Sunday, December 22, 2024

“Irritornajt fl-Ukrajna u żżewwiġt … ħafna ħasbuni qed nitlef rasi”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minkejja it-tifrik u l-ħerba li l-gwerra fl-Ukrajna ikkawżat f’għadd ta’ żoni fl-Ukrajna, il-Malti  li kien jgħix f’Kharkiv u li minħabba l-mod kif kienu żdiedu  l-attakki u l-perikli kellu jaħrab u ġie lejn pajjiżna, fl-aħħar jiem reġa’ irritorna fl-Ukrjana. Martin Ellul Mercer, meta tkellem ma’ talk.mt, waqt li rrimarka d-differenza kbira f’dan il-pajjiż bejn qabel l-invażjoni u issa, jgħidilna li “l-effett tal-gwerra fejn kont ngħix jien jinħass.  Jien issa qed ngħix f’Uzhgorod, li tinsab mal-fruntiera tas-Slovakkja. Ġejt darbtejn hawn. Ġejt f’Lulju u erġajt tlajt f’Awwissu li għadda. Issa qiegħed ngħix hawn. Iżżewwieġt lil Oksana, mara Ukrena. Qegħdin naqsmu residenza ma’ żewġ familji oħra. Anki l-kamra tal-banju qed naqsmuha magħhom. Tojlit żgħir u lanqas sink m’għandna. Il-privatezza li għandna hi limitata. Imma ninsabu kuntenti li qegħdin flimkien. Qegħdin siguri”. 

Ħafna persuni ħasbu li qed nitlef rasi

Quddiem dak li għaddejja minnu l-Ukrajna fejn għadd ta’ żoni kienu litteralment frakassati bl-attakki li saru fuqhom, mhux sorpriża li forsi min jaf lil Martin jistaqsi għaliex reġa’ irritorna. F’kummenti lil dan is-sit, Martin jgħidilna ċar u tond li “bħala fatt naf li hemm ħafna nies li ħasbu li jien tlift rasi li tlaqt mill-ġdid minn Malta u ġejt ngħix hawn fl-Ukrajna meta l-gwerra għadha għaddejja. Jien illum, bħal ħafna Ukreni qed ngħix bħala persuna maħruba mill-post fejn kont ngħix fl-Ukrajna, għax kont ngħix f’Kharkiv u issa qed ngħix f’Uzhgorod. M’għandi ebda dispjaċir li qed ngħix hekk”.

Martin jgħidilna li “nikkonferma li jien iltqajt ma’ għadd ta’ nisa Ukreni fuq il-midja soċjali u iva tieħu iż-żmien sakemm tinduna min huma dawk foloz u liema huma dawk ġenwini.  Jien kont xortija tajba  li fis-sajf tas-sena 2020, jien iltqajt ma’ persuna li offiretli f’Kharkiv.  Dan kien fi żmien meta l-Covid19 kienet fl-aqwa tagħha. Dan il-fatt żammni hawn, nistenna li tasal it-tilqima f’pajjiżna.  Finalment fl-14 ta’ April tas-sena 2021, jien qbadt titjira lejn Kiev u  l-għada kont f’Kharkiv. Din il-belt hi t-tieni l-akbar belt fl-Ukrajna u tinsab madwar 30 kilometru mal-fruntiera Russa.  Kharkiv hi belt mimlija parks, ġonna u bini mibni bi stil sovjetiku. Kharkiv hi belt mimlija kuntrasti. Belt li fiha tispikka l-kalma, l-aktar fil-Ħdud filgħodu meta l-familji joħorġu u jiltaqgħu bejniethom”.

Id-differenza fl-istil u l-kultura laqtuni ħafna

Jiddikjara li “d-differenza kbira fl-istil u fil-kultura ta’ dawn in-nies laqtuni ħafna. Hawnhekk irrealizzat  il-valur veru tal-ħajja. Hawnhekk m’hawnx xtajtiet bir-ramel bħal Malta. Hawnhekk m’hawnx parties bħal kull tmiem il-ġimgħa f’Malta. Hawn ma tarax min ipoġġi ritratti tar-ristoranti lussużi li jkun mar jiekol fihom. Hawnhekk il-ħajja tfisser xogħol, tfisser li tirrispetta l-privatezza ta’ ħaddieħor.  Hawnhekk il-ħajja tfisser tgħix. F’dan il-pajjiż, il-ħajja hi kif se tirrispetta il-qraba tiegħek, b’mod partikolari lill-anzjani, liema anzjani jiddependu fuq il-familjari tagħhom biex ikomplu jgħixu. Il-pensjonijiet hawnhekk rarament jilħqu il-$200 fix-xahar.  Kif qalli ħabib tiegħi li jgħix hawn, “il-ġenituri tagħna tawna l-ħajja, u dawn  jistħoqqilhom ħajja diċenti anke issa li kibru.  Hawnhekk titgħallem tgħix anke meta kollox jidher li hu mitluf. Quddiem it-tifrik u l-frakass li jeżisti f’dan il-pajjiż, xorta hemm it-tama u r-reżiljenza”. 

Li tgħix f’pajjiż fejn diffiċli ssib xi ħadd jaf bl-Ingliż, hi diffiċli

Martin jgħidilna li “l-fatt li tkun tgħix f’pajjiż fejn hu diffiċli li ssib lil xi ħadd li jkun jaf bil-lingwa Ingliża u fejn il-kultura hi totalment differenti hi diffiċli.  Imma l-indafa, is-silenzju fil-postijiet pubbliċi, in-nuqqas ta’ għajat u strobju li aħna imdorrijin bih f’Malta, huma affarijiet li tinnotahom mill-ewwel.  In-nies għall-ewwel iħarsu lejk b’mod suspettuż iżda la darba jaċċettawk, inti tkun ħabib tagħhom għal għomrok kollu. Jibdew iqisuk bħala tal-familja.  Dan hu dak li żammni fl-Ukrajna.  Fl-opinjoni tiegħi, il-Malta li konna nafu, m’hix il-Malta ta’ llum”.

Se nibqa’ ngħix hawn… allavolja esperjenzajt il-gwerra

Bi kliem ċar, Martin jgħid li “se nibqa’ ngħix hawn, minkejja li fl-24 ta’ Frar bdiet l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.  Jien esperjenzajt il-gwerra. Smajt għal diversi jiem is-sireni li jimmarkaw l-attakki bil-missili. Smajt il-ħsejjes u l-isplużjonijiet tar-rokits u l-missili, li ħasdu l-ħajjiet ta’ ħafna.  Għext mument fejn kont inmur biex norqod bil-lejl imma ma kontx naf jekk l-għada hux se nqum ħaj.  Minkejja dan rajt il-ġenerożità tal-Ukreni waqt vjaġġ li jien għamilt biex tlaqt minn Kharkiv lejn Lviv fl-10 ta’ Marzu.  Kien vjaġġ f’ferrovija ippakkjata b’persuni anzjani. Nisa u trabi. Magħhom kienu qegħdin iġorru l-pets tagħhom.  Kien vjaġġ li dam 15-il siegħa. Ma’ kull waqfa, aktar u aktar nies kienu jitilgħu fuq il-ferrovija, f’ikel, ilma u ħrieqi għat-trabi.”

Iżżewwiġt u qed ngħix mal-mara li nħobb

“Irritornajt lejn dan il-pajjiż imkisser bil-gwerra. Gorky Park f’Kharkiv spiċċa attakkat.  Bini governattiv inqered. Skejjel intlaqtu ukoll. L-isptarijiet ukoll kienu vittmi tal-attakki.  Jien irritornajt darbtejn f’Uzhgorod fl-Ukrajna. Ġejt f’Lulju u anke f’Awwissu. Ġejt hawn biex ngħix u niżżewweġ mara Ukrena bl-isem ta’ Oksana.  Qegħdin naqsmu residenza ma’ familji oħra. Qegħdin naqsmu kamra tal-banju magħhom ukoll. Tojlit żgħir għal kulħadd u lanqas sink tal-idejn m’għandna.  Il-privatezza hi limitata ħafna. Qed norqdu tlett persuni f’kamra waħda.  Ninsabu kuntenti għax qegħdin flimkien u siguri”

Itemm jgħidilna li “din hi l-Ukrajna illum. Erba’ miljun u nofs persuna ħarbu mill-pajjiż. Miljuni oħra kellhom jitilqu minn fejn kienu qegħdin jgħixu u marru jgħixu f’żoni oħra fl-Ukrajna bi ftit li xejn tama għall-paċi. Ngħid li intom f’Malta xortikom tajba.  Aħsbu fl-Ukrajna meta tkunu qegħdin tgawdu filgħaxija. Ftakru kemm intom ixxurtjati li qegħdin tgħixu f’post sigur u fejn kollox jintlaħaq fi żmien qasir”. 

Ekonomija

Sport