Saturday, December 14, 2024

IS-SAFAR F’DINJA TEKNOLOĠIKA … AĦJAR JEW AGĦAR?

Aqra wkoll

Spiċċaw l-iskejjel, bdiet is-sħana u magħhom ma jistax jonqos li bdew il-vaganzi b’uħud ikun ilhom ippjanati x-xhur u oħrajn li jaqbdu u jiddeċiedu li ħaqqhom bżonn dawk l-erbat ijiem mistrieħ.

Meta tqabbel dak li kien jiġri 20, 30 jew 40 sena ilu mal-lum tkun tista’ toħloq paragun tal-miżien żbilanċjat ta’ vantaġġi u żvantaġġi tal-lum il-ġurnata meta mqabbel mal-imgħoddi. Huwa minnu li f’dinja moderna fejn it-teknoloġija għamlet avvanzi bla qies, xejn mhu diffiċli fejn bit-telefon ċellulari llum dak li jkun jista’ jagħmel affarijiet li sa ftit tas-snin ilu kienu bħal ħolma.

Illum b’erba’ għafsiet fuq il-mobile dak li jkun jista’ jsib id-direzzjoni ta’ fejn sejjer, postijiet li jkun qiegħed ifittex skont l-eżiġenza tal-mument fejn fost l-oħrajn b’apps apposta tista’ tkun taf liema huma l-iktar postijiet rinomati u fl-istess waqt suġġeriti minn persuni li jkunu marru qabel.

Barra minn hekk jeżistu wkoll servizzi finanzjarji online fejn dak li jkun mhux biss jista’ jħallas bil-mobile, iżda jista’ wkoll jagħmel trasferimenti minn fuq kontijiet u anke saħansitra jagħmel skambju ta’ flus skont il-munita tal-pajjiż f’tebqa t’għajn, xi ħaġa li sa ftit tas-snin ilu kienet tinħtieġ li tmur il-bank, tagħmel l-ordni, tistenna xi jiem u terġa’ tmur tiġbor flusek.

Qed ngħixu f’dinja moderna fejn dak li jkun ixerred ritratti mal-ħbieb tiegħu fuq Facebook fost pjattaformi oħra fejn l-ebda pajjiż ma sar ’il bogħod u anke minħabba l-istint tal-bniedem bħal donnu l-istess ritratti nemmnu li huma l-aqwa reklam biex dawk li jiltaqgħu magħhom huma u jqellbu jitħajru biex iżuru l-post.

Imma qalb din id-dinja mpenġija qisha pittura li titpaxxa tħares lejha jinkwetana l-fatt li llum ħafna huma mehdija jfittxu li jmorru postijiet li xi drabi sfortunatament lanqas ikunu jifilħu jħallsu għalihom imma jkunu lesti li jissellfu biex ikunu bħal ħaddieħor.

Mhux biss, sirna ngħixu f’dinja fejn il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna kapaċi japprezzaw il-mument filwaqt li l-ġenerazzjoni l-ġdida faċli taraha tintilef tiġbed rikordji fosthom ritratti u filmati u ħafna drabi qalb l-aljenazzjoni ta’ dan kollu titlef l-opportunità li tgawdi l-veru mument daqslikieku ma kinitx hemm u jkollha tqalleb qalb dawk l-istess viżwali biex taprezza x’kien hemm quddiem għajnejha sa ftit ħin qabel.

Nemmnu li l-interpretazzjoni tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ xi ħaġa bħal din fiha x’tixtarr sewwa u li se ssib persuni differenti li jinterpretaw il-verżjoni tagħhom bħala l-favorita. Se ssib persuni mdaħħlin fiż-żmien li jgħidulek li bi ftit sagrufiċċju jew iktar impenn kienu jirranġaw fuq affarijiet li solviet it-teknoloġija imma li fl-opinjoni tagħhom kienu jafu jgawdu l-mument ħafna iktar mil-lum.

Madanakollu se ssib oħrajn li f’dinja teknoloġikament avvanzata jgħidulek li lanqas jimmaġinawhom isiefru mingħajr il-mobile li llum bih bażikament tista’ tagħmel kollox u saħansitra żżomm id-dokumenti kollha tal-ivjaġġar.

Ekonomija

Sport