Friday, June 27, 2025

‘Irridu nkunu pożittivi u nemmnu fil-kapaċitajiet individwali tagħna’ – Mario Gouder

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn etá żgħira ħafna bdejt insegwi l-futbol ma’ ħija l-kbir speċjalment dak Taljan. Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien l-imħabba lejn il-futbol kompliet tikber fejn anke bdejt nilgħabu wkoll. Sfortunatament, għalkemm kelli opportunitajiet li nilgħab futbol fuq livell nazzjonali, ma tantx kelli x-xorti li nilgħabu kif xtaqt minħabba ċirkostanzi li mhux dejjem kelli kontroll fuqhom! Bdejt nilgħabu fir-raħal fejn twelidt, iż-Zejtun, ma’ tim li kien jikkompeti fil-kompetizzjonijiet tal-Youth FA, Under 14 u 16, fejn imbagħad komplejt ma’ dak iż-żmien Għajn Dwieli FC. Dawn kienu ngħaqdu u saru parti minn Hibernians FC. Ma’ Hibernians FC kelli diversi opportunitajiet minn etá żgħira ta’ 16-il sena, għalkemm qatt ma lgħabt uffiċjalment, kif ukoll taħrig ma’ timijiet tan-Nazzjonal ta’ taħt is-16 u t-18-il sena. Lgħabt mal-Fgura United għal xi staġuni fejn imbagħad kelli nieqaf minħabba raġunijiet personali. Wara diversi snin, fl-istaġun 2002/3, bdejt nikkowċja fin-Nursery tal-Hibernians FC u nirringrazzja lil Alla għadni għaddej sal-lum!

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala Assistant Coach ta’ Rabat Ajax FC, fejn issa se tkun qed taħdem spalla ma’ spalla mal-kowċ il-ġdid, Matthew Genuis.

L-istagun li ħa jibda dalwaqt qed inħares lejh pożittivament. Ir-raġuni hi li nemmen ħafna fil-ħidma li qed jagħmel il-Kumitat. Minbarra hekk inħoss li l-kowċ Matthew Genuis jista’ jġib miegħu ħafna affarijiet pożittivi u ċertu entużjażmu li t-tim tar-Rabat għandu bżonn wara staġun diffiċli. Għalkemm din se tkun l-ewwel darba li ħa nkun qed naħdem miegħu, mil-laqgħat li kellna bejnietna diġá jidher ċar li l-kapaċitajiet tiegħu jistgħu jkunu ta’ ċerta importanza biex flimkien nistgħu naħdmu u nwasslu lit-tim tar-Rabat fejn tassew jixraqlu!

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

L-istaġun li għadda, sfortunatament, kien wieħed diffiċli ħafna. M’għandix għalfejn nidħol f’dettall għax ma jagħmilx sens, minbarra li jien xorta għandi rispett lejn min kien qed imexxi! Biss kien staġun li tgħallimt ħafna minnu, speċjalment wara li ġejt inkarigat fit-tmexxija tat-tim flimkien ma’ ħabib u kollega, Riad Mnyel Gango Ntsa. Għalkemm it-tim ġie relegat, kien hemm affarijiet pożittivi wkoll fejn l-aħħar logħbiet litteralment lgħabna bi plejers tal-Minors u tal-U17s. Ir-riżultati kulħadd jaf x’inhuma imma min kien jiġi jsegwi t-tim ra li hemm potenzjal fiż-żgħażagħ li qed itella’ l-klabb tar-Rabat Ajax FC bis-saħħa tan-Nursery.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Mistoqsija interessanti! Ma rrid nidħol fl-ebda polemika. Jien naħseb li jsir ħafna paroli, kulħadd jgħid li jħoss, imma hemm sitwazzjonijiet fejn wieħed għandu jkun onest u jitkellem fuqhom b’ġenwinitá! Qed isir biżżejjed biex iż-żgħażagħ Maltin ikunu jistgħu jiżviluppaw b’mod professjonali? Il-klabbs, specjalment tal-Premier, qed jagħmlu biżżejjed u jinvestu fiż-żgħażagħ Maltin jew il-flus qed imorru fuq bżonnijiet oħra li jkollhom il-klabbs? Nemmen li talent ikun hawn imma għal xi raġuni qed nibqgħu fejn aħna għalkemm xi kultant progress naraw ukoll. Il-plejers barranin jgħollu l-livell imma wkoll joħonqu t-talent Malti. Opinjoni personali, plejers barranin medjokri hawn ukoll u naħseb li jekk lil xi żgħażagħ Maltin nagħtuhom ċans u nieħdu paċenzja, dan ikun ta’ ġid għal kulħadd. Nemmen ukoll li hemm nuqqas ta’ plejers b’esperjenza barra minn Malta.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Fejn jidħol il-grawnd tar-Rabat żgur li m’għandix xi ngerger għalkemm xi nuqqasijiet dejjem ikun hemm. Bħalissa qed isir investiment qawwi fejn inbidel id-dawl artifiċjali kollu u ġie fuq livell għoli ħafna! Sfortunatament, meta mmorru nilagħbu lħloghob kompetittiv insibu minn kollox! L-istaġun li għadda, f’logħba kompetittiva tan-National Amateur League 1, konna f’sitwazzjoni li minħabba li għamlet ħalba xita qawwija qabel il-logħba, ma stajniex noqgħodu fuq il-bank tas-sostituti għax ma kienx adekwat biex jintuża. L-istess grawnd, dressing bis-saqaf bl-ilma jqattar fuq il-plejers, toilets maħmuġin u xawers ma jistgħux jintużaw. Meta mmorru nilagħbu logħob kompetittiv tal-Minors hemm lista twila ta’ affarijiet xi nsibu fil-grawnds u fil-faċilitajiet inaċċettabli li nsibu. Hemm bzonn li nqumu minn raqda twila li qegħdin fiha u xi ħadd irid jistenbaħ u jara x’hawn madwarna!

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Iż-żmien għaddej u ma jistenna lil ħadd. Biss nemmen li nista’ nagħti kontribut fejn jidħlu ż-żgħażagħ u nixtieq li nkompli naħdem u ngħin f’dan il-qasam, għalkemm jekk ikun hemm xi opportunitá f’livell ogħla żgur li mhux se ngħid le!

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-futbol huwa sport sabiħ u l-aktar sport segwit fid-dinja. Nemmen li għalkemm aħna pajjiż żgħir, xorta waħda jista’ jkun hemm opportunitajiet fejn wieħed jew waħda ikollhom karriera ta’ suċċess f’dan l-isport. L-importanti li bħala atleta trid tkun lest li tagħmel sagrifiċċji barra minn normal u tkun preparat/a minn aspetti differenti. Irridu nkunu pożittivi u nemmnu fil-kapaċitajiet individwali tagħna!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport