Tuesday, February 3, 2026

‘Irridu nibqgħu naħdmu u nikbru flimkien sabiex ikollna staġun tajjeb’ – Duane Bonnici

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet I-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn etá żgħira, meta kont immur nara lil missieri jilgħab.

X’tikkummenta fuq l-andament ta’ Hibernians FC matul dan l-istaġun sa issa?

It-tim miexi fuq nota pożittiva ħafna u rridu nibqgħu naħdmu u nikbru flimkien sabiex ikollna staġun tajjeb.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

It-tragwardi tagħna huma li inkunu mat-timijiet ta’ quddiem fil-klassifika.

Taqbel mal-format ta’ 12-il tim fil-Malta Premier?

Le, ma naqbilx. Nemmen li b’għaxar timijiet fil-Premier, il-livell jista’ jogħla, għaliex ikun hemm iżjed kompetizzjoni u ma jkunx hemm distakk kbir bejn it-timijiet.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bein it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt?

Xi naqra differenza jkun hemm iżda nemmen li d-differenza tiġi bħala tim u mhux bħala individwalitá.

Niġu issa għall-kwistjoni tal-plejers barranin fil-Malta Premier. Taqbel mal-proposta li saret fil-passat riċenti li jkun hemm 11-il plejer barrani f’tim?

Le, ma naqbilx, għaliex b’hekk dejjem se tkun qed tonqos l-opportunitá għall-plejers Maltin, anke jekk dawn il-barranin ikollhom livell inqas minn dak tal-Maltin.

Taħseb li I-plejers barranin li qed jiġu jilagħbu f’pajjiżna, mhux dejjem qed ikunu ta’ livell, meta kkomparati mal-pleiers Maltin?

Iva, naqbel. Sfortunatament, hawn il-kunċett zbaljat li għax ikun plejer barrani, ikun aħjar minn dak Malti.

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-Malta Premier?

Kuntent bl-Istadium Nazzjonali, peró, xorta waħda nemmen li jista’ jkun hemm titjib speċjalment meta jkun hemm żewġ logħbiet wara xulxin, u l-istess jgħodd għall-grawnds l-oħrajn. Naturalment, l-elementi naturali ma jgħinux daqshekk, lanqas.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referees fil-Malta Premier?

Dejjem jista’ jkun hemm titjib. Ikun hemm mumenti li jkunu tajbin, iżda jkun hemm mumenti fejn ikunu ħżiena. Fl-aħħar mil-aħħar, dawn huma umani u kulħadd jista’ jiżbalja. L-iżjed ħaġa importanti hi li jitgħalmu mill-iżbalji tagħhom, biex dawn ma jerġgħux jiġu ripetuti.

X’inhuma s-sagrifiċċji li plejer tal-futbol irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?

F’karriera ta’ plejer tal-futbol, irid ikun hemm ħafna sagrifiċċji biex dak li jkun jilħaq il-livell li jixtieq jasal. Huwa importanti li tkun ippreparat mentalment u fiżikament tajjeb, biex tkun tista’ tagħti l-aħjar wirjiet possibli. Huwa importanti li jkollok dieta tajba u tipprova tevita l- ħruġ, għax il-mistrieħ hu importanti ħafna għall-atleta.

Nixtieqek tgħaddi I-aħħar messaġġ tiegħek lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ, li qed jaqraw din I-intervista, u li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.

It-tfal li għadhom telgħin fil-futbol, ngħidilhom biex jaħdmu kemm jista’ jkun fuq il-karriera li jixtiequ, u jagħmlu sforz ulterjuri, għax ‘il quddiem jiswihom żgur! M’għandhomx għaliex jaqtgħu qalbhom, u jekk ikun hemm opportunitá tajba, għandhom jeħduha u ma jitilfuhiex!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport