Meta niżżilt lil Oscar minn Bieb il-Belt kien fi stat ħażin ħafna, iżda fl-istess ħin kien meħlus u grat li hu ħaj, Irnexxielna nsolvu l-problema tiegħu, imma għalfejn kellu bżonn jasal sa dan il-punt? Nies li jsalvaw is-suwiċidju u jkunu fi kriżi jilħqu l-quċċata tal-problema tagħhom wara li jkunu ppruvaw ikampaw b’ħilithom kollha. M’humiex nies telliefa. Fil-fond ta’ qalbhom ma jkunux iridu jneħħu ħajjithom b’idejhom. Dak li verament iridu huwa li joqtlu l-problema, però ma jkunux jafu kif jew fejn ifittxu l-għajnuna. Jekk ma jindirizzawx il-problema, jistgħu saħansitra jiddispjeċihom li ma mietux. Dan kif jista’ jkun? Ġeneralment, dan huwa dak li jiġri.
Xi ħaġa tmur ħażin. Il-familja tiegħek, is-sieħeb, ħabib, annimal domestiku, il-karriera, ir-reputazzjoni, is-saħħa jew kwalunkwe ħaġa li tfisser għalik tmur ħażin. Tħossok irrifjutat, inkwetat, umiljat, imbarazzat, u konfuż. Ir-rutina normali tiegħek tisfaxxa fix-xejn. Ma tinħasilx, ma torqodx, tiekol jew tiffoka. Tħossok ikrah, inkapaċi u inferjuri. Kollox isir biċċa xogħol kbira mmens. Tibda tirtira lura u ssir inviżibbli. Ħadd ma jridek. Qiegħed waħdek. Jirritawk u jikkritikawk. Hekk kif ġismek għajjien jipprova jiġbor il-kapaċita’ li tkampa, tkompli nieżel iktar fl-uġigħ u s-sofferenza. L-attitudni ħażina jew il-mard tal-passat jeskalaw bla kontroll, hekk kif dawk ġodda jittormentawk. Tiffrustra ruħek. Il-ħajja ma tibqax li kienet. L-għejxien jinbidel f’eżistenza. Il-ġranet isiru monotoni u twal. Il-ħin jittrasforma ruħu fi dwejjaq b’agunija. Tibki, tirrabja u tiddispra…ma tarax triq lil hinn minn din il-ħofra bla tarf, mudlama u kiesħa. Ma ħaqqekx maħfra. Ma tista’ timmaġina lil ħadd jittollera l-uġigħ tiegħek. Id-dinja tiegħek qiegħda titfarrak. Il-kriżi teskala. Tibda taħseb li l-ħajja mhux ta’ min jgħixha. It-turment tħossu kuljum: m’intix tajjeb biżżejjed, qatt m’hu se jirnexxielek, ma ħaqqekx tgħix. Ħaddieħor hu aħjar mingħajr il-preżenza tiegħek. Il-ħsibijiet jiġru f’moħħok hekk kif tfassal pjan. Ir-riskju li twettaq il-pjan isir dejjem aktar reali. Forsi taġixxi fuq l-impulsività forsi mgħejjun mid-drogi jew l-alkoħol. Spiċċa kollox. Ħadd ma jinteressah.
Iżda m’għandux għalfejn jispiċċa kollox u ħafna jinteressahom.
Ir-rati ta’ suwiċidju naqsu… il-ħsibijiet żdiedu
Irrispettivament mir-reżiljenza psikoloġika tiegħek, l-affarijiet jistgħu jmorru ħażin u tħossok megħlub. Bħal Oscar, tista’ tkun wieħed mit-80 miljun persuna l-oħra li jiġġieldu kontra dawn il-ħsibijiet u emozzjonijiet negattivi kull sena madwar id-dinja (Nock, 2018). Globalment, 14-il miljun persuna oħra ppruvaw iwettqu suwiċidju u sfortunatament, madwar 5% (703,000) iwettqu suwiċidju kull sena (WHO, 2022).
B’inkoraġġiment, ir-rati tas-suwiċidju madwar id-dinja qegħdin jonqsu, apparti fl-Amerika li għandha l-ogħla rati rrapportati f’pajjiżi bi dħul baxx. Madanakollu, tibqa’ t-tieni l-ikbar kawża ta’ mewt fost iż-żgħażagħ ta’ bejn l-eta’ ta’ 15 u 29 sena għaż-żewġ sessi, wara l-imwiet f’aċċidenti tat-traffiku (‘Suicide in the World’, WHO, 2019). Fortunatament, is-suwiċidji globali naqsu b’100,000 mill-2019, iżda dan mhux biżżejjed. Irridu naspiraw għal rata ta’ suwiċidju ta’ żero. B’Timijiet tal-Kriżi b’fondi u taħriġ kif suppost, dan huwa possibbli.
‘The Samaritans UK’ (2022), it-Tim tagħna tal-Kriżi, jirrifletti l-informazzjoni promettenti tagħna li tindika li f’dawn l-aħħar sentejn, la r-rati tas-suwiċidju u lanqas l-attentati ma żdiedu, anke jekk seħħew diżastri globali (COVID, riċessjonijiet, gwerer, l-immigrazzjoni, tibdil fil-klima, eċċ.). Ta’ min jgħid però, li l-ħsieb dwar is-suwiċidju żdied. Dan jista’ jkun spjegat minħabba l-fatt li n-nies kienu miġburin f’daqqa u allura, tkellmu iktar. Jista’ jkun ukoll minħabba li nibtu diversi inizzjattivi li juru li n-nies jinteressahom, biex b’hekk wasslu lil dawk fil-bżonn biex jiftħu qalbhom.
“La r-rati tas-suwiċidju u lanqas l-attentati ma żdiedu, anke jekk seħħew diżastri globali”
Is-sitwazzjoni lokali
Lokalment, madwar 50,000 ruħ jikkontemplaw is-suwiċidju kull sena sa punti differenti. Madwar 1,000 ruħ jagħmlu attentat ta’ suwiċidju u 3% (30 persuna) jaslu biex ineħħu ħajjithom b’idejhom. Sa mit-tnedija tat-Tim tal-Kriżi fl-2010, ir-rati ta’ suwiċidju f’Malta juru tnaqqis minn 7.5 sa madwar 6 għal kull 100,000 ruħ bi ftit moviment ‘l isfel u ‘l fuq wara dan. Dan ipoġġi lil Malta fost pajjiżi bl-iktar rata baxxa ta’ suwiċidju fid-dinja (data.worldbank.org). Dan jista’ jkun grazzi għal-linja b’xejn 24 siegħa kuljum tat-tim tal-kriżi, l-app tal-Krizi, sorveljanza, diskussjonijiet mal-prezzjuż Tim tal-Kriżi estiż (il-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, id-Dipartiment tal-Emerġenza u organizzazzjonijiet oħra), kampanji għall-prevenzjoni tas-suwiċidju, l-edukazzjoni dwar ideat żbaljati, il-kompassjoni, u li tkun in-norma li nitkellmu dwar is-suwiċidju.
Sa mill-2010, it-tim ħa ħsieb aktar minn 79,000 telefonata ta’ kriżi, 52,000 messaġġi virtwali u 10,000 ijmejl ta’ kriżi. L-iktar importanti hu li għinna biex insalvaw iktar minn 400 ħajja. Dawn in-numri tassew jagħmluna umli. Jimmotivawna biex nagħmlu iktar b’entużjażmu, enerġija u mmexxija mix-xjenza. Ħafna minn dawk li jċemplu japprezzaw is-servizz, iħossuhom appoġġjati permezz ta’ pjan ta’ kriżi li jkun ifformulat minnufih u li fuqu tittieħed azzjoni immedjata (Crisis Resolution Malta (CRM), 2022).
Is-suwiċidju qatt mhu s-soluzzjoni
Lura lejn Oscar. Issa qiegħed ‘mistrieħ’. Huwa jieħu ħsieb l-għelieqi, għandu żrinġ u dilettant taċ-‘Chelsea’ b’bandiera kbira fid-dar tiegħu. Iħobb u hu mdawwar b’nies li jħobbuh. Iħossu speċjali u importanti għas-soċjetà. Huwa xtaqni ngħid lil kulħadd li għalkemm kien fi kriżi, kulħadd jista’ jkollu futur bħalma kellu huwa. Ried jgħidlek li l-ħajja, għalkemm mimlija bl-isfidi, hija ta’ min jgħixha tabilħaqq. Oscar issa jaf x’għandu jagħmel u minn fejn għandu jikseb l-għajnuna meta jkun fi kriżi. Finalment, enfasizza li s-suwiċidju qatt m’huwa s-soluzzjoni u nkoraġixxa lil dawk f’xi kriżi sabiex ifittxu l-għajnuna immedjatament. Hu jibqa’ grat għal dejjem li kien miżmum lura.
Huwa importanti li Oscar mhux numru. Lanqas inti. Dan hu għax ix-Xahar Dinji għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju, li jsir kull Settembru, jittratta dwar li ‘Noħolqu t-tama permezz tal-azzjoni’, hekk kif jidher fl-islogan. Kollox huwa marbut mal-azzjoni fuq livell individwali u dak ta’ saħħa pubblika, biex nipprovdu ‘L-għajnuna immedjata meta l-iktar li jkollok bżonnha’, hekk kif inhu xieraq li jindika l-‘motto’ tat-tim tagħna. Ejja ma ninsewx li mingħajr din l-għajnuna, is-suwiċidju jħalli warajh uġigħ u sofferenza fuq medda ta’ ġenerazzjonijiet. Għal kull persuna li tweġġa’ lilha nnifisha jew tmut permezz ta’ suwiċidju, sitt persuni qrib tagħha huma f’riskju ikbar ta’ suwiċidju (65%), mard mentali u li jkunu emarġinati jew ma jkomplux l-edukazzjoni tagħhom (80%). Dan ifisser li madwar 6,000 persuna fil-qrib isofru minn tal-inqas niket kbir kull sena f’pajjiżna.
Ftakar li bħal Oscar, persuni li ppruvaw jtemmu ħajjithom hawn ħafna. Huma għandhom familja, ħbieb, proġetti, tama…ħajja. Irridu nieħdu ħsieb gruppi vulnerabbli bħal-‘LGBTIQ’, priġunieri, espatrijati, professjonisti, eċċ. u niddiskutu iktar permezz tal-imnedija Fondazzjoni Sokkors fil-Pront (FSP). Din il-Fondazzjoni enerġetika tinkoraġixxi lil dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa u fis-servizzi anċillari biex jinġabru r-riżorsi, sostnuti bi strateġija għall-prevenzjoni tas-suwiċidju li tant hija bżonnjuża u li ilha qed tiġi fformulata sa mill-2015.
“Dejjem hemm alternattiva għal din it-traġedja prevenibbli”
F’Malta, is-suwiċidju għadu mhux jingħata l-prijorità li jistħoqqlu fis-saħħa pubblika. Appoġġjaw lill-kampanja dwar ix-Xahar Dinji għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju kull sena u tkellmu dwar is-suwiċidju. Hemm bżonn li nagħmlu d-‘Diskussjoni dwar is-suwiċidju’ tat-Tim tal-Kriżi mandatorja fl-iskejjel, fil-fabbriki, u stabbilimenti oħra. Għandna bżonn Kamra tal-Kriżi 24 siegħa kuljum maġenb id-Dipartiment tal-Emerġenza. Għandna bżonn linji tal-kriżi maġenb postijiet fejn iseħħu s-suwiċidji. Irridu sewwieqa fl-imħarbat b’dawl blu biex jilħqu persuni fil-periklu. Il-lista hija twila però mhux impossibbli li titwettaq meta tqis il-benefiċċji ta’ saħħa, dawk soċjali u ekonomiċi meta tilqa’ dawn il-ħsibijiet u l-imġieba mill-bidu.
Dejjem hemm alternattiva għal din it-traġedja prevenibbli. Aħseb f’dawk fi kriżi dan ix-xahar u kull xahar. Inti tilgħab irwol kruċjali u membru fit-tim fil-prevenzjoni. Permezz tal-azzjoni, inti tista’ tagħmel differenza għal xi ħadd fl-iktar mumenti koroh tiegħu. Kif tista’ tagħmel dan? Ieqaf, ħares lejn in-nies f’għajnejhom u staqsihom, ‘Għandek ħsibijiet li tweġġa’ lilek innifsek?’. Tibżax tistaqsi. Għall-kontra ta’ li jaħsbu ħafna, din il-mistoqsija ma tippromwovix is-suwiċidju, iżda tneħħi l-pressjoni u l-biża’.
Il-fejqan umbagħad jibda, jitneħħew proċessi tal-ħsibijiet inkorretti. Ibqa’ mal-persuna. Isimgħu biss – m’hemmx għalfejn tgħid wisq jekk m’intix ċert x’għandek tgħid. Qatt tħallihom waħedhom. Ċempel il-linja tal-kriżi u fittex l-għajnuna. Inti issa eroj billi urejthom li huma importanti u li jinteressak minnhom. B’għożża ħloqt it-tama permezz tal-azzjoni. Dak kulma kellu bżonn Oscar f’Bieb il-Belt. Dak kulma jaf ikollok bżonn inti.
Jekk ġejt affettwat b’dan l-artiklu jew qed tbati, agħmel kuntatt magħna 24 siegħa kuljum b’xejn fuq il-linja tal-kriżi (+356 99 33 99 66) jew inkella niżżel l-app tal-Krizi b’xejn għall-għajnuna.