Tmintax-il sid ta’ negozju rtiraw mandat ta’ inibizzjoni li kienu ressqu kontra s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, minħabba l-kwistjoni li fis-17 ta’ Jannar iddaħħlu restrizzjonijiet ġodda b’rabta mal-imxija tal-Covid-19.
Huma waqqgħu l-mandat ta’ inibizzjoni wara li dalgħodu Prof. Gauci qaltilhom li r-restrizzjonijiet se jkunu qed jitneħħew x-xahar id-dieħel.
Is-sidien kienu talbu lill-qorti biex twaqqaf lill-awtoritajiet milli jimplimentaw miżuri legali, inklużi regolamenti li jkunu jeħtieġu li l-pubbliku jippreżenta ċertifikat validu tat-tilqim qabel ma jkun jista’ jidħol f’ċerti stabbilimenti.
Il-Professur Charmaine Gauci dalgħodu xehdet quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, ippreseduta mill-Imħallef Miriam Hayman.
Hija spjegat li minħabba li l-każijiet tal-Covid-19 kienu qed jiżdiedu, kien meħtieġ li tittieħed azzjoni u jiddaħlu ċertu miżuri fosthom dik li wieħed irid jippreżenta ċ-ċertifikat tal-vaċċin. Żiedet tgħid li hekk kif il-każijiet bdew jonqsu, il-miżuri jistgħu jibdew jiġu rilaxxati.
Kif fil-fatt diġà tħabbar, mis-7 ta’ Frar, l-obbligu tal-vaċċin se jitneħħa għal għadd ta’ stabbilimenti fosthom għar-ristoranti, il-każini u l-isnackbar filwaqt li mill-14 ta’ Frar se jitneħħa għall-bars, iċ-ċinema, gyms, fost oħrajn.
L-Imħallef Hayman staqsiet jekk dan ifissirx li l-pajjiż miexi lura ftit ftit lejn in-normalità. Hawnhekk Prof Gauci rrispondiet li l-awtoritajiet qed jaħdmu bl-għodda li għandhom f’idejhom.