Wednesday, December 25, 2024

Irrovinata opra tal-arti tal-Immakulta Kunċizzjoni

Aqra wkoll

Pittura tas-seklu 17 hija l-aħħar każ ta’ restawr diżastruż f’sensiela ta’ xogħlijiet ta’ kafkaf li bil-mod il-mod qiegħdin inaqru l-wirt dinji 

Minn CARMEN CACHIA

Pittura Barokka, li l-valur tagħha huwa inestimabbli, ġiet irrovinata wara li sarilha restawr minn persuna mhux kwalifikata biex tagħmel dan it-tip ta’ xogħol delikat. Il-wiċċ tal-Immakulata Kunċizzjoni tal-pittur famuż Bratolome Esteban Murilla hija l-aħħar opra tal-arti li tlifna minħabba xogħol ta’ kafkaf li sar fejn ir-riżultat finali huwa li l-Madonna lanqas biss tingħaraf minn dik oriġinali.

Kollezzjonist privat f’Valencia, fi Spanja, ħallas madwar €1,200 biex jagħmlulu restawr fl-“Immaculate Conception of Los Venerables”. Il-persuna magħżula biex tagħmel dan ix-xogħol kien raġel li x-xogħol tiegħu proprja huwa li jirrestawra l-għamara. Il-ġurnal “Guardian” ħabbar li dan ix-xogħol tant sar ħażin li issa l-pittura ma tingħarafx minn dik li saret erba’ sekli ilu.

Dan ix-xogħol ħażin fuq pitturi storiċi jfakkarna fid-diżastru li sar fuq l-“Ecce Homo” ta’ Garcia Martinez. F’dan il-każ ukoll, wiċċ Kristu tant tpinġa ħażin li ġie deskritt bħala l-“Monkey Christ” u l-persuna li għamlet ix-xogħol kienet Cecilia Gimènez, anzjana li saret famuża mad-dinja kollha wara li qerdet din l-opra tal-arti.

Rabja mill-esperti

Il-pittura “The Immaculate Conception of Los Venerables” tant saritilha ħsara li l-Assoċjazzjoni tar-Restawr u l-Konservazzjoni Professjonali Spanjola talbet lill-Gvern biex jimponi regolari stretti fuq ir-restawr ta’ opri tal-arti bħal dawn.

L-istess rabja u frustrazzjoni nħasset fl-inċident ta’ “Monkey Christ” li ħarġet fl-aħbarijiet tmien snin ilu meta anzjana ta’ 82 sena ppruvat tirrestawra l-pittura ta’ Elìas Garcìa Martìnez, l-“Ecce Homo”, li turi wiċċ sidna Ġesù Kristu waqt il-passjoni. Din il-pittura unika kienet fuq ħajt ta’ knisja f’Borja, fi Spanja.

Attentat ieħor li falla kompletament kien ir-restawr tal-istatwa ta’ San Gorġ u d-Dragun, ukoll fi Spanja. Ir-restawr tant sar ħażin li turisti qalu li l-qaddis ġie jidher qisu pupu tal-playmobile mentri oħrajn iddeskrivewh bħala l-karattru animat ta’ “Tintin”.

“Minn żmien għal żmien iseħħu dawn l-affarijiet u ma jsir xejn biex jitwaqqfu,” sostna Fernando Carrera, professur fi skola ta’ konservazzjoni u restawr tal-wirt kulturali fi Spanja. F’intervista li kellu mal-ġurnal Guardian huwa qal, “ma naħsibx li dan ir-raġel, jew dawn in-nies, għandhom ikunu kkonsidrati bħala restawraturi. Il-verità hija li lanqas jafu jpinġu u minflok jeqirdu dak kollu li jmissu”.

Ħaddiem tal-għamara jagħmel diżastru fuq wiċċ il-Madonna

Fil-fatt rapporti fil-midja qalu li l-persuna responsabbli mir-restawr tal-Verġni Marija kien proprjament jaħdem fl-għamara u mhux fuq dawn it-tip ta’ ġojjelli tal-arti. Ix-xogħol diżastruż li sar fuq wiċċ il-Madonna xxokkja lill-dinja tal-arti u minkejja li saru żewġ attentati biex ix-xbiha terġa’ tidher simili għal dik oriġinali, l-opra spiċċat irrovinata kompletament tant li qisha karattru tal-cartoons.

Dawk kollha li jħobbu l-arti huma ddiżappuntati ferm li xogħol delikat bħal dan qiegħed jingħata lil persuni li mhumiex professjonisti fil-qasam tar-restawr. Marìa Borja, il-viċi president tal-Assoċjazzjoni tar-Restawraturi Professjonali f’Valencia stqarret mal-Europa Press li “ċuċati” bħal dawn isiru aktar ta’ spiss milli ħafna jaħsbu.

“Hemm ħafna sitwazzjonijiet fejn ix-xogħlijiet isiru minn persuni li lanqas ikunu mħarrġa fir-restawr bil-konsegwenza li jagħmlu tibdil u ħsara li wara ma tkunx tista’ tirranġahom,” sostniet Borja. 

Preżentament il-liġi tagħti permess biex kull min irid jagħmel xi tip ta’ restawr, jista’ jagħmel dan anke jekk ma jkunx ikkwalifikat jew jaf ipinġi. Il-Professur Carrera fil-kritika tiegħu staqsa, “timmaġinaw jekk jiġi xi ħadd mit-triq u joperak? Jew inkella xi ħadd ikollu permess jagħtik mediċina mingħajr ma jkollu liċenzja ta’ spiżjar? Jew xi ħadd mhux kwalifikat bħala perit iħalluh itella’ bini?”

Il-Professur Carrera qal li dan is-settur tant importanti għandu bżonn ikun regolamentat b’mod xieraq bil-għan li tkun ikkonservata l-kultura u l-istorja Spanjola. Huwa saħaq li każijiet bħal dawn juru kemm huwa importanti x-xogħol tar-restawraturi professjonisti u li bħala pajjiż, għandhom bżonn jinvestu fil-wirt storiku tagħhom. Carrera qal li qabel mal-awtoritajiet jibdew jiddiskutu l-ispejjeż involuti, dawn għandhom jieħdu ħsieb li n-nies li jidħlu għal dan it-tip ta’ xogħol delikat, ikunu mħarrġa sew f’din is-sengħa.

Maria Borja min-naħa tagħha b’diżappunt kbir qalet li sfortunatament, huma jsiru jafu b’każijiet bħal dawn mill-midja soċjali jew mill-mezzi tax-xandir. Hija qalet li ladarba l-opri tal-arti ssirilhom din it-tip ta’ ħsara, ħafna drabi tant tkun estensiva li jintilef għal kollox l-oriġinal.

Il-Professur Carrera wissa li l-politiċi Spanjoli ma jimpurahomx mill-wirt kulturali tagħhom u ta x’jifhem li l-pajjiż m’għandux il-mezzi finanzjarji biex jissalvagwardja l-opri tal-arti storiċi. Huwa sostna li hemm bżonn li s-soċjetà tiffoka fuq din il-problema u tagħżel rappreżentanti politiċi li jpoġġu l-wirt nazzjonali fuq l-aġenda tagħhom.

Carrera żied jgħid li, “m’hemmx għalfejn dan ikun fl-ewwel post fil-lista tal-prijoritajiet, speċjalment meta wieħed jikkonsidra l-importanza tas-sistema tas-saħħa u l-impjiegi, imma almenu fl-aġenda politika għandu jkun hemm imniżżel li se jieħdu ħsieb l-istorja tagħna”.

Opri oħra mibdula kompletament f’restawr minn dilettanti…

Ix-xogħol ta’ restawr tal-arti jsir biex ikunu ppreservati l-akbar opri fl-istorja umana bil-għan li jkomplu jgawduhom il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Dan ix-xogħol mitikuluż jirrikjedi professjonalità u kapaċità kbira li tidħol fid-dettal tal-artist li għamilhom biex ix-xogħol jibqa’ oriġinali kemm jista’ jkun. 

L-esperti u l-kritiċi ma qablux bejniethom dwar il-kuluri qawwija li saru fuq il-pitturi ta’ Michelangelo fil-Kappella ta’ Sistina f’Ruma bejn l-1980 u l-1994. Iżda dan il-kuntrast ġdid bid-dawl fix-xogħol ta’ Michelangelo m’huwa xejn meta mqabbel ma’ diżastri ta’ restawr oħra li saru fuq għadd ta’ opri tal-arti, statwi u binja madwar id-dinja.

Spanja mhix l-unika pajjiż li tilef pitturi mill-isbaħ minħabba restawr ħażin. F’April li għadda l-istatwa tal-Verġni Marija fil-Polonja tant sarilha xogħol ħażin li residenti f’Masovian Voicodeship qalu li kienu qishom qegħdin jaraw tpinġija tal-iskola. Oħrajn jinkludu:

  • L-istatwa ta’ Santa Barbara fil-kappella ta’ Santa Cruz fil-Brażil;
  • Il-pittura ta’ Leonardo da Vinci – “The Virgin and Child with St Anne” – tal-1503 li tinsab f’Louvre, Pariġi;
  • It-“Tree of Fertility” f’La Fonte dell’Abbondanza, Massa Marittima fl-Italja;
  • L-istatwa tal-Madonna u l-Bambin fil-Knisja Sainte-Anne-des-Pins f’Sudbury, Ontario;
  • Il-wiċċ tal-istatwa ta’ St Anthony of Padua f’Soledad, il-Kolombja;
  • L-istatwa ta’ Buddha f’Anyue, iċ-Ċina;
  • L-affreski Buddisti f’Chaoyang, iċ-Ċina;
  • Il-faċċata tal-piramida ta’ Djoser (2667-2648 Q.K) f’Memphis fl-Eġittu;
  • Il-kastell Ocakli Ada f’Sile, it-Turkija u l-Kastell ta’ Matrera f’Villamartin fi Spajna;
  • Mużajk antik fil-mużew Hatay f’Antakya, it-Turkija:
  • Skulturi storiċi tas-seklu 15 f’Ranadoiro, fi Spanja;
  • Il-Great Wall of China (1381);
  • Il-maskra ta’ Tutankhamun li tinsab fil-mużew Eġizzjan, fil-Kajr; u
  • L-“Orpheus Being Attacked by the Furies” ta’ Leonardo da Vinci li tinsab f’kollezzjoni privata.
Ekonomija

Sport