Sunday, December 22, 2024

“Irridu nġeddu l-kuntratt soċjali globali”

– Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja jindirizza l-Konferenza tal-ILO f’Ġinevra

Aqra wkoll

F’indirizz li għamel is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, matul il-Konferenza tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tal-2024 f’Ġinevra, huwa wassal l-appell tiegħu għal tiġdid tal-kuntratt soċjali kif ukoll għal sistemi sodi ta’ governanza.

B’għajta favur il-paċi attiva għad-dinja, Bugeja qal lill-Assemblea tal-ILO li fil-pajjiżi mfarrka mill-gwerra u b’miljuni ta’ ħajjiet maqtula fil-kunflitti, dejjem huma l-iktar nies vulnerabbli li jerfgħu l-piż tat-tfixkil ekonomiku u soċjali li ġġib magħha l-gwerra.

“Huwa dmir kollettiv tagħna li nġeddu l-kuntratt soċjali globali, wieħed li jkun ibbażat fuq il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali u xogħol diċenti għal kulħadd. Flimkien, irridu nibnu futur fejn kulħadd, irrispettivament miċ-ċirkostanzi tiegħu, ikollu l-opportunità li jiffjorixxi. L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol trid tieħu rwol ewlieni f’dan l-isforz.”

Tema ċentrali tad-diskors ta’ Bugeja kienet li tiżgura l-prinċipju tal-ġustizzja soċjali bħala wieħed fundamentali fit-tfassil ta’ soċjetà ġusta.

“Il-ġustizzja soċjali tfisser ħolqien ta’ soċjetà ġusta u inklussiva fejn kulħadd jista’ jgawdi ħajja fil-paċi, ħajja dinjituża u sodisfaċenti. Il-ġustizzja soċjali tfisser ukoll li kulħadd għandu l-opportunità li javvanza ekonomikament u soċjalment.

“Irridu nkomplu nissieltu u niżguraw li xogħol diċenti u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għal kulħadd isiru realtà, fejn l-impjieg ma jkunx biss mezz ta’ sopravivenza, iżda triq lejn id-dinjità u sodisfazzjon fil-ħajja. Xogħol diċenti, apparti minn impjieg produttiv u paga ġusta, għandu jinkorpora ambjent tax-xogħol li huwa sigur, post tax-xogħol inklussiv, fejn hemm ugwaljanza bejn is-sessi, libertà ta’ għaqda, żvilupp personali kontinwu, u n-negozjar kollettiv,” qal Bugeja.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li l-unjins għandhom jibqgħu jiġġieldu sabiex ikun hemm dejjem djalogu soċjali ‘tripartite’ effettiv, l-integrazzjoni, il-libertà tal-espressjoni, it-tranżizzjoni ġusta f’termini tal-ambizzjonijiet klimatiċi, tnaqqis ta’ faqar, ġustizzja razzjali, drittijiet LGBTIQ+, drittijiet f’każi ta’ diżabilità, ġustizzja ambjentali, u governanza tajba.

“Il-ġustizzja soċjali hija l-azzjonijiet individwali u l-isforzi kollettivi tagħna biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi sistemiċi u li jippromwovu soċjetà aktar ekwa. It-triq għall-ġustizzja soċjali hija waħda fejn tinħoloq soċjetà li tippromwovi l-ugwaljanza, l-inklużjoni, u d-drittijiet tal-bniedem għal kull individwu, irrispettivament miċ-cirkostanzi soċjo-ekonomiċi tiegħu,” qal Bugeja.

Bugeja qal ukoll li anke n-negozji għandhom jiżguraw responsabbiltà soċjali biex huma stess jibqgħu sostenibbli. “Filwaqt li s-sostenibbiltà ekonomika hija kruċjali biex in-negozji jirnexxu, huwa ugwalment importanti li joperaw b’mod li jkun soċjalment sostenibbli. Dan ifisser l-adozzjoni ta’ prattiċi favur il-benesseri tal-ħaddiema, tal-komunitajiet tagħna, u tal-ambjent. In-negozji għandhom jirrikonoxxu li s-suċċess fit-tul tagħhom huwa marbut mas-saħħa u l-istabbiltà tas-soċjetajiet li fihom joperaw.”

Bugeja rrikonoxxa wkoll l-avvanz Malti fejn tidħol il-politika tal-ġustizzja soċjali, b’eżempji li jinkludu ż-żidiet fil-paga minima, il-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema tal-pjattaforma, regoli ġodda għall-kumpaniji ta’ reklutaġġ, paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali għall-impjegati tal-kuntratturi, żidiet fil-pensjonijiet u benefiċċji soċjali, kif ukoll is-sussidji tal-fjuwil, ilma, elettriku, u prodotti tal-ikel.

Huwa semma wkoll l-istudju tal-GWU dwar il-‘living income’ f’kollaborazzjoni mal-Alleanza Kontra l-Faqar (AKF) u l-Moviment Graffitti, rapport li jipproponi modi kif iż-żieda fil-paga minima ssir living wage.

“Dawn il-miżuri kollettivament jirrappreżentaw l-impenn tagħna għall-ġustizzja soċjali, bl-għan li tinħoloq soċjetà aktar inklussiva u ekwa għall-benesseri taċ-ċittadini kollha tagħha,” temm jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

Ekonomija

Sport