Sunday, November 24, 2024

Is-Saħħa l-ewwel u qabel kollox

Aqra wkoll

Mhux l-ewwel darba li f’ħajjitna nsibu diffikultà biex nieħdu ċertu deċiżjonijiet biex nimxu ’l quddiem minħabba, li b’xi mod jew ieħor, l-istess deċiżjonijiet ikunu jġorru magħhom konsegwenzi li ma jkunx possibbli li jiġu evitati.

Fl-aħħar jiem wara laqgħa kordjali li saret bejn il-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Profs. Charmaine Gauci, flimkien ma’ rappreżentanza mill-Kurja tal-Arċisqof u l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda kien diskuss kif jistgħu jiġu ċċelebrati din is-sena, attivitajiet reliġjużi esterni u l-festi esterni fl-ibliet u l-irħula.

Id-deċiżjoni kienet li jekk il-każi tal-Covid jibqgħu taħt kontroll, il-festi jistgħu jiġu ċċelebrati minn April li ġej.

Ċertament li din kienet deċiżjoni li tat ċertu tama u mliet b’kuraġġ lil dawk il-mijiet ta’ voluntiera li ta’ kull sena kienu mdorrijin joħorġu minn bwiethom flejjes kbar u jiddedikaw sigħat twal għal ftit jiem ta’ ċelebrazzjonijiet.

Minn naħa l-oħra kellek dawk li għalihom din id-deċiżjoni, li ma nistgħux nneħħu minnha l-mertu ta’ pożittività lejn il-ħajja normali li konna mdorrijin ngħixu qabel l-ewwel każi tal-imxija, kienet tfisser li se jispiċċaw sena oħra weqfin minn dak li tant għandhom għal qalbhom. Festi bħal San Ġużepp, San Pawl, San Pupulju u oħrajn li se jaħbtu qabel is-sajf bħal donnhom spiċċaw barra.

Meta wieħed jagħrbel d-deċiżjoni li ttieħdet rigward “jekk il-każi jkunu taħt kontroll”, bl-awtoritajiet tas-saħħa jħabbru fl-aġġornamenti ta’ kuljum, tnaqqis fil-każi jum wara l-ieħor, id-domanda ta’ dawn in-nies tiġi waħidha. Għaliex aħna?

Ħadd aktar minnhom ma jista’ jitkellem dwar l-attivitajiet li jinvolvu tali ċelebrazzjonijiet, u ċerti li b’aktar diskussjonijiet jista’ jintlaħaq qbil aktar ġust li jinkludihom fil-kalendarju ta’ din is-sena wkoll.

Fost suġġerimenti oħra, dawn in-nies mhumiex jitolbu l-impossibbli. Li jingħataw permess għall-purċissjoni setgħet isservi ta’ mera għal meta niġu għar-rilaxx tal-miżuri skont kif imbassar għal April. Kienet tkun deċiżjoni li twassalna fuq il-parti ta’ fuq tas-sellum billi nitilgħu skaluni aktar baxxi li jagħmluhielna aktar faċli biex inkomplu telgħin ‘l fuq.

Minkejja dan kollu, il-poplu ma jistax jonqos mill-gratitudni li għandu jkollu lejn l-awtoritajiet li għalkemm jixtiequ li nirritornaw kemm jista’ jkun malajr għall-ħajja normali, ma jistgħux jieħdu ċertu deċiżjonijiet mingħajr ma jħarsu lil dawk l-aktar vulnerabbli.

Tajjeb li bħala poplu napprezzaw li mhijiex faċli li tieħu deċiżjonijiet fl-aħjar interess komuni mingħajr ma taffettwa assolutament lil ħadd. Fl-aħħar nett, li hu żgur huwa li minkejja reazzjonijiet varji dwar is-suġġett, kulħadd jasal jaqbel dwar il-fatt li lil hinn minn kull deċiżjoni, il-prinċipju fundamentali huwa li s-saħħa tiġi l-ewwel u qabel kollox.

Sport