Saturday, December 21, 2024

“Irridu niżguraw li l-paċi tirrenja fuq il-vjolenza”

- id-Deputat Prim Ministru Ian Borg

Aqra wkoll

Fi stqarrija ministerjali, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg qal li “ninsabu mħassba ħafna dwar is-sitwazzjoni f’Gaża, b’eluf ta’ persuni mejta jew spostati kif ukoll bil-katastrofi umantarja li dejjem sejra għall-agħar.”

F’għeluq is-sena minn meta l-Ħamas wettaq attakk feroċi u barbaru fuq nies innoċenti f’Iżrael, attakk li ġab l-kundanna tal-komunità internazzjonali inkluż ta’ pajjiżna u tal-Parlament Malti, id-Deputat Prim Ministru qal li Malta tibqa’ tisħaq fuq il-ħtieġa li l-ostaġġi kollha tal-attakk tas-7 ta’ Ottubru jinħelsu b’mod immedjat u bla ebda kundizzjoni.

“Irridu nibqgħu naħdmu flimkien bħala komunità internazzjonali biex niżguraw li vjolenza u attakki bħal dawn ma jibqgħux iseħħu. Irridu naħdmu biex nevitaw aktar eskalazzjoni. Irridu naħdmu għad-djalogu. Irridu niżguraw li t-tfal u l-familji f’dan ir-reġjun ma jibqgħux ibatu minħabba f’dan il-kunflitt. Irridu niżguraw li l-paċi tirrenja fuq il-vjolenza,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Huwa tenna l-urġenza għal waqfien mill-ġlied immedjat kemm f’Gaża kif ukoll bejn il-Hezbollah u l-Iżrael. “Dak li għaddej fil-Libanu qed iħalli nies ċivili mejta, qerda kontinwa ta’ infrastruttura ċivili u spostament ta’ eluf ta’ persuni. Pajjiżna f’dawn iċ-ċirkostanzi dejjem kien konsistenti f’dak li għedna u nibqgħu nesiġu li l-liġijiet internazzjonali inkluża dik umanitarja jeħtieġ ikunu mħarsa minn kulħadd.”

Huwa qal ukoll li d-Direttorat tas-Servizzi Konsulari ta’ pajjiżna jinsab f’kuntatt ma’ madwar 10 persuni ta’ ċittadinanza Maltija li jinsabu fil-Libanu filwaqt li qed jaħdmu wkoll ma’ pajjiżi oħra biex jekk dawn juru x-xewqa li jkunu evakwati jikkordinaw magħhom l-għajnuna kollha meħtieġa.

Id-Deputat Prim Ministru żied jgħid ukoll li kemm is-sovranità tal-Iżrael u tal-Libanu trid tiġi mħarsa akkost ta’ kollox. “Iżrael għandu dritt jiddefendi lilu nnifsu minn attakki esterni iżda wkoll għandu d-dmir li r-reazzjoni trid tkun proporzjonata u msejsa skont il-liġijiet internazzjonali.”

Min-naħa l-oħra, huwa enfasizza li: “nikkundannaw bl-aktar mod b’saħħtu l-attakki tal-Iran kontra l-Iżrael” filwaqt li sostna li jeħtieġ li l-Iran ukoll jonora l-obbligi internazzjonali tiegħu u ma jeskalax it-tensjonijiet.

Ekonomija

Sport