Is-27 Edizzjoni tat-Tour Internazzjonali ta’ Malta ser tinżamm bejn nhar il-Ġimgħa 7 ta’ April u l-Ħadd 9 ta’ April 2023, fejn huwa mistenni numru sabiħ ta’ parteċipanti barranin b’mod partikolari nisa. Matul is-snin dan it-Tour serva ta’ opportunita’ tajba biex iċ-ċiklisti lokali jkunu jistgħu jikkompetu ma’ oħrajn barranin f’pajjiżna stess. B’hekk huma mhux biss jiggwadanjaw minn din l-esperjenza, iżda wkoll dawn ikomplu jtejbu l-livelli tagħhom.
Għal darb’oħra dan it-Tour ser jsir taħt l-awspiċji tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu u din is-sena ser tkun appoġġjata mill-Kunsill Reġjonali tal-Lvant li huwa magħżul bħala ‘Ir-Reġjun Ewropew tal-Isport għas-sena 2023’ minn ACES – European Capitals and Cities of Sport.
Il-Klubbs lokali flimkien ma’ diversi oħra barranin ser ikollhom iċ-ċiklisti tagħhom jikkompetu fl-edizzjoni ta’ din is-sena. Il-maġġoranza tal-klubbs barranin ġejjin minn Franza, Danimarka u Italja. Ma’ dawn ser jieħdu sehem ukoll fuq bażi individwali, ċiklisti barranin minn diversi pajjiżi oħra.
Ta’ min jinnota wkoll li f’din l-edizjoni ser ikollna Commissaires lokali li kwalifikaw mill-Kors organiżżat għall-ewwel darba f’pajjiżna mill-UCI tliet snin ilu.
It-Tour Internazzjonali ta’ Malta 2023 ser jinżamm fuq tliet’ijiem mifruxa hekk: L-ewwel tappa ser tkun tikkonsisti f’Individual Time Trail fuq iċ-ċirkwit ta’ fi Fleur-de-Lys fuq ċirkwit ta’ 2.5km il-kilometru fejn iċ-ċiklisti kollha ser jagħmlu dawriet għal distanza totali ta’ 15 il-kilometru. It-tieni tappa dik tas-Sibt ser tkun tiġrija fuq iċ-ċirkwit ta’ San Martin fejn l-Elite ser jagħmlu 10 dawriet għal distanza ta’ 88 kilometru, filwaqt li n-Nisa u l-Masters ser jagħmlu 6 dawriet għal distanza ta’ 53 kilometru. Il-Ħadd imbagħad tinżamm l-aħħar tappa, tiġrija fuq iċ-ċirkwit tal-Bypass ta’ Ħaż-Żebbuġ fejn l-Elite ser jagħmlu 15 dawriet għal distanza ta’ 63.5 kilometru, filwaqt li n-Nisa u l-Masters ser jagħmlu 12 dawriet għal distanza ta’ 43 kilometru. It-tluq tat-tliet tapep ser ikun fit-8:00 ta’ filgħodu.
Ser ikun hemm tliet kategoriji ta’ ċiklisti jieħdu sehem. Dawn huma tal-Elite u magħhom il-Juniors, tan-Nisa u tal-Masters ta’ ‘l fuq minn 40 sena. Il-Kwartieri Ġenerali tat-Tour ser ikunu l-Palazzin Hotel, l-Qawra fejn ser ikunu alloġjati bosta mit-timijiet barranin. Il-Kumitat Organizzattiv tat-Tour jixtieq jesprimi l-gratitudni tiegħu lil SportMalta, Kumitat Olimpiku Malti, lill-Kunsill Reġjonali tal-Lvant, J. Portelli Projects, Transport Malta, Kunsilli Lokali rispettivi ta’ Birkirkara, San Pawl il-Baħar u Ħaż-Żebbuġ, kif ukoll lill-Aġenzija tas-Sistemi ta’ Infurzar Lokali (LESA), ARRTS Timing System u l-Palazzin Hotel u lill-klubbs parteċipanti kollha għall-appoġġ tagħhom. L-organizzazjoni qed tappella għal koperazzjoni tal-pubbliku f’dak li huwa l-għeluq tat-toroq biex b’hekk dawn l-avvenimenti jkunu jistgħu jsiru fl-aħjar sigurta’ possibli għaċ-ċiklisti. Huma jixtiequ jawguraw kull suċċess liċ-ċiklisti Maltin li ser jieħdu sehem.