Thursday, December 26, 2024

Is-CPD għamlet l-almu kollu tagħha sabiex issalva l-ħajja ta’ Jean Paul Sofia

Aqra wkoll

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, bin-nies tiegħu, għamel kulma kien possibbli fiċ-ċirkostanzi speċjali li sab ruħu fihom biex isalva l-ħajja ta’ Jean Paul Sofia. Kull imputazzjoni – diretta jew indiretta – ta’ nuqqas ta’ xi xorta lin-nies tal-Protezzjoni Ċivili għandha tkun skartata u eskluża taħt kull regola ta’ ħtija ċivili jew kriminali.

Dan ħareġ mir-rapport tal-inkjesta pubblika dwar l-inċident li seħħ fit-3 ta’ Diċembru 2022 fejn iġġarrfet binja f’Kordin waqt xogħol ta’ kostruzzjoni u ġiet ikkaġunata l-mewt ta’ Jean Paul Sofia, żagħżugħ ta’ 20 sena.

Fir-rapport jingħad li l-Kap tas-CPD ngħata wkoll iċ-ċans li jgħid tiegħu b’libertà sħiħa mingħajr kantunieri. U hekk għamel. Mhux biss xehed imma ppreżenta dokumenti li ngħataw attenzjoni mill-Bord.

Il-Bord li mexxa l-inkjesta qal li kull tagħmir ta’ protezzjoni ċivili adattat għal diżgrazzji estensivi għandu jkun disponibbli dejjem għaliex il-ħajja m’għandhiex prezz. “Però f’ġieħ is-sewwa ma kienx in-nuqqas ta’ tagħmir adattat li seta’ kien il-kawża tal-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Iċ-ċirkostanzi tal-kollass tal-binja kienu mingħajr preċedent u dwar dan il-Bord jagħmel enfasi.”

Il-Bord jgħid li waqt ix-xhieda, id-dettalji ppreżentati mill-Kap tas-CPD kienu “impressjonanti”. Qal li min għandu interess jaħbi xi ħaġa, iġib ruħu diversament. Il-qofol tax-xhieda tiegħu kienet li għalihom Jean Paul Sofia kellu jitqies bħala persuna li għahda ħajja u allura kellhom joperaw il-proċeduri tas-search and rescue.

“Dawk il-proċeduri kellhom ifissru reqqa fl-operazzjonijiet mhux biss għall-persuni involuti fit-tfittxija imma wkoll għal min kien qiegħed ifittex. Il-periklu kien evidenti u reali għal kulħadd, kemm għal min kien inkarigat ifittex u kif ukoll għal min bħal Jean Paul Sofia kien mirdum,” qal il-Bord.
Ġie nnotat kif l-operazzjoni tas-CPD ħadet sigħat twal ħafna mhux biex tiġbor katavru imma biex issalva persuna. Dak ma jfissirx li xi ħadd naqas anke fl-assenza tal-apparat u tagħmir kollu disponibbli. Il-Bord għandu konfort sabiex jiddikjara li s-CPD għamlet l-almu kollu tagħha sabiex issalva l-ħajja ta’ Jean Paul Sofia.

Ekonomija

Sport