Monday, May 19, 2025

“Is-saċerdozju huwa għotja, don u misteru”- Fr Matthew Sammut

Aqra wkoll

Fost il-ħafna vokazzjonijiet li persuni differenti jistgħu jħossu li huma msejħa għaliha hi dik tal-ordinazzjoni saċerdotali, meta wieħed jiddeċiedi li jagħti s-servizz bħala qassis jew patri fil-Knisja Kattolika. Hija sejħa speċjali minn Alla biex persuna tiddedika ħajjitha b’mod sħiħ għas-servizz ta’ Alla u tal-poplu Nirsani kollu. Il-vokazzjoni tas-saċerdot mhijiex sempliċi professjoni, iżda stil ta’ ħajja li titlob imħabba profonda lejn Alla, fidi soda, u li tkun lest li tagħti kollox għal ħaddieħor, b’imħabba li biha kien ukoll iħobb Kristu.

Permezz tal-ordinazzjoni, raġel jingħata s-setgħa u r-responsabbiltà li jmexxi l-komunità Nisranija, joffri s-sagramenti, bħalma huma l-Ewkaristija, is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u s-sagrament tal-Griżma tal-Isqof u tal-morda, u fuq kollox ixandar il-Kelma ta’ Allal ill-oħrajn. Is-saċerdot huwa għalhekk mexxej spiritwali li jakkumpanja lin-nies fil-vjaġġ tagħhom tal-fidi.

Dan il-proċess tal-ordinazzjoni ma jiġrix f’daqqa għax jinvolvi snin ta’ formazzjoni fil-ħajja spiritwali, akkademika, u pastorali. Tul dan iż-żmien, il-persuna titgħallem tgħix fil-virtù, issir aktar bħal Kristu, u tiskopri aktar fil-fond is-sejħa tiegħu. Iżda għalkemm huwa kemxejn vjaġġ twil, f’Malta din is-sena kellna x-xorti ngħidu li kellna tliet ordinazzjoni saċerdotali oħra, u għaldaqstant nifirħu lil Fr Johann Bugeja SDB, lil Fr Matthew Sammut u lil Fr Shawn Wong, li kellhom l-ordinazzjoni tagħhom bħala saċerdoti ġodda s-Sibt li għadda fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Iltqajna ma’ Fr Matthew Sammut dwar l-ordinazzjoni tiegħu li qalilna li “kienu mumenti straordinarji, l-ordinazzjoni fil-bidu tal-formazzjoni bħal donnha tkun għadha ’l bogħod ħafna, u f’daqqa waħda ssibha ma’ wiċċek, imma huwa mument straordinaru u sabiħ, fejn tħoss il-knisja qed titlob miegħek, u għalik. Imbagħad jiena ridt li nibda l-ministeru tiegħu mill-ewwel, u kif lestejt l-ordinazzjoni ġejt mill-ewwel il-Parroċċa u bdejt namministra s-sagrament tal-Qrar.”

Fr Matthew ġie assenjat fil-parroċċa tal-Mosta, u bħalissa qiegħed jgħix ma’ żewġ saċerdoti oħra fid-dar parrokkjali, għalkemm huwa minn Pembroke. Iżda kif Fr Matthew kienet ġietu din il-ħajra għas-saċerdozju? Staqsejna dan lilu u spjega kif bdiet din is-sejħa għal vokazzjoni, u qal li “fil-bidu, l-ewwel reazzjoni tiegħi kienet li le, żgur li le, niftakar meta kelli madwar 12-il sena, u minkejja li kont żgħir qisu mill-bidu kien hemm reżistenza, u l-Mulej tani l-grazzja li sa ma kelli 18-il sena, il-qalb tiegħi kienet verament libera biex nilqa’ din is-sejħa.”

Huwa għamel seba’ snin is-Seminarju sakemm issir il-formazzjoni tiegħu, li hu spjega li matulha hemm “erba’ pilastri li hi msejsa l-formazzjoni; għandek il-pastorali, l-intellettwali, l-ispiritwali u l-uman. Imma jiena nħoss li l-aktar ħaġa li tifforma flimkien ma’ dawn, hija l-preżenza tan-nies fil-mixja tiegħek. Jista’ jkunu s-seminaristi l-oħrajn, nies li naħdmu u niltaqgħu magħhom fil-parroċċi u fl-istituzzjonijiet. Huma n-nies li jagħmluk qassis.”

Forsi wieħed jgħid li llum il-ġurnata, ladarba naqqsu l-vokazzjonijiet, Alla m’għadux isejjaħ daqs qabel għall-ħajja tas-saċerdozju, jew jista’ jkun ukoll li tant hawn ilħna differenti li jistgħu jtellfu lil wieħed li mqar ikolli din is-sejħa, jinjoraha jew saħansitra jkun aljenat għalkollox, jew jibżgħu li jirċievu din is-sejħa. Fr Matthew qal li “Alla għadu jsejjaħ, tant li Ġesù nnifsu qalilna li Hu mhu ser iħallina waħedna qatt, u l-preżenza tas-saċerdot fil-knisja u anke fis-soċjetà hija attwalizazzjoni ta’ din il-kelma ta’ Ġesù.” Kompla jispjega għala m’għadx għadu jkun hemm numru kbir ta’ vokazzjonijiet u qalilna li rigward dan hemm żewġ spjegazzjonijiet, fosthom li “l-familji ċkienu, u għalhekk in kwantu ta’ tfal, għandha fattur demografiku, imma wkoll li bħala soċjetà sirna pjuttost materjalisti u konsumeristi, u allura l-idea li tagħti ħajtek, imqar fiż-żwieġ, ukoll mhijiex xi ħaġa li tattratta.”

Li wieħed ikun imsejjaħ għall-ħajja saċerdotali jitlob impenn sħiħ, impenn li għandu jkun imsejjes fuq il-ħajja u l-valuri ta’ Kristu, Kristu li għal Fr Matthew, kif ifakkru Dun Victor Vella, Għawdxi mir-Rabat, hu bħala qassis huwa wkoll primarjament dixxiplu, u għalhekk Ġesù huwa “dak li rrid nimxi warajh, dak li minnu nitgħallem, u jiena qassis minħabba fiH, il-mument li Ġesù ma jibqax ikun is-sors u l-milja tas-sejħa tiegħi, huwa l-mument li nibda niżgarra.”

Naturalment lajk li huwa msejjaħ għall-ħajja miżżewġa jew biex jibqa’ waħdu xorta waħda jista’ jagħmel ħafna ġid fis-soċjetà, iżda skont Fr Matthew “il-knisja mbierka minn ħafna vokazzjonijiet, hija tinbena permezz tas-sagramenti, is-saċerdożju li jsaħħaħ il-ħajja tal-knisja u ż-żwieġ li jsaħħaħ il-ħajja spiritwali u li jaħdmu għat-tkattir tal-poplu Nisrani f’din l-art. Mhijiex waħda kontra l-oħra, li tkun qassis aħjar milli tiżżewweġ, imma hija li tisma’ fil-fond tal-qalb tiegħek is-sejħa li inti msejjaħ għaliha; li tilqa’ mingħand Alla l-ġid li jixtieq għal ħajtek.”

Għalhekk iż-żewġ sejħiet huma relevanti, u tkellimna ma’ Fr Matthew li minkejja l-fatt li s-saċerdot ikkumparat ma’ qabel kien jidher aktar bħala l-qofol, iżda r-rwol tas-saċerdot fis-soċjetà tal-lum huwa importanti u importanti wkoll li joħroġ ’il barra mis-sagristija, u skont Fr Matthew “is-saċerdot għadu punt ta’ riferiment għal ħafna nies, kemm nies li jemmnu fi Kristu, u anke għal dawk li ma jemmnux, huwa persuna ta’ fiduċja. Matul is-sena tad-djakonat u matul dawn l-aħħar 24 siegħa bqajt immeraviljat kemm lilna l-membri tal-Kleru l-poplu għadu jafdana, kemm jaqsam magħna esperjenzi personali u intimi, u jagħmluha għax jafdaw u għax jafu li l-qassis jista’ jagħtihom kelma ta’ ġid u jista’ jurihom ukoll is-sbuħija tal-preżenza ta’ Alla f’ħajjithom u dan b’mod speċjali fil-mumenti l-aktar diffiċli ta’ ħajjithom, f’mumenti ta’ inċertezza, u li ma jkunux faċli.”

Skont Papa Ġwanni Pawlu II, iċ-ċelibat huwa don u misteru, u Fr Matthew qal li “m’hemmx deskrizzjoni isbaħ minn din, għax verament huwa don u misteru. Huwa don li Alla jsejħilna biex inkunu kompletament tiegħu, u huwa don għall-poplu tiegħu; qabel l-ewwel sena kont assenjat maż-ŻAK, u kelli esperjenza ta’ Youth Exchange, u fosthom kien hemm grupp Rumeni ta’ Rit Orjentali, li wieħed ġab anke lit-tfajla tiegħu, u dawn iż-żgħażagħ apprezzaw il-fatt li saċerdot Latin huwa ċelebi u mogħti fl-imħabba lilhom, rawh bħala don speċjali għalihom.”

Ladarba qed insemmu ż-żgħażagħ, forsi hawn l-idea li ż-żgħażagħ huma bogħod mill-knisja, u tkellimna dwar din it-tfittxija li jista’ jkun hemm minn ċertu żgħażagħ, u Fr Matthew jemmen li “hemm żgħażagħ li qed ifittxu, u dejjem nisħaq li meta tistieden lil xi ħadd biex jipparteċipa fil-ħajja tal-Knisja, il-Knisja ma tibqax xi ħaġa ’l barra mill-ħajja taż-żagħżugħ jew żagħżugħa, imma ssir parti minnhom, issir parti mill-ħajja tagħhom li ġġibilhom ħafna ferħ.”

Bħalissa l-Knisja qed tiċċelebra l-ġublew tat-Tama, u kellna wkoll ħatra ta’ Papa ġdid, li għal Fr Matthew “il-knisja hija dejjem f’kontinwità, f’elfejn sena dejjem kien hemm modi differenti ta’ kif taqra s-sinjali taż-żminijiet, imma dejjem hija l-istess Knisja, dejjem hemm l-istess Spirtu Qaddis imexxiha, jiġifieri, filwaqt li ż-żminijiet jitolbu li jkun hemm qari mill-ġdid kif se tkun il-Knisja, hija Knisja f’kontinwità, il-Knisja li beda Kristu.”

Fr Matthew għalaq din l-intervista b’messaġġ għal dawk iż-żgħażagħ li għandhom din is-sejħa, imma forsi qed jibżgħu jirrispondu għaliha u qal li hu jista’ jixhed li “s-saċerdożju huwa sabiħ, huwa għotja, huwa don u misteru, huwa don lil Alla primarjament, imma wkoll għall-Knisja tiegħu, u hawn ħafna nies li għadhom grati għal dan id-don, jiena nħeġġeġ liż-żgħażagħ jew tfal li għadhom qed jaħsbuha, jew li fil-fond ta’ qalbhom qed iħossu din is-sejħa biex ma jibżgħux jgħidu iva, għaliex hemm poplu li huwa ħerqan biex jilqagħhom.”

Għalhekk, għalkemm fid-dinja tal-lum, il-vokazzjoni saċerdotali jaf tidher għal ħafna bħala sfida, iżda hija wkoll barka kbira, barka li matulha s-saċerdoti huma mistiedna jkunu xhieda ħajjin tal-imħabba t’Alla f’dinja li ħafna drabi mhux dejjem qed tagħti l-importanza mistħoqqa lil Alla. Hija sejħa għal ħajja ta’ qadi, umiltà u ħniena, ħidma li qed tagħmel ħafna ġid u tressaq aktar nies lejn Alla, ħidma li trid tixbaħ il-ħajja ta’ Kristu, mibnija fuq l-eżempju tiegħu ta’ kif kien iġib ruħu mal-oħrajn, dawk emarġinati, morda, foqra, imħabba li tinkludi lil kulħadd, u fuq kollox l-imħabba li biha jħobb Alla bla kundizzjoni, imħabba bla limiti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport