Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn dejjem kont nara kif nagħmel meta kont tifel biex inkun involut bil-ballun, u tista’ tgħid li bħal ħafna, il-ballun kienet l-aktar logħba popolari … l-imħabba tal-futbol tkun ġo fik.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ ta’ Marsa FC.
L-esperjenza tiegħi bħala kowċ ta’ Marsa FC qed tkun ferm sodisfaċenti u sfidanti fl-istess ħin. Għandna squadra żgħażugħa, mimlija talent u enerġija, u qed naħdmu kuljum biex nibnu koeżjoni tajba u mentalità kompetittiva. Huwa tassew gratifikanti narahom jikbru bħala plejers u bħala tim.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek bħala plejer mimlija suċċessi.
Ħolma ta’ tifel li kont immur insegwi l-partiti f’Ta’ Qali, ħolma li kelli x-xorti li nesperjenza fl-ogħla livell tal-futbol Malti. Fil-qosor, esperjenza li għamlitni dak li jien illum.
X’differenza hemm bejn li tkun plejer u kowċ?
Hemm ħafna differenza. Bħala kowċ, il-preparamenti huma ħafna aktar intensi u varjati. Bħala plejer, il-preparazzjoni għat-training u għall-logħba hija xi ħaġa li kull plejer jagħmel b’mod personali. Imma bħala kowċ, trid taħseb għal kulħadd, tippjana u timmanġġja diversi aspetti – allura l-esperjenza hija kompletament differenti.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?
Sa issa, l-andament tat-tim huwa pożittiv. Għalkemm għad fadal x’nagħmlu, qed naraw progress fit-teknika, fil-komunikazzjoni u fid-determinazzjoni tagħhom fuq il-pitch. L-ispirtu tat-tim huwa għoli, u kull logħba qed tagħtina opportunità biex niksbu esperjenza u nidħlu f’livell ogħla.
X’inhuma l-aspirazzjonijiet tagħkom għal dan l-istaġun?
L-aspirazzjonijiet tagħna għal dan l-istaġun huma ċari: li niġġieldu għal riżultati pożittivi, nitjiebu kontinwament bħala tim, u nibnu futur b’saħħtu għal Marsa FC u għall-plejers żgħażagħ tagħna, sabiex ikollhom bażi soda biex jikbru u jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Naħseb li l-livell għola, iżda nemmen li bl-involviment ta’ ħafna plejers barranin, dan waħdu mhux biżżejjed biex it-titjib fil-logħba jibqa’ għaddej b’mod sostenibbli.
U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Nemmen li huma sodisfaċenti, għalkemm dejjem hemm lok għal titjib – speċjalment jekk irridu nibqgħu ntejbu l-esperjenza kemm għall-plejers kif ukoll għall-partitarji.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Il-futbol huwa xi ħaġa li nħobb wisq. Nemmen li l-futur tiegħi fih nara bħala sfida — pass pass, nipprova nagħti l-kontribut tiegħi kif naħseb li hu l-aħjar.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Biex tkun ta’ suċċess, trid tgħaddi minn ħafna tlugħ u inżul. Imma l-messaġġ tiegħi hu wieħed ċar – kull min għandu ħolma għandu jaħdem għaliha, u b’xi mod jew ieħor, jasal fejn jixtieq!