Thursday, December 11, 2025

‘Irridu ngħollu rasna u nkomplu naħdmu … dan hu biss il-bidu’ – Yulya Carella

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Il-futbol tan-nisa f’Malta ra paġna ġdida tinkiteb fl-istorja nhar it-Tnejn filgħaxija hekk kif Mgarr United rebħu l-Women’s Jubilee Cup wara wirja memorabbli kontra Hibernians, partita li ntemmet 3-2 wara li l-Greens skorjaw darbtejn fl-aħħar minuti. Kien waranofsinhar ta’ emozzjonijiet kbar, ta’ determinazzjoni sħiħa, u ta’ fiduċja li qatt ma tintilef u f’nofs dan kollu kien hemm il-plejer ta’ Mgarr, Yulya Carella, li kienet fost il-protagonisti ewlenin fil-prestazzjoni pożittiva tal-klabb.

Din ir-rebħa hija biss it-tieni unur ewlieni fl-istorja ta’ Mgarr United, iżda l-mod kif waslet jagħmilha waħda minn dawk li jibqgħu f’moħħ il-partitarji għal snin twal. Għal Yulya Carella, plejer ta’ 20 sena sena iżda diġà wieħed mill-ismijiet li jagħmlu differenza, kienet esperjenza li tfisser ħafna aktar minn trofew. Din il-gazzetta tkellmet magħha, ftit jiem wara dan is-suċċess.

Il-logħba bdiet b’ritmu għoli u biż-żewġ naħat juru li kienu determinati biex jirbħu trofew prestiġjuż f’anniversarju importanti għall-Malta FA. Iżda kienu Mgarr li marru fil-vantaġġ fid-39 minuta meta corner mix-xellug wassal biex il-ballun jaqa’ quddiem Yulya Carella, li qassmet lil Valeria Villegas li poġġiet lit-tim tagħha fil-vantaġġ.

Kien gowl li deher ta enerġija ġdida lill-Imġarrin b’Carella, li dan l-istaġun diġà kienet impressjonat fil-Jubilee Cup, li tat sehemha fil-grawnd.

Ftit sekondi biss wara l-bidu tat-tieni taqsima, Hibernians sabu l-parità permezz ta’ Nicole Sciberras, li b’lob għelbet lil Patricia Ebejer.

Il-Greens, iżda, baqgħu organizzati, kalmi, u lesti biex joħolqu r-replika tagħha minkejja li Hibernians kienu konvinti li kienu se jirbħu meta fl-86 minuta Kayleigh Chetcuti ġiet servuta perfettament minn Sarah Vella Barberi u skorjat il-gowl tat-2-1 għat-tim tagħha.

Imma Mgarr ma qatgħux qalbhom u żewġ minuti biss wara, Alejandra Villegas sfruttat pass ideali fuq il-lemin u b’xutt djagonali mill-aqwa għamlet l-iskor 2-2. Il-partita dehret ser tintemm fil-ħin barrani iżda d-destin ried mod ieħor.

Fit-tieni minuta tal-ħin miżjud, Hibernians tilfu l-ballun f’nofs il-ground u Valeria Villegas, figura ċentrali fil-logħba, avvanzat sal-kaxxa u poġġiet il-ballun wara Maya Cachia. 3-2. Mgarr reġgħu kitbu l-isem tagħhom fil-futbol Malti.

Wara l-logħba, Carella dehret emozzjonata iżda serena, karatteristika li tiddistingwiha kemm fil-logħba kif ukoll lil hinn mit-turf.

“Rebħa storika. Ktibna storja mhux biss għal Malta, iżda għar-raħal tal-Imgarr innifsu,” bdiet tgħid, bi tbissima tassew sinċiera. “Hija rebħa li tpoġġina rasna ’l fuq, imma fl-istess ħin tfakkrek li għad fadal ħafna logħob. Aħna ngħixu logħba wara logħba, qatt ma nħarsu ’l bogħod iżżejjed.”

Carella enfasizzat kemm Mġarr joperaw fuq prinċipji stabbli u konsistenti:

“Fil-Jubilee Cup ma għamilna xejn differenti. Aħna nibqgħu niffukaw fuq l-istess prinċipji tagħna. L-istess ambjent, l-istess mentalità. Il-kuraġġ li nagħtu lil xulxin jgħinna. U din ir-rebħa wriet li aħna fit-triq it-tajba.”

Mġarr United bħalissa jinsabu fl-ewwel post tal-Assikura Women’s League bi tmien punti vantaġġ. Iżda Carella għadha dejjem prudenti:

“Fil-futbol taf kemm tista’ tinbidel kollox. Għad fadal ħafna logħbiet fil-kompetizzjonijiet tan-knock-out u ħafna partiti tal-kampjonat. Kull ċans li jkollna, irridu nieħduh. Kull punt jista’ jagħmel differenza.”

Hija sostniet li l-aħħar minuti tal-finali ta’ nhar it-Tnejn li għadda kienet lezzjoni fil-kuraġġ u fil-konsistenza mentali:

“Li skorjajna fl-aħħar żewġ minuti wera kemm ma naqtgħux qalbna għax wara kollox, din hija l-identità tagħna.”

Xi ħaġa li laqtet lil Carella ħafna kienet il-post fejn saret il-finali iġifieri l-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.

“Kienet xi ħaġa sabiħa immens. Meta morna nagħmlu pitch inspection ħassejna emozzjonijiet kbar. Mhux spiss ikollna ċ-ċans nilagħbu fl-Istadium Nazzjonali li huwa stadium tant sabiħ. Għalkemm kellna l-iżvantaġġ tal-wiċċ naturali, għax aħna mdorrijin fuq sintetiku, kien xorta ta’ privileġġ kbir.”

Hija kompliet tispjega differenzi tekniċi li l-plejers iħossu:

“Fuq ħaxix naturali l-ballun jieqaf, ir-rebounds huma differenti, il-ġirja tħossha aktar. Imma xorta waħda konna grati ħafna tal-opportunità.”

Mgarr United illum jinsabu fuq konsistenza ferm tajba li ftit li xejn ra l-futbol tan-nisa f’dawn l-aħħar snin. Rebħu kontra Birkirkara, kontra Swieqi, kontra Hibernians u llum il-ġurnata għandhom trofew f’idejhom li jwaħħad it-tim kollu.

Carella qalet dan b’ċertezza li tagħti tama: “Qegħdin f’post tajjeb ħafna. Irridu ngħollu rasna u nkomplu naħdmu. Dan hu biss il-bidu.”

Il-fatt li Mġarr United qed jikkompetu b’dan il-livell għoli jfisser aktar minn sempliċi rebħiet fil-ground; ifisser li l-proġett tagħhom ilu snin jinbena b’viżjoni soda u b’investiment fil-plejers lokali. L-ispirtu tal-komunjoni bejn l-istaff tekniku, il-plejers u l-partitarji jidher ċar f’kull partita, u din il-finali kienet prova tal-karattru tat-tim kollu.

Mhux biss urew li kapaċi jirkupraw, iżda wkoll li għandhom il-kalma u l-intelliġenza tattika biex jibqgħu jattakkaw sakemm isibu r-riżultat mixtieq. Din ir-rebħa, għal ħafna, mhijiex tmiem imma l-bidu ta’ kapitlu ġdid u ferm promettenti għall-futbol tan-nisa fl-Imġarr.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport