Wednesday, August 13, 2025

“Irridu niżguraw li Santa Luċija tibqa’ post fejn kulħadd iħossu importanti u kburi li jgħix u jrabbi familja” 

- Charmaine St John - Sindku ta’ Santa Luċija

Aqra wkoll

Meta titkellem dwar il-ħidma pubblika u l-impenji fis-settur lokali, isem wieħed li dejjem jissemma’ huwa dak ta’ Charmaine St John, sindku ta’ Santa Luċija u figura ċentrali fil-ħajja politika u soċjali tal-lokalità. Matul is-snin, St John irnexxielha tħalli marka b’saħħitha fuq il-komunità, billi b’mod kostanti u b’impenn sħiħ ħadet it-tmexxija f’Santa Luċija għal-livelli ġodda ta’ suċċess u tiġdid.

Riċentement, Charmaine St John ġiet eletta mill-ġdid bħala Sindku ta’ Santa Luċija fl-elezzjoni li rat il-Partit Laburista jsaħħaħ il-maġġoranza tiegħu fil-Kunsill Lokali. F’dan il-kuntest, hi stqarret b’mod ċar: “Din ir-rebħa mhix biss ma tfissirx biss numri jew siġġijiet. Huwa messaġġ qawwi li r-residenti japprezzaw il-ħidma tagħna u jemmnu fil-viżjoni li għandna għas-snin li ġejjin u għat-tul ta’ ħajjitna f’din il-lokalità.”

Fil-fatt, hija fissret magħna l-ħidma li hi u l-kollegi tagħha jagħmlu għal dan ir-raħal fin-Nofsinhar ta’ Malta. Il-komunità ta’ Santa Luċija, b’maġġoranza msaħħa tal-Partit Laburista, turi b’mod ċar kif il-poplu jixtieq li l-impenn soċjali, l-infrastruttura, u l-ħidma soċjali jkomplu jissaħħu. Din il-ħidma hija ispirata minn valuri ta’ ħidma flimkien u minn sens profond ta’ servizz lejn ir-residenti, xi ħaġa li tisħaq fuqha l-istess St John. 

Wieħed mill-proġetti li l-Kunsill ta’ Santa Luċija qed jipprova jagħti importanza kbira hu Ġnien l-Iskultura. Dan il-proġett mhux biss għamel differenza fiż-żona, imma saret ukoll simbolu ta’ kif l-ispazji abbandunati jistgħu jiġu trasformati f’oasi ta’ mistrieħ u ħin ta’ kwalità għall-familji kollha.

Charmaine St John tispjegalna f’aktar dettall: “Dan il-ġnien kien post magħluq u mitluq li ma kien jilqa’ lil ħadd. Issa, wara xogħol kbir u investiment ta’ aktar minn miljun ewro, għandna spazju miftuħ fejn persuni ta’ kull età jistgħu jkunu flimkien u jgawdu l-ambjent.”

Id-disinn tal-ġnien huwa ispirat minn stil orjentali, u għandu elementi uniċi bħal pont tal-metall fuq għadira mimlija ħut Koi, magħruf bħala simbolu ta’ xorti tajba. “Il-kulur aħmar prominenti fil-ġnien mhuwiex biss dehra sabiħa, imma simbolu ta’ ferħ u fortuna, xi ħaġa li nittamaw li tibqa’ sservi bħala messaġġ għal kulħadd li jżur il-ġnien,” qalet St John. 

L-attenzjoni għad-dettalji bħal dawn, flimkien mat-tħawwil ta’ 38 siġra ġdida, jidher ċar li l-Kunsill qed jara lil Santa Luċija bħala lokalità li tipproponi kwalità ta’ ħajja għolja. “Il-proġett sar mhux biss biex iżid il-valur estetiku, imma biex jagħti l-opportunità ta’ ħajja soċjali aktar attiva,” żiedet tgħid.

Is-Sindku ta’ Santa Luċija qalet li taħt it-tmexxija tagħha, il-Kunsill qed jiffoka mhux biss fuq proġetti kbar iżda wkoll fuq dettalji żgħar li għandhom impatt dirett fuq ir-residenti. “Il-ħidma tagħna mhix biss li nibnu ġonna ġodda jew nibdlu s-siġar,” spjegat, “qed niffukaw ukoll fuq manutenzjoni regolari ta’ infrastruttura essenzjali bħall-bandli fil-ġonna, it-toilets pubbliċi u spazji oħra fejn ir-residenti jużaw kuljum.”

Hemm diversi proġetti li għaddejjin bħalissa, inkluż rinnovar tat-toilets pubbliċi u bidla sħiħa tal-bandli, bi spazji mġedda u modernizzati. “Ir-riżultati se jkunu viżibbli dalwaqt, hekk kif ħareġ tender ta’ €120,000 għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-bidliet,” qalet.

Meta saret mistoqsija dwar l-importanza ta’ dawn l-investimenti, il-sindku spjegat, “Mhux dejjem il-proġetti kbar huma l-aktar importanti; kultant huma l-affarijiet żgħar li jagħmlu d-differenza fil-ġurnata ta’ kulħadd.”

Il-komunità għandha wkoll attenzjoni speċjali lejn l-anzjani u t-tfal. Charmaine St John tinsab konxja li l-ħidma biex jinżammu l-ġenerazzjonijiet jiltaqgħu u jitħarrġu flimkien hija kruċjali għall-ħarsien tal-valuri soċjali. “Inħoss li meta ż-żgħażagħ u l-anzjani jingħaqdu flimkien, dan jgħin biex jinżamm il-ħbiberija u l-inklużjoni fil-komunità,” qalet.

Bħala parti minn din l-idea, il-Kunsill se jorganizza żewġ attivitajiet importanti: kunċert b’xejn tal-ABBA fid-19 ta’ Settembru u kunċert ta’ mużika Maltija f’Ottubru. “Dawn l-avvenimenti mhumiex biss biex inġibu l-pjaċir u d-divertiment, imma biex inħeġġu l-ispirtu ta’ komunità,” kompliet tgħid St John.

F’Santa Luċija, il-ħidma għall-ħajja ta’ kwalità tal-komunità tinvolvi wkoll soluzzjonijiet prattiċi għat-trasport. “Għal din is-sena skolastika, il-Kunsill Lokali se juża vann proprju biex iwassal lill-istudenti tal-MCAST filgħodu. Dan huwa pass żgħir imma importanti lejn trasport iktar sostenibbli u rduppjat fuq il-bżonnijiet tal-komunità,” spjegat St John.

L-inizjattiva, li sservi wkoll biex tnaqqas it-traffiku u l-inċidenti fit-triq, hija parti minn pjan usa’ li jħares lejn l-ambjent u s-servizzi b’mod integrat.

Charmaine St John mhix wiċċ ġdid fil-politika lokali; hija ilha s-sitt snin isservi bħala Sindku ta’ Santa Luċija u tinsab fil-mument fit-tieni leġislatura tagħha. Din l-esperjenza wriet ruħha fundamentali għall-ħidma tagħha, fejn il-kapaċità li twettaq proġetti reali u b’saħħithom għandha rwol ewlieni.

“Is-snin li għaddew tatni għarfien profond u għamlitni nista’ nifhem aħjar x’hemm bżonn f’Santa Luċija. L-aktar ħaġa li qed nikkonċentra fuqha issa hija li ngħin biex niżguraw li kull rokna ta’ din il-lokalità tkun sigura, nadifa u pjaċevoli għal kulħadd,” qalet.

Ir-rebħa elettorali reċenti u s-suċċessi li qed jinkisbu juru kif Santa Luċija qed tiżviluppa bħala komunità moderna, nadifa u organizzata sew. Dan il-progress mhix biss riżultat ta’ ħidma waħda, iżda frott ta’ kollaborazzjoni estensiva bejn il-Kunsill Lokali, entitajiet bħall-Project Green, il-Ministeri u, ovvjament, ir-residenti stess.

Charmaine St John temmet tgħid: “Il-ħidma tagħna mhix biss dwar il-preżent; hija d-dedikazzjoni għall-futur tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Irridu niżguraw li Santa Luċija tibqa’ post fejn kulħadd iħossu importanti u kburi li jgħix u jrabbi familja.” 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport