Thursday, November 14, 2024

“Irridu nipproteġu l-interessi u d-drittijiet tal-ħaddiema tal-futur” – Josef Bugeja

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn MARIA AZZOPARDI

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Josef Bugeja jemmen li huwa essenzjali li dak kollu li ggwadanjajna bħala drittijiet tal-ħaddiema matul iż-żminijiet għandhom jiġu protetti u jiġu adattati għall-mod kif naħdmu fil-futur. Dan għandu jsir f’kuntest speċjalment meta wieħed jieħu inkonsiderazzjoni dinja tax-xogħol li dejjem qed tinbidel u li qed toħloq forom ġodda ta’ impjiegi u relazzjonijiet bejn l-impjegati u l-imgħallmin tagħhom.

Huwa qal dan wara laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) fejn ġew diskussi diversi temi fosthom dwar il-futur tax-xogħol. Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru Carmelo Abela li sostna li l-qafas leġislattiv huwa importanti ħafna meta wieħed jara kif is-sitwazzjoni qed tiżviluppa. Dan għaliex, id-dinja tax-xogħol mhix waħda statika u f’dawn l-aħħar żminijiet, fejn minkejja li forsi ħafna mill-impjegati huma taħt forma tradizzjonali, qed jinħolqu wkoll forom ġodda li anke f’pajjiżna qed isiru popolari. Huwa għalhekk li huwa indispensabbli li jkun hemm ukoll element ta’ djalogu soċjali li jsir rilevanti aktar minn qatt qabel f’dan il-kuntest fejn jiġi diskuss il-forom ta’ impjiegi tal-futur.

Fost il-forom ġodda fid-dinja tax-xogħol jeżisti x-xogħol b’mod remot u f’dan ir-rigward hemm diskussjoni dwar kunsiderazzjoni fuq il-kumpens u drittijiet marbuta ta’ meta persuna taħdem mid-dar.  Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal: “Id-drittijiet u l-obbligi li hemm fuq il-post tax-xogħol iridu jiġu estiżi għall-post ta’ fejn se taħdem.”

Punt ieħor li ssemma matul id-diskussjoni kien marbut mal-fatt tal-liability for injuries u dwar kwalunkwe benefiċċju ieħor jekk ħaddiem ma jkunx qed jaħdem minn fuq il-post tax-xogħol tradizzjonali. Fost dawn il-postijiet ta’ xogħol li mhumiex tradizzjonali hemm il-GIG economy, magħrufa wkoll bħala platform economy, li tqajjem numru ta’ mistoqsijiet fosthom min hu responsabbli u x’inhuma l-obbligi ta’ dak li jkun. Dan għaliex marbuta mar-realtà tal-GIG economy għad m’hemm l-ebda leġislazzjoni li tista’ ssejħilhom impjegati u għalhekk m’hemmx ir-relazzjoni tradizzjonali bejn min iħaddem u l-impjegat.

Bugeja sostna li jeħtieġ li jkun hemm parametri stabiliti biex min jagħżel li jmur f’dawn il-forom ġodda ikollhom il-kundizzjonijiet bażiċi inkluż id-dritt tal-assoċjazzjoni. Huwa hawnhekk li s-Segretarju Ġenerali tenn l-appell importanti li f’dawn il-forom ta’ impjiegi bi dritt iridu jkunu f’unjin biex jingħataw vuċi dwar dak kollu li qed isir u biex il-kundizzjonijiet tagħhom jiġu mħarsa.

Waqt id-diskussjoni issemmiet ukoll il-kunsiderazzjoni tal-ispejjeż meta persuna ma taħdimx minn fuq il-post tax-xogħol tradizzjonali fejn Bugeja sostna li l-ispejjeż iridu jitħallsu mingħand min iħaddem.

Kunsiderazzjoni oħra li ssemmiet waqt il-preżentazzjoni kienet dwar il-fatt li l-liġi tax-xogħolhemm bżonn tiġi aġġornat b’mod kontinwu mhux biss għal bżonnijiet tal-lum imma anke għal dawk ta’ għada.

Ekonomija

Sport