Saturday, November 23, 2024

“Irridu nitgħallmu ngħixu ma’ xulxin…naċċettaw id-differenzi ta’ bejnietna u mhux nobogħduhom” (1)

Aqra wkoll

Ben Lesser, bniedem li rnexxielu jibqa’ ħaj mill-Olokawst

Minn VICTOR VELLA

Fl-aħħar jiem rajna għadd ta’ protesti madwar id-dinja. Kollha juru r-rabja għal dak li seħħ fl-Istati Uniti, fejn raġel iswed, George Floyd miet wara li kien arrestat mill-Pulizija. Il-mewt tiegħu, wara filmat imxandar ta’ Pulizija b’irkopptejh fuq għonq Floyd, qajmet għadab kbir mhux biss fl-Istati Uniti imma f’pajjiżi oħra madwar id-dinja. Il-mistoqsija li toħroġ quddiem dan u quddiem każi oħra, hi meta d-dinja se titgħallem? U tiskanta kif quddiem każ xokkanti bħal dan, tibqa’ ssib min imur fuq is-siti soċjali u jitkellem b’mibegħda lejn persuna ta’ razza differenti. Min kontra l-Afrikani. Min kontra l-Messikani u min razez oħra.  F’pajjiżna ukoll, għalkemm il-bogħod mill-Istati Uniti għandna realtà oħra. Ir-realtà ta’ immigranti Afrikani li jaqsmu mil-Libja biex ifittxu ħajja aħjar. Biex jibdew ħajja ġdida bogħod minn persekuzzjoni u torturi. Imma lejn dawn il-persuni, hawn min fostna ixerred lejhom kull tip ta’ mibegħda. “Tihom erba’ tiri u ibgħat il-katavri….” kien jgħid wieħed mill-kummenti.

Quddiem il-mibegħda fid-dinja jispikkaw messaġġi li qed isiru minn bniedem f’Las Vegas. Minn bniedem ta’ 92 sena. Bniedem li għal sentejn sħaħ ra atroċitajiet kbar iseħħu fil-kampijiet tal-konċentrament. Kien f’erba’ kampjijiet. Jista’ jgħid li kien fost dak il-fortunati li rnexxielu joħroġ ħaj għalkemm il-parti kbira ta’ familtu tilfu ħajjithom f’dan il-post.  Ben Lesser hu determinat li jagħmel minn kollox biex dak li seħħ fit-Tieni Gwerra Dinjija fejn inqatlu mas-sitt miljun Lhudi u mat-3 miljuni persuni oħra għal raġunijiet diversi ma jerġax jirrepeti ruħhom. 

Spiss huma dawk li jgħid li “jekk ma niftakrux l-istorja, inkunu kkundannati li nirrepetuha”. Ben, qed jagħmel proprju dan. Sforzi kontinwi, li warajh se jkompluh uliedu biex dak li seħħ fit-Tieni Gwerra Dinjija ma jerġax jirrepeti ruħu. Imma Ben ma jiqafx hemm. Il-messaġġ tiegħu, hu wieħed li tista’ faċilment tapplikah għal ħafna sitwazzjonijiet oħra, fosthom fil-ġlieda għad-drittijiet ċivili u ħafna oħrajn.

Fi kliem Ben stess, “jien infakkar  fuq kif għandna nitrattaw lil xulxin u ma naqgħux għal mibegħda.  Aħna kollha ħolqien ta’ Alla.  Irridu nitgħallmu ngħixu ma’ xulxin.  Irridu nitgħallmu naċċettaw id-differenzi ta’ bejnietna u mhux nobogħduhom.”

Fl-aħħar jiem tkellimna ma’ Ben Lesser, li qasam magħna l-ħsibijiet tiegħu kemm dwar it-tixrid ta’ mibegħda u anti semitiżmu u anke dwar il-ħidma li qed iwettaq, biex dak li sar 80 sena ilu ma jerġax jiġi ripetut.

“Qed nagħmel minn kollox biex dak li seħħ jibqa’ mfakkar. Kunu l-vuċi ta’ dawk li kienu msikkta”

Ben jgħidilna li “jien qed nagħmel dak kollu possibbli biex infakkar dak li ġara 80 sena ilu. Irrid li kemm jista’ jkun nies ikunu l-vuċi ta’ dak li kienu imsikkta. Ta’ dawk li mietu, sitt miljun persuna li qed jibku lid-dinja u jgħidu kelma waħda ‘Zachor’ li tfisser ‘Ftakru’.”

Hu jenfasizza li waqt li niftakru irridu ukoll nedukaw. Il-lezzjonijiet li joħorġu mill-olokawst, għandhom jgħallmu lill-ġenerazzjonijiet ta’ llum u tal-futur.  “Hu għalhekk li ħloqt il-programm ‘Shout-Out’. Biex  ma nibqgħux passivi.  L-għan aħħar għandu jkun li neliminaw il-mibegħda, li minnhom imbagħad joħorġu l-ġenoċidji”.

“Hi l-missjoni tiegħi li d-dinja ma taqax f’amnesia – tinsa dak li ġara

Ben jgħidilna li waqqaf iż-Zachor Holocaust Remembrance Foundation bl-għan li d-dinja ma taqgħax f’amnesia u tinsa dak li ġara. “Għamiltha il-missoni tiegħi li nmur fi skejjel, universitajiet u istituzzjonijiet ta’ kull xorta  biex naqsam l-istorja tiegħu u nfakkarhom li dak li seħħ jista’ jerġa’ jiġri. Hemm lezzjoni x’nitgħallmu. L-ibbuljar hu xi ħaġa rilevanti ħafna anki llum.  Hitler ma bediex joqtol mill-bidu. Hu beda bil-mibegħda u mbagħad ħoloq il-propaganda”.

Isemmi l-programm ‘I Shout Out’. L-għan tiegħu hu li jistieden miljuni ta’ persuni madwar id-dinja, biex jitkellmu kontra l-intolleranza, l-inġustizzja, l-anti semitiżmu, ir-razziżmu, l-ibbuljar. 

Ben qalilna li “l-programm I Shout Out hu programm fejn in-nies jipparteċipaw u jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq il-libertà,  it-tolleranza flok il-mibegħda.  Ma’ l-opinjoni tagħhom jistgħu ukoll jagħmlu ir-ritratt tagħhom. Dawn jibqgħu fuq is-sit għal ġenerazzjonijiet li ġejjin. Immaġina lit-tfal tiegħek u lit-tfal tat-tfal tagħhom, jiktbu ismek fuq is-sit u jitla’ il-messaġġ. L-għan ta’ dan hu biex inpattu għal dawn is-sitt miljun Lhud u persuni oħra li inqatlu fl-olokawst.”

Jenfasizza li “fit-tieni gwerra, id-dinja kollha kienet taf b’dak li kien għaddej fuq il-Lhud mir-reġim Nażista, iżda ħadd ma tkellem. Għalhekk ħloqt dan il-programm biex id-dinja titkellem u tesprimi l-emozzjoni tagħha. Dan biex tieqaf il-mibegħda.”

Nistaqsuh kif hu qed jifrex dan il-programm minn fuq l-olokawst għal temi oħrajn fosthom ir-razziżmu, l-intolleranza, l-antisemitiżmu u anke fuq id-drittijiet ċivili.

“M’hemmx differenza. Kollox idur mat-tolleranza. Imħabba mhux mibegħda. Hemm bżonn nitkellmu f’isem dawk li qed jiġu msikkta”, jisħaq Ben Lesser.

Mort Auschwitz diversi drabi … memorji koroh … imma ħassejt li kelli nkun hemm

Ben ftit xhur ilu ingħaqad ma’ diversi oħrajn fl-anniversarju tal-75 sena mindu Auschwitz inħeles.  “Kont hemm diversi drabi. Ħassejt li kelli inkun hemm. Dak hu post li lili iġiegħbli memorji koroh.  Hemmhekk tlift lil oħt, lil ħija u membri oħra tal-familja. M’għandniex memorji sbieħ anzi memorji orribbli. Nista’ nagħmel sigħat sħaħ nitkellem fuq dak li għaddej minnu u dak li rajt”, jirrakkonata Ben, li meta wasal f’Auschwitz kien ġideb lil Mengele, u   qallu li kellu tmintax-il sena u li kien jiflaħ għax-xogħol. Meta Mengele kien qallu kien qallu jekk jiflaħx jiġri 5 kilometri, hu qallu iva u kien hawn li hu ma tpoġġiex ma’ dawk li kienu se jmorru direttament għal kamra tal-gass. Huh u oħtu iżgħar minnu, dak il-ħin stess infirdu minn miegħu, u tpoġġew fuq in-naħa l-oħra.  Dak inhar kien l-aħħar li rahom. Huma intbagħtu fil-kamra tal-gass.

“Ħassejt li kellu obbligu nerġa’ inmur f’Auschwitz. Inħoss il-bżonn li dak li seħħ għandu jibqa’ jiġi mfakkar biex ma jkunx ripetut”, jgħidilna Ben Lesser.

Kollox beda mill-mibegħda

Ben Lesser jgħidilna li “waqqaft iż-Zachor Foundation. Zachor tfisser ‘Ftakar’.  Irridu infakkru l-vittmi u dak li ġara. Kollox beda bil-mibegħda. In-Nażi ma bdewx joqtlu mill-ewwel. Kollox beda mill-propganda ta’ mibegħda.  Hi xi ħaġa iebsa ħafna biex temmen kif pajjiż bħall-Ġermanja, pajjiż edukat, ikollok nies fi ħdan li jsiru qattiela.  Aħna kollha ħolqien t’Alla”.   

Ma nieħux gost min jippoża b’

simboli ta’ mibegħda

Lil Ben nistaqsuh dwar kif illum huma diversi l-okkażjonijiet fejn persuni u anki żgħażagħ ma jsibux diffikultà biex jippużaw bi swastika jew simboli oħra ta’ mibegħda.  Għal dan Ben Lesser jitkellem ċar ħafna. Jgħidilna li “mistoqsija tajba ħafna. Jien ma nieħux gost b’min jagħmel hekk. Jien qed nagħmel dak kollu possibbli biex niġġieled il-mibegħda fid-dinja. Hawn wisq mibegħda fid-dinja.  Kif tista’ per eżempju tiċħad l-olokawst?  Imma llum dawk li jiċħdu l-olokawst, issibhom kullimkien. Issibhom madwar id-dinja kollha. Jien inkwetat dwar dan u qed naħdem ħafna biex nopponi dak li jgħidu. Xi kultant nibda naħseb li din hi battalja mitlufa għax hemm ħafna minnhom hemm barra. Hi problema kbira.”

“Għamilt snin f’infern … għext biex nagħti xi ħaġa lura”

‘Emminni, għamilt snin f’infern.  L-unika raġuni għaliex salvajt hi dik biex nagħti xi ħaġa lura.  Qed nagħmel dak kollu possibbli. Qed nitkellem fl-iskejjel u kul fejn nista’. Għamilt hologram tiegħi u dan biex min irid jistaqsini u jien inwieġeb.  L-idea hi li 50 sena oħra, meta jien ma nkunx għadni hawn, it-tfal ta’ dak inhar ikunu jistgħu isaqsu u jingħataw tweġiba. Jien persuna waħda, imma dak li bdejt jien se jkompluh uliedi u n-neputijiet”, jisħaq Ben. 

“Kollox għandu l-bidu tiegħu fil-mibegħda. Kemm jekk qed titkellem fuq l-olokawst, il-ġenoċidju fid-Darfur u episodji oħra. Nistgħu aħna kollha nagħżlu li nieħdu responsabbilità u ngħixu ħajjiet li jiġġieldu kontra l-mibegħda. Kliem ta’ mibegħda, ibbuljar u sitwazzjonijiet oħra kollha jikkontribwixxu għal ambjent ta’ mibegħda. Il-mibegħda teżisti meta hemm l-injoranza. Irridu nipprovdu edukazzjoni kontra l-mibegħda. B’hekk inkunu qed nikkontribwixxu biex infejqu lil oħrajn.”

“Jien nara li l-qawwa tal-imħabba hi  importanti biex telimina l-mibegħda. L-imħabba tal-ġenituri tiegħi, li kienu mmassakrati minn Nażi, tawni  l-bażi ta’ ħajti.  L-imħabba tiegħi lejhom u l-qtil brutali ta’ oħti u ħuti l-oħra għadni nħosshom sa llum.” 

Il-ħajja hi għażliet

Ben jiddikjara “li ħafna jaqblu li t-tfulija tiegħi kienet miċħuda.  Jien rajt dak li mhux immaġinabbli. Ġejt fl-Istati Uniti  bla edukazzjoni, bla flus u mingħajr ma kont naf il-lingwa. Il-ħajja hi għażliet. Ma użajtx il-passat tiegħu bħala skuża. Użajt il-passat u dak li għaddej minnu  biex inkun persuna aħjar. Mort lil hinn minn dak li hu negattiv u ħloqt xi ħaġa pożittiva.”

Sport