konklużjonijiet formali tal-Kunsill Ewropew, fejn b’rabta ma’ paragrafu 40 tal-konklużjonijiet, ġew deskritti r-realtajiet u l-bżonnijiet speċifiċi ta’ Stati Membri gżejjer bħal Malta.”
“Il-messaġġ huwa ċar u ser nara li jkun sostnut hekk kif qed nibdew proċess biex fix-xhur li ġejjin il-Kummissjoni tressaq ‘il quddiem proposti biex nilħqu l-mira ta’ tnaqqis ta’ 90% tal-emissjonijiet sal-2040,” tenna l-Prim Ministru.
Tema oħra li ġiet diskussa f’din il-laqgħa kienet l-Ukrajna u l-appoġġ li bħala Unjoni Ewropea jridu jibqgħu jagħtu. Il-Prim Ministru semma kif għal darb’oħra huwa saħaq bis-sħiħ fuq is-solidarjetà kontinwa li rridu nibqgħu nuru mal-poplu Ukren u fakkar kif pajjiżna, bħalma dejjem għamel f’kull okkażjoni li kellu, se jibqa’ jagħti kull għajnuna possibbli, naturalment għajnuna li tkun konformi mal-parametri Kostituzzjonali tagħna.
“Mill-ġdid tennejt ukoll però li rridu nkunu ċerti li nsostnu kull tip ta’ sforz, ġej minn fejn ġej, lejn in-negozjar ta’ trattat li jista’ joffri garanzija ta’ paċi,” qal il-Prim Ministru.
F’dan il-Kunsill Ewropew kompliet ukoll id-diskussjoni dwar id-difiża u s-sigurtà tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, il-Prim Ministru kompla jenfasizza l-importanza tal-immobilizzar ta’ riżorsi u għajnuna umanitarja, partikolarment f’Gaża.
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għal-laqgħa informali ta’ kordinament dwar il-migrazzjoni, li saret qabel il-Kunsill. Huwa qal li f’din il-laqgħa, il-messaġġ tiegħu kien wieħed kostanti li bħala Unjoni jridu jagħmlu sforz kollettiv u strateġiku b’enfasi fuq solidarjetà, responsabbiltà u kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, inkluż dawk tal-oriġini u tat-tranżitu.
Fl-aħħar nett, il-Prim Ministru tkellem dwar il-parteċipazzjoni tiegħu fil-Euro Summit fejn qal li “kellna l-opportunità li flimkien mal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Christine Lagarde u l-President tal-Eurogroup Paschal Donohoe, niddiskutu l-isfidi għall-ekonomija Ewropea, il-koordinament ekonomiku u fiskali, u l-irwol kruċjali tal-Ewro għall-istabbiltà.
“Hawn il-prijorità tagħna tibqa’ li bħala Unjoni Ewropea nsaħħu s-sostenibbiltà fiskali u li jkollna politika Ewropea ta’ flessibbiltà u r-rispett lejn il-kompetenzi nazzjonali, filwaqt li nibqgħu nħarsu l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri,” tenna l-Prim Ministru.
Huwa għalaq billi qal: “f’dawn id-diskussjonijiet tibda tisma’ lill-kollegi jitkellmu fuq l-istat li fih jinsabu l-ekonomiji tagħhom, tisma’ lil kulħadd jitkellem fuq il-miżuri li qed ikollhom jieħdu biex jissikkaw iċ-ċintorin, miżuri ta’ awsterità. Bdejt nisma’ u nħossni aktar kburi b’dak li rnexxielna niksbu f’pajjiżna, il-kuntrast qawwi ma’ dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra jkompli jikkonvinċini minn dak il-ġid li qed inwettqu f’pajjiżna, ġid li rajnieh bl-aktar mod ħaj din il-ġimgħa fit-tħabbira tal-budget għas-sena li ġejja.”

