Monday, January 13, 2025

“Irridu nifhmu l-preġju ta’ din il-lingwa u kemm jista’ jkun inkellmu lit-tfal tagħna bil-Malti”

- Ritianne Frendo, President tal-Għaqda Qarrejja tal-Provi tal-Malti

Aqra wkoll

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-lingwa Maltija?

Mindu kont żgħira dejjem kont nintasab naqra, u kull fejn immur kont nieħu ktieb miegħi, sew jekk għand in-nanna, ħdejn il-baħar, u anke qadja sal-bank ma’ missieri. Kont nintilef f’dinja oħra u bħal donni nidħol ngħix fl-istorja mal-karattri. Kont naqra kotba l-iktar ta’ Trevor Zahra u Carmel G. Cauchi, li nissluli din l-imħabba lejn kull kelma Maltija, u wkoll kien is-suġġett favorit tiegħi l-iskola, għax mindu tifla kont nimmeravilja ruħi li gżira daqstant ċkejkna għandha lingwa unika, lingwa li naraha tant sabiħa u mżewqa b’mod sabiħ, li minkejja li konna maħkuma minn diversi barranin, dejjem kienet il-lingwa l-aktar mitkellma fost il-Maltin.

X’inhu l-irwol tiegħek bħala President tal-Għaqda Qarrejja tal-Provi tal-Malti?

Ilni f’din il-kariga f’din l-għaqda, li twaqqfet fis-17 ta’ Marzu tal-2009, minn Jannar tal-2024, u l-irwol tiegħi bħala President huwa li mmexxi l-Għaqda, nara li jiġu ffirmati xi dokumenti li hemm bżonn u wkoll li jsiru l-Minuti flimkien mas-Segretarja. Iżda għalkemm bħala kumitat kulħadd għandu l-irwol tiegħu, nista’ ngħid li dejjem sibt sapport kbir u kollaborazzjoni kbira minn kull membru ta’ dan il-kumitat.

X’responsabbiltajiet iġġorr magħha din il-kariga?

Naturalment bħal kull kariga oħra ser ikollok ukoll responsabbiltà, u waħda mir-responsabbiltajiet li nara hi li jibqgħu jiġu organizzati attivitajiet li permezz tagħhom inżommu kuntatt, mhux biss ma’ dawk kwalifikati bħala Qarrejja tal-Provi tal-Malti, iżda wkoll ma’ dawk li għandhom għal qalbhom il-lingwa tagħna, għax permezz ta’ hekk jibqa’ jikber l-għarfien dwar l-importanza li niktbu Malti tajjeb, u biex fl-aħħar mill-aħħar aktar nies jitħajru jagħmlu l-kors, jissieħbu magħna u jkomplu jżommu ruħhom aġġornati anke wara li jkunu għamlu l-kors.

Xi skop għandha din l-għaqda u x’attivitajiet torganizza matul is-sena?

L-għan ta’ din l-għaqda huwa li taħdem għall-għarfien sħiħ tal-ilsien Malti fl-oqsma kollha tal-ħajja u tal-kultura Maltija. Trid tara li l-qarrejja tal-provi tal-Malti jingħaqdu biex isiru aktar midħla ta’ xulxin fil-professjoni tagħhom, u biex iżommu ruħhom aġġornati mar-regoli uffiċjali tal-Malti kif imfassla mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u jimxu skont ir-regoli tal-ortografija tal-Malti. L-Għaqda għandha wkoll taħdem biex il-qari tal-provi jkun rikonoxxut bħala professjoni billi tirsisti mal-awtoritajiet kompetenti b’mod li l-qarrejja tal-provi tal-Malti jkunu rregolati minn Ċertifikat ta’ Għarfien, u li jiġu impjegati bħala qarrejja tal-provi dawk biss li għandhom Ċertifikat ta’ Għarfien validu.

Minn żmien għal ieħor l-Għaqda torganizza attivitajiet formali u informali biex il-qarrejja tal-provi jżommu kuntatt bejniethom anke fil-qasam soċjali. F’din l-aħħar sena fil-fatt organizzajna żewġ taħditiet; f’waħda minnhom Prof. Michael Spagnol ta taħdita interessanti dwar il-verbi irregolari fil-Malti. Dan seta’ jseħħ bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.

Taħdita oħra kienet dwar l-Għana Malti Qadim, minn Dr Olvin Vella, li qasam mal-udjenza s-sejbiet ta’ xi għanjiet qodma. Din it-taħdita ġiet organizzata flimkien mal-Għaqda Maltija tal-Folklor li din is-sena qed jiċċelebraw is-60 sena anniversarju mit-twaqqif tal-għaqda.

Organizzajna wkoll ħarġa kulturali fl-Arkivji tal-Katidral tal-Imdina fejn matulha l-arkivista s-Sur Mario Gauci u Dr Olvin Vella ħaduna lura saħansitra sas-seklu sittax permezz ta’ manuskritti, dokumenti, prietki, u poeżiji li bħal donnhom tawna rakkont ħaj tal-istorja tal-Malti.

Matul din iż-żjara, waqt li konna fl-Awla, kull min attenda seta’ jifli u japprezza aktar mill-qrib dawn id-dokumenti li jagħtuna ħjiel fuq il-Malti u kif evolva matul iż-żmien. Żorna wkoll il-mużew tal-Katidral fejn rajna r-rikkezzi tal-wirt li ħallew missirijietna. Wara morna nieklu bukkun flimkien u qsamna xi ideat, fosthom bla dubju, fuq l-imħabba tagħna lejn il-Malti.

Skontok, x’inhi dik il-ħaġa unika li nsibuha fil-Malti u ma nsibuhiex f’lingwi oħrajn?

Kull lingwa għandha l-istorja tagħha, u tagħna mhux b’inqas. Iżda xi ħaġa affaxxinanti hi li l-Malti, għalkemm ġej mill-Għarbi jinkiteb b’alfabett Latin. Min jaf l-istorja jaf li l-Malti kien taħt ħakmiet differenti u għalhekk xorob minn għejun differenti; l-Għarbi, l-Isqalli, it-Taljan, u l-Ingliż, u kollha ħallew b’xi mod l-impatt tagħhom. Jista’ per eżempju f’kelma waħda jkollna żewġ elementi lingwistiċi: is-Semitiku u l-Ingliż. Dan kollu juri kemm il-lingwa Maltija hija ħajja, rikka u mibnija fuq lingwi oħra li għalkemm b’karatteristiċi differenti ntgħaġnu fil-Malti u sawru lsien uniku li qed jaqdina tajjeb ħafna fil-ħajja ta’ kuljum u anke dik professjonali.

X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek fuq l-aħħar żviluppi li saru fil-lingwa Maltija?

Għalkemm nemmen li hemm triq twila biex il-Malti jingħata l-importanza li tixraqlu, qed nammira l-fatt li ċertu kumpaniji kbar qed jagħmlu l-almu tagħhom biex idaħħlu l-Malti anke fir-riklami jew f’ċirkulari. Iżda dan jitlob ukoll li l-Malti għandu jkun miktub sew. Għalhekk wieħed jeħtieġ ikun infurmat dwar xi żviluppi li saru fil-lingwa Maltija biex iżomm ruħu aġġornat, fosthom id-Deċiżjonijiet 1 u d-Deċiżjonijiet2, fejn fit-tieni jiġi ttrattat il-kliem mill-Ingliż fil-Malti. Permezz ta’ dawn wieħed ikollu gwida ċara kif se niktbu kliem kompost bħal roundabout, dry cleaning u l-bqija, jew eżempju tkun aktar ċara kif se niktbu ċertu kliem li għalkemm jinstema’ l-istess, tiktbu differenti skont il-kuntest, eżempju bilkemm, bil-kemm, minfuq u minn fuq, fost oħrajn. Sit oħra li tgħin ħafna lil kull min irid jikteb Malti tajjeb hija verb.mt li tgħinek fil-konjugazzjoni tal-verbi, kemm dawk tal-Għerq u anke biz-zokk morfemiku, u tista’ tarahom fil-perfett, fl-imperfett u anke fl-Imperattiv.

Hemm min jgħid illi bil-Malti ma tasal imkien għax illum il-ġurnata għandek bżonn l-Ingliż. Kif taqbel ma’ dan ir-raġunament?

Bħala persuna li għandi l-lingwa Maltija tant għal qalbi ma naqbilx ma’ dan ir-raġunament. Il-Malti lokalment jista’ joffrilek opportunitajiet fosthom fejn jidħol it-tagħlim, mhux biss lill-Maltin stess imma anke għall-barranin, speċjalment wara l-influss kbir li kellna f’dawn l-aħħar snin. Joffri wkoll opportunitajiet barra minn xtutna fejn jidħlu t-traduzzjoni u wkoll qari tal-provi f’pajjiżi bħal ngħidu aħna Brussell, il-Lussemburgu u pajjiżi oħrajn.

Għaddi messaġġ finali lil dawk in-nies Maltin illi qed jiskartaw xi ftit il-lingwa Maltija u minflok jużaw ilsien ieħor biex jikkomunikaw.

Għandna għax inkunu kburin, li kif għedt l-ewwel, gżira tant ċkejkna f’dinja tant kbira għandna l-lingwa tagħna, għalhekk jeħtieġ nimpenjaw ruħna u nagħtu l-importanza lil din il-lingwa, billi fejn nistgħu nużaw kliem Malti għax għad hemm ħafna kliem li għadu jaqdina iżda minflok qed nispiċċaw niskartawh biex nużaw kliem li ġej minn lingwi oħrajn, l-aktar mill-Ingliż. Irridu nifhmu l-preġju ta’ din il-lingwa, u kemm jista’ jkun inkellmu lit-tfal tagħna bil-Malti. Xi ħaġa wkoll li nissuġġerixxi hi li naqraw aktar kotba bil-Malti, li f’dawn l-aħħar snin fortunatament fejn tidħol il-pubblikazzjoni bil-Malti ħadna spinta ’l quddiem għax qed ikollna ħafna pubblikazzjonijet ta’ awturi verament tajbin li qed jiktbu bil-Malti u qed jolqtu udjenzi u gosti differenti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport