Friday, November 22, 2024

Irridu naraw x’ħajja se jkollu l-poplu Afgan u nittama li ma nħallux lil-Libja ssir Afganistan ieħor

Aqra wkoll

Nhar it-Tlieta li għadda l-mexxejja ġodda Talibani fl-Afganistan taw l-ewwel konferenza tal-aħbarijiet tagħhom fejn taw l-ewwel indikazzjoni dwar kif beħsiebhom imexxu l-pajjiż issa li telqu t-truppi Amerikani u dawk tan-NATO mill-pajjiż. Taw diversi assigurazzjonijiet speċjalment f’dawk li huma drittijiet u involviment tan-nisa u tfajliet fis-soċjeta’. Madankollu l-Ministru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej Malti Evarist Bartolo tenna ma’ inews li għadu kmieni biex wieħed jasal għal ċertu konklużjonijiet u biex jikkonferma kemm dawn il-garanziji mogħtija huma biżżejjed.  

“Ma nista qatt ninsa x-xeni li rajna nhar it-Tnejn fuq il-mezzi tax-xandir internazzjonali ta’ Afgani komuni li tant kienu ddisprati li rikbu fuq il-gwienah ta’ ajruplan biex jaħarbu minn Kabul u wieħed wieħed waqghu mill-għoli lejn il-mewt taghhom. Ix-xeni li qed naraw mill-Afganistan f’dawn il-jiem jerġgħu jikkonfermawlna li gwerer kontra t-terroriżmu waħedhom ma jsolvux problemi fit-tul,” tenna l-Ministru Bartolo. 

Is-sitwazzjoni fl-Afganistan matul is-snin

Mistoqsi wkoll dwar kif evolviet is-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż fl-aħħar snin, Bartolo fakkarna li għoxrin sena ilu l-Istati Uniti nvadiet l-Afganistan biex tneħħi t-Taliban mit-tmexxija. Issa t-Talibani reġgħu ħadu t-tmexxija. Fl-ewwel tliet snin l-Istati Uniti, bl-għajnuna tal-forzi alleati, kienet neħħiet kull periklu li l-Afghanistan jintuża għat-terroriżmu internazzjonali. “Madankollu, suppost li l-aħħar 17-il sena kellhom iservu biex jinbena Afganistan ġdid. Passi ‘l quddiem saru imma jidher li l-bini l-ġdid ma sarx fuq blat sod biżżejjed. Biex tibni pajjiż stabbli jrid ikun hemm żvilupp politiku, soċjali u ekonomiku li minnu jgawdi l-poplu, żvilupp li jieħu ż-żmien. Il-familji jridu jħossu li l-ħajja tagħhom qed titjieb bil-ħolqien tal-ġid u t-tqassim ġust tiegħu, bil-ħolqien tax-xogħol li jgħin futur jinbena, bid-drittijiet tal-ugwaljanza u ħielsa mill-biża’. Dan ma seħħx kif kien mistenni u l-eżempji tal-Afganistan, tal-Irak, fis-Sahel fl-Afrika, fil-Libja kollha spiċċaw eżempji ta’ nofs xoghol.”

Il-Ministru Bartolo qabbel din is-sitwazzjoni ma’ qisek waqqajt bini antik biex tibni wieħed ġdid minfloku. Iżda ġibt lil min iwaqqa’ l-bini u ma ġibtx biżżejjed bennejja u l-bini l-ġdid għadu lura biex jitlesta. Hekk tħalli biss ħafna ħerba u ftit bini. Waqqajt il-bini l-antik u ma bnejtx il-ġdid b’pedament b’saħħtu. F’sitwazzjoni bħal din l-aktar li jbatu dawk li tkun tajthom tama ta’ dar ġdida u issa jħossuhom ittraduti, abbandunati u mormija.

Iżda jħossuhom abbandunati minn min ? Skont il-Ministru Bartolo jkunu jħossuhom abbandunati mill-politiċi u l-mexxejja tagħhom stess li ħarbu. Abbandunati minn dawk il-barranin li ġew biex isalvawhom u jtuhom ħajja aħjar u qabdu u telqu bla ma ppjanaw sew x’se jiġri meta jitilqu u t-Talibani sabu bieb miftuħ biex jerġgħu jieħdu l-pajjiż lura mingħajr wisq ġlied u taħbit. Hu żied jgħid li fiż-żmien li ġej se naraw x’ħajja se jkollu l-poplu, in-nisa u l-irġiel tal-Afganistan. 

Invasjonijiet fl-Afganistan

Dwar dawn l-invasjonijiet, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej staqsa meta se nitgħallmu mill-istorja? Fl-aħħar 200 sena r-Renju Unit invada tliet darbiet. Invadew ukoll l-Unjoni Sovjetika u l-Istati Uniti. Dawn kollha nvadew l-Afganistan għall-interessi tagħhom mhux għall-ġid tal-poplu Afgan. “Hadd minnhom ma tgħallem mill-iżbalji li għamlu l-oħrajn jew huma nfushom. Jekk wieħed jidħol f’dawn il-pajjiżi b’sens ta’ superjorita` biex timponilhom is-soluzzjonijiet, xorta ma tasalx.”

Saħaq ukoll li f’sitwazzjoni bħal din, flok tibni mill-pedamenti, mill-poplu tal-pajjiż innifsu, tkun qed tibni mis-saqaf ‘l isfel …minn fuq għal isfel u l-bini se jaqa’ żgur illum jew għada. Trid tibni mill-pedamenti u l-bennejja, irid ikun il-poplu tal-pajjiż innifsu bil-barranin jgħinu ġenwinament u mhux sempliċiment, konvenjentement, jekk jixtiequ tassew il-ġid lill-poplu.

Sitwazzjoni fil-Libja

Finalment, mistoqsi dwar jekk jarax xi xebħ bejn is-sitwazzjoni fl-Afganistan u dik fil-Libja l-Ministru Bartolo insista li waqt li l-Afganistan u l-Libja huma żewġ realtajiet differenti, hemm ċertu xebħ ukoll. “Tajjeb nitgħallmu minn dak li ġara fl-Afganistan biex ma jiġrix ukoll lill-Libja. Anki fil-Libja għad hemm ħafna firda, stat nazzjonali bl-istituzzjonijiet militari u finanzjarji ma jeżistux, ħafna armi fl-idejn, merċenarji u ġellieda barranin, żewġ terzi tal-poplu jbati, pagi baxxi u prezzijiet għoljin, nuqqas ta’ dawl u ilma … sadattant erba’ xhur oħra hemm l-elezzjonijiet. U wara? Anki fl-Afganistan saru l-elezzjonijiet. X’solvew?,” staqsa l-Ministru Bartolo.

Hu qal li wisq jibża’ li anki fil-Libja l-bini ta’ realta’ ġdida qed issir mill-barranin u mis-saqaf ‘l isfel. Qed jinbena bi pjanta li mhix bilfors dik li hi addattata ghal Libja u li għandhom bżonn il-Libjani. Dawk li fasslu u jridu jħaddmu din il-pjanta huma l-istess li fallew fl-Afganistan. Hu staqsa jekk dawn humiex umli biżżejjed biex jieqfu ftit jirriflettu jekk humiex qed isiru l-istess żbalji fil-Libja? Sadattant il-mexxejja Libjani mhux jirnexxielhom jingħaqdu u jġibu għaqda fost il-poplu. “Mingħajr din l-għaqda u żvilupp soċjali u ekonomiku għall-ġid tal-poplu Libjan, il-Libja tista’ terġa’ tisfaxxa fi ġlied u nkwiet kbir. Żgur li ma jaqbel għal ħadd li l-Libja ssir bħall-Afganistan, la għal-Libjani nfushom u lanqas għall-popli u pajjiżi ġirien u l-bqija tad-dinja,” ikkonkluda l-Ministru Evarist Bartolo. 

Sport