Friday, December 27, 2024

“Irridu polz li jinċentiva lil dawk li ġenwinament iridu jkomplu jitimgħuna”

Il-President tal-Għaqda Bdiewa Attivi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Jekk nagħmlu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn, il-bdiewa li għandna nżommuhom u jekk ninċentivaw aħjar, jaf inħajru ftit tfal minn tal-bdiewa u raħħala li jeżistu u ftit iktar tfal minn barra s-settur. M’għandniex bżonn numri kbar biex ikollna futur aħjar imma jekk mhux se naqbdu l-barri minn qrunu ta’ warajna se jisħtu d-deċiżjonijiet li ttieħdu fil-passat u li jista’ jkun li għadna qegħdin nieħdu.”

Iddikjara dan il-President tal-Għaqda Bdiewa Attivi Malcolm Borg hekk kif mitlub biex jikkummenta dwar is-sitwazzjoni tal-bdiewa f’pajjiżna. Borg qalilna li fl-aħħar snin, speċjalment bil-liġi tal-qbiela, dawn in-nies raw ċertu deċiżjonijiet favurihom li jinkoraġixxuhom biex ikomplu jaħdmu f’dan is-settur. Fejn tidħol il-liġi tal-qbiela, Borg qalilna li hu personalment minkejja l-interess, id-dedikazzjoni u l-imħabba kollha tiegħu għas-settur, b’mod speċjali minħabba ċertu amministrazzjonijiet preċedenti, qatt f’seba’ mitt sena ma kien jobsor li kienet se ssir realtà. Kompla biex jgħidilna li dawn il-kawżi huma xi ħaġa ta’ kuljum tista’ tgħid fejn ikollu jattendi biex jixhed minħabba kwistjonijiet tal-passat li issa se tkun qiegħda tittaffa l-problema tagħha permezz tal-introduzzjoni tal-liġi l-ġdida.

Ħadd mhu se jkun jista’ jdawwar l-arloġġ lura…

“Madanakollu, filwaqt li nirrikonoxxu l-ħidma li saret favur il-bidwi f’dawn l-aħħar snin, għad għandna sfidi kbar li jekk mhux se nindirizzawhom issa se jkun tard wisq biex ta warajna jdawru l-arloġġ lura”, kompla biex jispjega Borg filwaqt li sostna li l-ikbar problema fis-settur hija li ċertu awtoritajiet li għandhom taħt il-kappa tagħhom deċiżjonijiet kruċjali m’għandhomx il-polz tal-bdiewa. Elabora biex jgħid li bħalma l-isptarijiet jitħallew f’idejn il-Ministeru tas-Saħħa u l-iskejjel f’idejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni, ma jistax ikun iżjed li l-Ministeru tal-Agrikoltura ma jkollux f’idejh ir-responsabbiltà tat-tqassim tar-raba’ f’pajjiż li fih il-gvern għandu nofs din l-istess art.

Bżonn ta’ tqassim aktar ġust tal-art

Huwa tenna li minkejja li dan il-gvern donnu fehem il-karba tan-nies f’dan is-settur li ilhom snin jitkarrbu biex jingħataw xi forma ta’ serħan il-moħħ, għadha teżisti governanza ħażina minħabba l-mod ta’ kif titqassam l-art għadha mhix tipprijoritizza biżżejjed lil dawk li ġenwinament iridu l-aħjar għal pajjiżna fejn jidħol dan is-settur. Sostna li l-awtorità li tkun inkarigata mit-tqassim tal-art għandha taħdem b’tali mod li tinċentiva lil dawk li jridu jaħdmu r-raba’, lil dawk iż-żgħażagħ, iżda mhux biss, li jridu jkabbru l-ispazju tagħhom biex ikabbru l-produttività.

“Għandek raba’ li huwa bħall-ħaruf tas-sagrifiċċju li kulħadd iridu. Minbarra dawn li huma verament ġenwini għandek dawk li jridu r-raba’ biex jipparkjaw il-caravans, dawk li jridu jaħdmu n-nar, dawk li jridu jestendu xi barriera, dawk li jixtiequ xi obstacle race track ġdida, dawk li jriduha biex ikunu jistgħu jmorru joqogħdu hemm għall-kwiet fi tmiem il-ġimgħa u min jaf għal kemm raġunijiet oħra lil hinn mill-veru skop”, kompla biex jgħid Borg filwaqt li bħala pajjiż fuq livell strateġiku qegħdin nisparaw f’saqajna għax għandna bdiewa li nqisuhom bħala ta’ daqs medju li jixtiequ jkabbru l-art agrikola li jaħdmu imma mhux qegħdin isibu sostenn.

Skont il-President tal-għaqda, il-Ministeru tal-Agrikoltura ma tagħmilx sens li jkollu ż-żiemel li huwa biex ngħidu hekk l-art agrikola imma r-riedni jkun f’idejn entitajiet li mhumiex responsabbli minnhom hu. B’dan il-pjan strateġiku sa 20, 30 u 40 sena ilu se jkun tard wisq biex immorru lura minħabba diversi raġunijiet li qed iseħħu anke fi proċess naturali. Spjega li aktar kemm qed jgħaddi ż-żmien, il-bdiewa u r-raħħala lokali qegħdin jikkonsolidaw biex saħansitra jirduppjaw l-ammont ta’ art li jaħdmu jew il-bhejjem li jrabbu.

Is-suċċessjoni tal-art…

Sfida oħra li jeħtieġ tiġi indirizzata hija s-suċċessjoni tal-art, kemm dik agrikola, kif ukoll l-irziezet tagħna biex dawk li jiġu biex iwarrbu minħabba raġunijiet differenti fosthom l-età tal-irtirar jassiguraw li warajhom ikun jista’ jibqa’ għaddej l-istess proċess ta’ produttività. Borg qalilna li jifhem perfettament li hawn ulied li qegħdin jirtu art li fl-aħħar mill-aħħar tirrikjedi responsabbiltà u dedikazzjoni kbira li persuni li ma jkunux fil-mestjier mhux faċli jew hija prattikament impossibbli li jitilqu l-karriera tagħhom biex jiffukaw fuqha. Madanakollu huwa qal li hawnhekk l-awtoritajiet għandhom jaqbdu l-barri minn qrunu u jaslu biex jieħdu deċiżjonijiet ta’ stoffa biex jinċentivaw lil dawn il-persuni biex ikomplu jipproduċu l-ikel minflok jispiċċaw iċedu quddiem il-kilba tal-abbuż minn din l-art li ladarba tiġi żviluppata ħadd mhu se jkun jista’ jdawwar l-arloġġ lura.

X’jistgħu jkunu s-soluzzjonijiet?

Mitlub jagħti soluzzjoni biex dan iseħħ, Borg qalilna li l-gvern jista’ jagħti perjodu ta’ leave lil dawk li ġenwinament lesti jiddedikaw ħinhom biex jamminstraw il-produzzjoni, il-koperattivi jidħlu biex jaħdmu art agrikola u jagħtu sehem lil dawk li lesti jċedu l-art għal kawżi ġenwini fl-interess tas-settur fuq livell nazzjonali u taħriġ ta’ kif l-agrikoltura tista’ tkun waħda low maintanance bħalma huma s-siġar li għalkemm jirrikjedu dedikazzjoni, il-ħin huwa ferm inqas minn dak biex tipproduċi prodotti bħalma huma t-tadam fost ħxejjex oħra.

“Irridu nkunu kreattivi biex dawk li jkollhom ir-riżorsa tagħhom diġà, ninċentivawhom biex ikomplu fuq il-passi ta’ dawk ta’ qabilhom jew tal-inqas isibu kuntratturi li għandhom għal qalbhom l-interess ġenwin tar-raba’ biex din tibqa’ titħaddem u nkomplu nipproduċu iktar ikel li nistgħu niftaħru li huwa tagħna”, temm jgħidilna Borg.

Ekonomija

Sport