Thursday, July 3, 2025

‘Is-sabiħ taċ-ċikliżmu hu li dejjem tkun aħjar milli kont ilbieraħ’ – Joseph Camilleri

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn iċ-ċikliżmu?

Qatt ma ninsa dik il-ġurnata, meta bħala rigal għall-Ewwel Tqarbina, irċevejt rota mingħand il-ġenituri tiegħi.

Kien żmien, meta t-toroq tagħna ma kinux b’ daqshekk vetturi bħal-lum u stajna ngħaddu ħafna ħin nipprattikaw iċ-ċikliżmu.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Bejn it-23 u l-24 ta’ Mejju li għadda, ħadt sehem f’Cycling Tour ta’ jumejn fi Sqallija mal-Emergency Fire and Rescue Unit (EFRU). Agħtina iktar dettalji. 

Jien aktar inqis ruħi li nipprattika ċ-ċikliżmu bħala sport rikreattiv. Diversi drabi ħadt sehem f’cycling tours li jlaqqgħuni ma’ ċiklisti oħra. Bosta minhhom ikunu veterani u oħrajn li ma jkunux ilhom li bdew jipprattikaw dan l-isport. Kollha jaqsmu l-istess entużjażmu.

F’Mejju li għadda, ipparteċipajt mal-EFRU, f’jumejn ta’ ċikliżmu fi Sqallija, fejn bdejna minn Pozzallo u tlajna lejn Catania. Kienet distanza ta’ kważi 145 kilometru. It-tlajja ma naqsux u kienet ta’ sfida li ma niltaqgħux bħala f’Malta.

L-għada, bdejna t-triq lura lejn Pozzallo, u dorna man-naħa tal-kosta, fuq distanza ta’ 155 kilometru.

Wieħed ta’ min isemmi, ix-xeni tal-kampanja u x-xtajtiet sbieħ u kwieti li rajna.

Għalkemm kien avveniment li fih trid tlaħħaq mal-ħin, wieħed irid iżomm quddiem għajnejh, li din mhix kompetizzjoni kontra persuni oħra, imma kompetizzjoni miegħek innifsek, biex timxi ‘l quddiem u ttejjeb lilek innifsek.

Fuq kollox, kienet esperjenza li bl-isport li tant inħobbu, inkunu qed noffru sapport lill-għaqdiet volontarji, bħall- EFRU, biex jiġbru fondi għall-iskop nobbli tagħhom. Minn hawn nixtieq nirringrazzjahom bis-sħiħ tas-sapport u x-xogħol imprezzabli li jagħmlu.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?

Bħala ċikliżmu, ilni dawn l-aħħar 14-il sena nipprattika dan l-isport.

Minkejja li hawn diversi tipi ta’ ċikliżmu, jien aktar infittex it-tip ta’ Cross Country (XC). Dan l-isport iġibek aktar qrib tan-natura, qalb l-għelieqi u l-kampanja; fosthom kompetizzjonijiet fil-Park tal-Majjistral u dawk tal-Miżieb.

Naspira li xi darba nkun nista’ nipparteċipa barra mill-pajjiż f’kompetizzjonijiet bħall-HERO (Sud Tirol) jew Etna Marathon.

Kif tqis il-livell taċ-ċikliżmu f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell taċ-ċikliżmu f’pajjiżna mexa ‘l quddiem ħafna u fadallu aktar fejn jiżvilluppa. Dan kollu jidher mir-riżultati li bosta ċiklisti kisbu f’kompetizzjonijiet f’Malta u anke f’pajjiżi oħra.

Dan jgħodd kemm fejn jipparteċipaw road bikes u anke mountain bikes.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Tapprezza meta tara tfal u żgħażagħ jitħarrġu u jieħdu sehem fiċ-ċikliżmu.

Sfortunatament, dawn jispiċċaw jipprattikaw f’xi parkeġġ li ma tantx jintuża, bħal Ta’ Qali, jew Ħal-Far.

Jiddispjaċini ħafna, meta jkun hemm kompetizzjonijiet li jkollhom bżonn jingħalqu xi toroq, bħal Triq il-Kosta, Baħar iċ-Ċagħaq.

Tara kummenti fuq mezzi socjali li jikkritikaw dawn l-attivitajjiet, għax skont huma ‘joħolqu inkonvenjent għal min juża t-toroq’.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fiċ-ċikliżmu?

Kif għidt aktar qabel, is-sabiħ taċ-ċikliżmu hu li dejjem tkun aħjar milli kont ilbieraħ.

Naspira li jkolli opportunitá li nipparteċipa f’attivitajjiet ta’ livell għoli fejn intejjeb il-ħiliet li għandi u nkun espost għal esperjenzi ġodda.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika ċ-ċikliżmu.

Iċ-ċikliżmu, bħall-isport l-ieħor, jagħtik benefiċċji kemm fiżiċi u anke mentali. Hu mezz fejn wieħed jiltaqa’ ma’ ħbieb u jservi biex wieħed jirrilassa mill-għaġla li kultant il-ħajja ta’ kuljum, tpoġġina fiha.

F’pajjiżna jeżistu bosta gruppi ta’ ċiklisti li jipprattikaw dan l-isport u tkun ħaġa sabiħa li ssib ħbieb li għandhom interess bħalek u tingħaqad magħhom.

Ta’ min isemmi l-importanza li wieħed jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji, bħall-użu tal-helmet, juza dwal filgħodu jew filgħaxija, u josserva r-regoli tat-toroq. B’hekk ikollna garanzija li nnaqqsu l-inċidenti mit-toroq tagħna!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport