Is-Centers for Disease Control and Prevention tal-Istati Uniti wissa lill-poplu Amerikan biex jevita li jmur fuq cruises anke jekk ikun imlaqqam kontra l-Covid-19. Is-CDC qal li l-virus jista’ jinfirex b’rata mgħaġġla ħafna fi spazji magħluqin bħal dawk ta’ vapur u b’hekk ir-riskju li wieħed ilaqqat il-virus ikun ħafna ikbar.
Fid-dawl ta’ dan, is-CDC għolliet it-twissija fil-konfront ta’ cruise ships minn livell tlieta għal erbgħa – li huwa l-ogħla wieħed. Dan kollu qiegħed iseħħ hekk kif fil-preżent is-CDC qiegħda tosserva s-sitwazzjoni abbord iktar minn 90 cruise ship fejn passiġġieri ġew infettati bil-Covid-19.
L-aġenzija qalet li minn meta faqqa’ l-varjant Omicron, in-numru ta’ każi identifikati abbord bastimenti żdiedu sostanzjalment. L-istess aġenzija wissiet li dawk il-pazjenti li rċevew il-booster jistgħu wkoll ixerrdu l-virus lil dawk mhux imlaqqma jew biż-żewġ dożi biss u għalhekk għandhom ukoll jevitaw dawn it-tip ta’ vaganzi.