Tuesday, February 10, 2026

IS-SAGA TAL-ISQOF TEUMA … Għandu raġun jew le? U min għandu raġun?

Aqra wkoll

Mingħajr ma nidħol f’polemika bejn dawk favur jew kontra, xtaqt nesprimi l-preokkupazzjoni tiegħi dwar il-kummenti li qiegħed naqra.
Kummenti validissimi w oħrajn li ma nafx jekk għandix nidħaq jew nibki (biex ma nsemmix ukoll l-attakki personali li saru fuq l-Isqof Teuma).

Mingħajr ma ndur mal-lewża, naqbel li t-trobbija tat-tfal taħt is-sentejn għandha tkun esklussivament f’idejn il-ġenituri. IŻDA llum dan huwa possibbli?
Ħafna mill-ġenituri (inkluż magħhom jien) biex ikollna saqaf fuq rasna kellna nidħlu f’dejn sakemm nilħqu s-sena tal-irtirar tagħna (jekk ngħixuhom).

Dan id-dejn wassal biex bosta koppji ġenwinament ma kellhomx għażla oħra ħlief li t-tnejn li huma kellhom joħorġu jaħdmu biex almenu jħaffu jew itaffu minn dawn is-snin li ntrabtu biex jaqtgħu djunhom.
Issa nistħajjilkom tistaqsuni…. It-tort ta’ min?
Tal-ħmar li jwaħħal f’denbu? Tal-prezzijiet biex tixtri l-art? Tal-kuntrattur?
Tal-iżviluppatur?
Tal-prezzijiet esaġerati biex tixtri dar?
Ta’ min?
Diffiċli nwieġeb jien għax mhinix f’dan il-qasam.

Skemi w għajnuniet hawn iżda huma biżżejjed?
Dwar l-ippjanar bil-għaqal biex koppja ġġib tarbija fid-dinja mhinix ser nikkummenta għaliex inħoss li kull kopja għandha r-raġunijiet tagħha. S’hemm naqblu?

Mistoqsija li ilha tberren f’moħħi (ħafna qabel ma xxandret silta mid-diskors tal-Isqof Teuma fuq il-mezzi soċjali) hi : Jistgħu il-banek iwaqqfu s-self jew joħolqu xi tip t’għajnuna fl-ewwel sentejn li koppja jkollha tarbija? Għandhom jagħtuha dan iċ-ċans?

Din il-mistoqsija teħtieġ tweġiba konkreta biex b’hekk, kemm l-omm jew il-missier ikunu jistgħu / ikollhom il-kustodju assolut u diċenti tat-tarbija tagħhom mingħajr skossi u b’mod sħiħ. Dan għax IVA nemmen li t-tarbija teħtieġ tikber fil-pedament u fil-benniena tal-ġenitur tagħha u MHUX tan-nanniet jew ta’ xi ndividwi oħra.

U hawn nixtieq li l-Isqof Teuma (jekk dejjem possibbli) jinterċedi biex dan is-suġġeriment jew xi miżura oħra imqar jaslu f’wieħed mill-banek lokali (forsi primarjament dak tal-knisja) biex jgħinu l-koppji ħalli l-ewwel sentejn tat-trobbija tat-tarbija tagħhom jipprovduh fi djarhom stess, fid-dar naturali tat-tarbija fuq kollox.

Ħsieb ieħor li jinkwetani (u li ma nistax naħbih taħt it-tapit) hu li hawn koppji li jridu jdoqqu w jiżfnu fl-istess ħin. Iridu jimlew djarhom (anke biex ikunu aħjar minn ħaddieħor) waqt li fl-istess ħin ikollhom tarbija. Jeżistu wkoll koppji li ma jafux jikkontrollaw jew ma jafux irażżnu l-infiq tagħhom. L-istess, bla ma nidħol fl-għażliet personali tagħhom nistedinhom jagħmlu għażliet tajba biex b’hekk l-ewwel preferenza taqa’ fuq dak li huwa l-aktar importanti. U x’hinu l-importanti? Il-lussu fid-dar jew it-tfal li jimlew id-dar?

Waqt li niskuża ruħi għax ktibt fit-tul, intenni li dawn huma BISS ħsibijiet foqra tiegħi li ilhom jinħmew fil-garigori ta’ moħħi w li issa għax bħal donnhom qajmu l-irwiefen u qanqlu l-opinjonijiet ta’ bosta ħassejt li hu ż-żmien opportun li nesprimihom magħkom. Għalhekk b’responsabbiltà f’dak li nikteb, inħoss li m’għandi nagħti tort lil ħadd, għax ĦADD mhu fiż-żarbuna ta’ ħadd u nemmen ukoll li kull individwu għandu r-raġunijiet tiegħu/tagħha.

Ċertament li dan huwa suġġett sensittiv ĦAFNA li jiftaħ il-feriti, li jaqta’ miż-żewġ naħat u li l-lum qabel għada jeħtieġ li jiġi ndirizzat biex tinsab soluzzjoni konkreta w fattibbli għalih. Soluzzjoni MHUX mibnija bit-tgħajjir lejn min ma jaqbilx mal-opinjoni ta’ dak jew tal-ieħor jew ta’ dik jew tal-oħra.

SOLIDARJETÀ ma’ kulħadd, mal-Isqof Teuma, miegħek u miegħi għax l-Isqof Teuma għandu raġun, int għandek raġun, jien għandi raġun IŻDA s-sistema le m’għandhiex raġun.

Lanqas m’għandhom ragun dawk li bnew l-argumenti tagħhom fuq klipp qasir mingħajr ma semgħu l-omelija sħiħa. Marda fina l-Maltin li ma tfieq qatt.
Dik hi l-istorja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport