Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Il-futbol minn dejjem kien parti kbira u importanti minn ħajti. Kont bdejt inħobb u għadni nħobb il-logħba minn mindu kont żgħir ħafna. Niftakarni nagħmel blalen minn karti użati u niġri madwar id-dar, naħseb li l-għamara kienu difensuri u li kont qed nilgħab logħba, irrid naqbizhom biex niskurja f’loghba importanti kull meta kont inkun id-dar.
Għalkemm kont inħobb nilgħab, dejjem kelli l-paċenzja u interess kbir li naraha fuq it-televixin. L-imħabba għal-logħba żviluppat waħedha, xi ħaġa li ġiet minni, qatt ma kelli membri tal-familja li jinfluwenzawni biex inħobb u nsegwi l-futbol imma dejjem inħobbu ħafna u dejjem kont nipprova nsib opportunitajiet biex nara l-logħob fuq it-televixin, li kien ħafna aktar diffiċli dak iż-żmien milli hu llum.
Marti dejjem tgħidli li aktar minn nofs il-konverżazzjonijiet tiegħi huma relatati mal-futbol, u hawn irrid nieħu l-opportunità biex nirringrazzjaha tal-paċenzja li tieħu bija.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek bhala Match Analyst u Assistant Coach ta’ Sliema Wanderers FC.
Bdejt ma’ Sliema Wanderers FC l-istaġun li għadda, fejn okkupajt ir-rwol ta’ Match Analyst u f’nofs l-istaġun, ingħatajt l-opportunità li nmexxi t-tim ta’ taħt il-21 sena u filwaqt li kienet ta’ sfida kbira – li nsib bilanċ fiż-żewġ rwoli, għax kif tafu, il-futbol tal-Premier League diġà huwa stressanti u impenjattiv fih innifsu, aħseb u ara li naħdem mat-tim ta’ taħt il-21 sena wkoll, kienet esperjenza sabiħa ħafna. Ħdimt u għadni naħdem ma’ grupp ta’ plejers eċċezzjonali kemm fit-tim tal-kbar kif ukoll fit-tim ta’ taħt il-21 sena u minn hawn nixtieq nirringrazzjahom tar-rispett li dejjem urewni.
Din is-sena r-rwol tiegħi nbidel xi ftit, fejn issa se nkun qed naħdem biss mat-tim tal-kbar bħala Match Analyst u Assistant Coach. Huwa rwol aktar impenjattiv fejn jidħol it-tim tal-kbar iżda wieħed li qed nistenna bil-ħerqa u se nagħti l-almu tiegħi biex inwettaq xogħli bl-aħjar mod possibbli.
Li naħdem fi klabb bħal Sliema, klabb storiku fil-futbol Malti, jagħmilni kburi ħafna iżda aktar minn hekk, kemm l-istaġun li għadda kif ukoll dan l-istaġun, kont imdawwar minn kowċis ġentlomi u mill-aqwa. Il-fatt li kuljum ikollna l-opportunita li nitgħallmu minn xulxin u l-aktar importanti, għandna l-akbar rispett lejn xulxin, jagħmel l-ambjent tax-xogħol mill-aqwa.
Kemm taħdem spalla ma’ spalla mal-kowċ, Paul Zammit?
Jiena u l-kollegi tiegħi naħdmu mal-kowċ Paul Zammit kuljum. Il-Kowċ Paul, li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni fil-futbol Malti, huwa persuna eċċellenti daqskemm hu kowċ eċċellenti u jagħmilha relattivament faċli li taħdem miegħu. Huwa jispjega fid-dettall x’inhi r-responsabbilta ta’ kull persuna, u mbagħad int trid tkun li tieħu l-inizjattiva biex twettaq ir-rwol/i tiegħek bl-aħjar mod possibbli, iżda f’termini ta’ relazzjoni ta’ xogħol, iva, naħdmu spalla ma’ spalla mal-kowċ Paul kuljum u hija esperjenza sabiħa ħafna. Nirringrazzjah sinċerament għall-fiduċja tiegħu u r-rispett li wera mill-ewwel jum u ninsab ħerqan li nkomplu naħdmu flimkien matul dan l-istaġun.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?
Nemmen li l-istaġun li għadda għal Sliema Wanderers FC, ipprovda ħafna sfidi. Bdejna l-istaġun li għadda b’opportunità sabiħa li nilagħbu fit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-Uefa Conference League kontra tim b’saħħtu ħafna mill-Armenja, FC Noah, qabel ma pparteċipajna u rbaħna l-MFA Summer Cup. Li nilagħbu kontra FC Noah, speċjalment fl-Armenja, kien test veru tal-karattru għall-grupp kollu. Kienet iebsa imma lkoll fhimna lil xulxin ħafna aktar wara dik il-logħba u kbirna flimkien, kienet esperjenza mill-aqwa, irrispettivament mir-riżultat u waħda li għenitna ħafna għall-bqija tal-istaġun.
Il-Kampjonat ħalla togħma qarsa f’ħalq kulħadd għax nemmen li wara dak kollu li għaddejna minnu, kien jistħoqqilna nikkwalifikaw għall-kompetizzjoni Ewropea imma sfortunatament, ma kellux jkun. Meta tikkunsidra kollox, dan il-grupp ta’ plejers għamel xogħol eccezzjonali biex spiċċaw fit-tielet post fl-ewwel rawnd u wara bidu diffiċli għall-aħħar rawnd, spiċċajna l-ewwel post u kkwalifikajna għall-play-offs. Li kieku ma kienx għall-gowl fil-121 minuta, konna mmorru għall-penalties u nittestjaw xortina biex nippruvaw niksbu post fil-finali, imma dak hu l-futbol u rridu naċċettawh, nitgħallmu minnu u nimxu ‘l quddiem flimkien.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għall-istaġun li ġej?
Bħall-klabbs il-kbar kollha f’dan il-pajjiż, il-miri tat-tim huma ċari ħafna – irridu nisfidaw u nagħmlu l-almu tagħna biex nirbħu kull trofew possibbli. Hija triq iebsa u diffiċli u ta’ sfida, għax il-klabbs il-kbar l-oħra kollha se jkunu jridu jagħmlu l-istess, iżda dik trid tkun il-mentalità mill-ewwel jum, li nilħqu l-quċċata fi kwalunkwe kompetizzjoni li nkunu qed nipparteċipaw fiha.
Kif tqis il-livell tal-futbol f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell tagħna qed jiżdied, għalkemm se nkun sinċier, bħala kowċ u anke bħala newtrali, meta mmur l-istadium biex nara logħba, nixtieq ħafna li l-livell ikun ogħla imma mhix xi ħaġa li tista’ tagħmel jew tbiddel f’qasir zmien, imma jrid ikun hemm proċess, struttura – pjan, biex tgħin biex jiżdied il-livell f’dan il-pajjiż.
Nemmen li kull klabb f’Malta għandu jagħmel l-almu tiegħu biex jieħu ħsieb it-talent Malti u jgħinu jiżviluppa biex jasal sal-quċċata u jkollu bilanċ tajjeb bil-plejers barranin li jkun effettiv biex iżid il-livell tal-logħob fil-kampjonat tagħna.
It-taħlita ta’ kowċis Maltin u barranin ġabet bidla kbira tattikament, hekk kif il-klabbs huma aktar organizzati tattikament kemm fil-fażijiet tal-logħob kif ukoll fis-set pieces per ezempju u allura għal nies bħali, li nħobbu jaraw logħba fid-dettall, saret aktar interessanti u opportunita li nitgħallmu minnha.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Dan huwa suġġett delikat u iebes. Irridu nifhmu li pajjiżna mhux pajjiż bħal Spanja, l-Italja, l-Ingilterra eċċ. Apparti mill-aspett finanzjarju, li trid investiment qawwi biex jkollok faċilitajiet mill-aqwa, hemm ukoll l-aspett ta’ art, li kull klabb, aqta’ xi wħud, hija iebsa għalihom.
Rigward fejn nilagħbu, prinċipalment – l-Istadium Nazzjonali u t-Tony Bezzina Stadium, u anke meta lgħabna fil-Gozo Stadium l-istaġun li għadda, huma miżmuma tajjeb u huma grawnds tajbin ħafna.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?
Din qed tinbidel għall-aħjar, imma sfortunatament, għad għandna nuqqasijiet meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra. Dan huwa suġġett fejn irid jibda mill-etajiet iż-żgħar aktar milli mill-futbol tal-kbar. Ovvjament nemmen li l-adulti – kustodji u ġenituri, flimkien mal-istituti edukattivi jridu jiġu edukati biex ma jagħtux prijorità lill-iskola fuq il-futbol, jew l-isport jew viċi-versa imma jippriedkaw l-immaniġġjar tal-ħin. Għandi ħbieb li lestew degree/masters, mhux relatati mal-isport innifsu, filwaqt li sabu bilanċ tajjeb sabiex ikomplu jilagħbu l-futbol fl-ogħla livell f’Malta. Ma nemminx li persuna trid tittraskura l-iskola biex tiffoka biss fuq il-futbol u lanqas bil-kontra, fejn wieħed ma jistax isegwi l-ħolm tiegħu biex jasal sal-ogħla livell minħabba l-iskola, imma kollox jibda billi jkollok l-edukazzjoni t-tajba dwar l-immaniġġjar tal-ħin u l-bilanċ fil-ħajja, minn età żgħira ħafna u din sfortunatament, naraha nieqsa ħafna fl-etajiet iż-żgħar.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Bħalissa, jien iffukat għal kollox fuq l-istaġun attwali li dalwaqt se jibda, iżda l-intenzjoni tiegħi hi li nkompli nikber u nikseb esperjenza fil-futbol tal-kbar. Din se tkun is-16-il sena tiegħi bħala kowċ u ninsab ħerqan ħafna għaliha. Eventwalment, nixtieq nagħmel il-kors tal-UEFA PRO, l-aħħar liċenzja li jonqosni mill-aspett ta’ kowċing li hija relatata mal-futbol tal-kbar, u fil-futur, nixtieq li nieħu l-opportunitá li mmexxi tim tal-kbar jien stess. Dejjem nemmen li fil-ħajja kollox irid iseħħ pass pass. Din se tkun it-tieni sena tiegħi involut fil-futbol tal-kbar u matul dan il-perjodu rrid nitgħallem u nikber kif nimmaniġġja f’dan il-qasam tal-isport għaliex li nittratta maż-żgħażagħ u li nittratta mal-irġiel huwa xenarju kompletament differenti iżda huwa qasam li jimmotivani minħabba l-pressjoni li tirbah hija ferm ghola meta mqabbel mal-iżvilupp u l-edukazzjoni, fl-etajiet iżgħar.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed sempliċi – agħmel dak li jimmotivak u dak li jagħmlek kuntent. Tħarisx lura fil-ħajja u tgħid ‘x’kien jiġri kieku..’ għax ma tistax iġġib iż-żmien lura imma l-preżent u l-futur huma fil-kontroll sħiħ tiegħek. Ma nħobbx nuża l-kelma sagrifiċċji, nirreferi għal sagrifiċċji meta nkun qed nagħmel xi ħaġa li ma nħobbx nagħmel jew ta bilfors, imma meta taħdem fil-futbol, kemm bħala plejer kif ukoll bħala staff tekniku, huwa għax għandek passjoni kbira u mħabba qawwija għal-logħba, allura mhuwiex sagrifiċċju, huwa privileġġ li jkollok l-opportunità li taħdem f’din l-industrija u tkun xi tkun il-ħolma tiegħek, trid taħdem ħafna, għax xejn mhu faċli u trid taħdem b’mod professjonali biex tilħaq il-quċċata u aktar importanti minn hekk, biex tibqa’ fil-quċċata!