Thursday, December 11, 2025

‘Irridu nżidu n-numru ta’ għawwiema kompetittivi’ – Gail Rizzo

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Gail Rizzo tibqa’ figura kruċjali fl-istorja tal-għawm Malti, atleta li skopriet il-potenzjal tagħha minn età żgħira, kisbet riżultati li baqgħu jżommu isem Malta għoli, u aktar importanti minnhekk, kowċ li llum qed toħloq il-bażi għall-futur aktar b’saħħtu fil-pixxini tagħna.

Imwielda fit-2 ta’ Frar 1979, Rizzo, kibret f’ambjent fejn id-dixxiplina tal-għawm kienet parti mill-ħajja ta’ kuljum, u ma damitx ma saret magħrufa bħala t-tfajla li bdiet tikteb isimha fir-rekords nazzjonali sa minn meta kienet għadha lanqas għalqet l-għaxar snin.

Il-karriera tagħha bħala għawwiema kienet immarkata minn passjoni li qatt ma tat lura. Fl-1996, meta kienet għadha tifla ta’ 17-il sena, irrappreżentat lil Malta fl-Olimpjadi ta’ Atlanta, wieħed mill-ogħla punti fil-karriera tagħha. Hemmhekk, kompetiet fil-50 metru u l-100 metru freestyle u l-100 metru backstroke, u għalkemm kellha quddiemha ġganti tal-isport, għamlet ħinijiet rispettabbli li kkonfermawha bħala l-aħjar għawwiema tal-pajjiż dak iż-żmien. Sena wara, f’Mejju tal-1997, kisbet wieħed mir-rekords li baqa’ miżmum għal snin twal: 2:25.66 fil-200 metru backstroke, rekord li dam 22 sena qabel ma nkiser fl-2019.

Għaliha, il-parteċipazzjoni fl-Olimpjadi kienet esperjenza li tibqa’ magħha għal dejjem. Hi tkellmet magħna f’intervista li għamilnilha riċentement.

“Kienet l-aqwa ħaġa li qatt għamilt bħala atleta,” tgħid b’emozzjoni. “Dak iż-żmien kont żgħira, iżda t-tagħlim u d-dixxiplina li ksibt minn dik il-parteċipazzjoni baqgħu jmexxuni tul ħajti kollha.”

Minbarra l-Olimpjadi, Rizzo ħadet sehem ukoll fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa fejn kisbet ħames midalji, memorji li tgħid li jibqgħu parti mill-isbaħ kapitli fil-karriera sportiva tagħha.

Wara li rtirat mill-kompetizzjoni, il-pass li jmiss kien wieħed loġiku: li tgħaddi l-għarfien tagħha lill-oħrajn. Hi pront saret bħala waħda mill-aktar coaches rispettati fil-pajjiż, u eventwalment saret parti mill-istaff tekniku ta’ Neptunes WPSC, fejn għal snin twal ħadmet id f’id mal-kowċ nazzjonali, Andy Colbourn, fit-tkabbir tal-għawwiema żgħażagħ.

Rizzo temmen li t-tagħlim tal-għawm ma titgħallmux biss permezz ta’ taħriġ iebes, iżda permezz ta’ teknika eċċellenti, konsistenza u attenzjoni għad-dettall. “Tfal għandhom jingħataw l-għarfien Huwa importanti li jifhmu l-ħinijiet, il-mod kif jiċċaqalqu fl-ilma u li fuq kollox itejbu l-ħin personali tagħhom. Kull sessjoni trid tkun differenti u dejjem trid tagħtiha skop sabiex ikun hemm motivazzjoni,” tispjega.

Illum, taħt il-gwida tagħha u ta’ kowċis oħra dedikati, hemm bejn 70 u 80 għawwiem fi skwadri kompetittivi li jirrappreżentaw lil Neptunes, kif ukoll f’livelli bħall-kampjonati nazzjonali u short time trials.

Wieħed mill-ikbar passi ’l quddiem għall-isport kien il-ftuħ tal-pixxina indoor tal-klabb f’Ta’ Qali. Rizzo tiddeskrivih bħala “rigal enormi għall-għawm Malti”. Il-kundizzjonijiet konsistenti, it-taħriġ fis-sajf jew fix-xitwa mingħajr interruzzjoni, u l-possibbiltà li titkabbar il-bażi tal-għawwiema qed jagħmlu differenza diretta.

“Il-pixxina indoor li ftaħna f’Ta’ Qali riċentement żiedet in-numru ta’ għawwiema prattikament bid-doppju,” tgħid. “U bil-pixxina l-ġdida ta’ Ta’ Qali, għandna futur tassew sabiħ quddiemna.”

Tul is-snin, taħt il-gwida ta’ Rizzo, ħafna għawwiema kisbu rekords, personal bests u anke tnisslu għal livelli internazzjonali. Illum hemm ukoll diversi tfal li llum qed iħabbtu l-bieb biex jidħlu mal-ewwel timijiet nazzjonali.

Rizzo dejjem tgħid li bħala kowċ trid tkun mhux biss edukatriċi iżda ftit minn kollox biex iġġib it-tfal lejk. Għalihom, il-progress ma jiġix b’kumbinazzjoni. “Stroke mechanics kif insejħulu hu kollox. Mingħajru la tista’ tgħum b’mod effettiv u lanqas b’mod effiċjenti. Jien narah bħala l-bażi tas-suċċess.”

Meta tkellimna fuq il-fatt li ħafna mill-għawwiema tagħha kiseru r-rekords li kienet poġġiet hi personalment, tbissem. “Jien irrid li jkomplu jaqbżu lili. Dak ifisser li qed naħdmu tajjeb. L-iżvilupp li ppjanajna qed jagħti frott.”

Minkejja l-progress, Rizzo hija miftuħa dwar l-isfidi li għadha tħoss fl-isport. Skontha, il-pajjiżi l-oħra qed javvanzaw b’rata aktar mgħaġġla, prinċipalment minħabba fondi ħafna aktar sostanzjali u investiment kontinwu.

“Filwaqt li hawn kowċis u għawwiema li qed jagħmlu ħidma eċċezzjonali, jeħtieġ aktar appoġġ u sponsorizzazzjoni. Għawwiema li jilħqu livell għoli għandhom bżonn għajnuna biex jibqgħu jikbru,” tgħid b’enfasi.

Fl-aħħar nett, Rizzo temmen li l-għawm għandu jkompli jittella’ minn dak li bl-Ingliż jissejħu grassroots– mill-iskejjel, mill-għarfien tal-ġenituri, u minn programm li jħajjar lil tfal jibdew kmieni. “Irridu nżidu n-numru ta’ għawwiema kompetittivi. Aktar tfal ifissru aktar talent, u aktar talent ifisser livell ogħla għall-futur.”

Illum, bħala kowċ li għandha impatt dirett fuq għexieren ta’ tfal u adoloxxenti, tibqa’ waħda mill-aktar vuċijiet b’saħħithom fl-iżvilupp tal-għawm f’Malta. B’esperjenza Olimpika, rekord storiku u għexieren ta’ suċċessi taħt id-direzzjoni tagħha, Gail Rizzo mhux biss meqjusa bħala kapitlu fl-isport Malti hi qed tkompli tgħin sabiex tinkiteb l-istorja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport