Friday, November 15, 2024

Is-6 MPE Maltin jinnominaw b’mod konġunt lil Charmaine Gauci u t-tim tagħha għal premju prestiġjuż Ewropew

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-sitt rappreżentanti ta’ Malta u Għawdex fil-Parlament Ewropew ingħaqdu flimkien biex jinnominaw għall-Premju taċ-Ċittadini Ewropej tal-2020, lill-Professur Charmaine Gauci, it-tim tagħha u l-professjonisti u l-voluntiera kollha tal-kura tas-saħħa li għenu biex jikkoordinaw ir-rispons tas-saħħa pubblika ta’ Malta għall-pandemija COVID-19.

Is-sitt MPE – Miriam Dalli, Roberta Metsola, Alfred Sant, David Casa, Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar – innominaw lill-Professur Gauci u t-tim tagħha bħala rappreżentanti tal-mijiet ta’ ħaddiema tas-saħħa u voluntiera f’Malta u Għawdex.

Il-Professur Gauci hija professur assoċjat fl-Università ta’ Malta. Hija membru tal-forum konsultattiv taċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard, kif ukoll membru tat-tim imwaqqaf mill-President tal-Kummissjoni Ewropea sabiex l-UE tkun tista’ tirrispondi għall-pandemija b’politika kkoordinata. L-impenn tagħha biex tmexxi ‘l quddiem rispons Ewropew għall-pandemiċi u l-kollaborazzjoni fil-kura tas-saħħa għandha influwenza lil hinn minn xtutna.

It-tmexxija tal-Professur Gauci matul l-agħar tal-pandemija flimkien mat-tim tagħha ta’ professjonisti dedikati u tant voluntiera, fissru li Malta u Għawdex setgħu jirreaġixxu għall-pandemija b’effikaċita liema bħala, u allura llimitaw mill-ewwel t-tixrid tal-kontaġju. L-istil ta’ komunikazzjoni miftuħ u sempliċi tagħha kien ifisser li n-nies kienu qed jinżammu infurmati sewwa dwar il-miżuri u dak li għandhom bżonn jagħmlu biex jinżammu siguri.

Il-Professur Gauci u t-tim tagħha huma xhieda tal-valuri Maltin u Ewropej fil-promozzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq ix-xjenza għall-kura tas-saħħa u miżuri oħra immirati biex irażżnu l-kontaġju. Għalhekk, dawn huma rappreżentanti denji tal-ħila Maltija biex tingħeleb il-pandemija u jistħoqqilhom ikunu rikonoxxuti.

Kull sena, il-Parlament Ewropew jirrikonoxxi nies u organizzazzjonijiet li eċċellaw fil-kontribut tagħhom għas-soċjetà. B’appoġġ għall-ħidma mwettqa minn ċittadini Maltin, il-MPE ta’ Malta jimpenjaw ruħhom biex jinnominaw b’mod konġunt ċittadin, proġett jew kawża li jistħoqqilhom. Din is-sena, il-Parlament Ewropew ħeġġeġ in-nominazzjonijiet għal nies li jgħinu matul il-pandemija COVID-19.

Ekonomija

Sport