Thursday, October 30, 2025

IS-SAĦĦA MENTALI … F’HIEX NINSABU?

Aqra wkoll

Fis-snin riċenti, is-saħħa mentali bdiet tissemma’ aktar minn qatt qabel f’pajjiżna. Dan ġara x’aktarx minħabba li beda jingħata aktar għarfien lil din il-problema li sa xi snin ilu kienet meqjusa bħala stigma fuq min kien ibati biha. Fortunatament illum kemm il-Gvern u anke għaqdiet mhux governattivi qed jagħtu l-għajnuna kollha lil dawk il-persuni li b’xi mod jew ieħor qed jgħaddu minn diffikultajiet ta’ saħħa mentali. 

Dan is-suġġett, li huwa wieħed delikat ħafna u li jolqot faxex differenti tas-soċjetà Maltija, ingħata wkoll prominenza fil-Budget għas-sena d-dieħla, fejn mistenni li tissokta l-ħidma f’dan il-qasam. Dan se jsir permezz ta’ inizjattivi u aċċessibilità għall-kura filwaqt li jnaqqsu l-istigma assoċjata mas-saħħa mentali. 

F’konformità mal-ispinta internazzjonali biex il-kura tas-saħħa mentali tinbidel minn mudell istituzzjonali għal wieħed ibbażat fuq il-kura fil-komunità, se jsir titjib fis-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali fuq livell komunitarju. Fl-2026, se jinfetħu tliet Ċentri Reġjonali tas-Saħħa Mentali ġodda f’Bormla, kif ukoll fir-Reġjuni Ċentrali u tat-Tramuntana ta’ Malta. 

Minbarra li joffru ambjent aktar pjaċevoli u sigur, iċ-ċentri l-ġodda se jippermettu aċċess imtejjeb għas-servizzi tal-kura tas-saħħa mentali permezz t’aċċessibilità usa, b’approċċ multidixxiplinarju konsolidat, kontinwità tal-kura u t-tqarrib tas-servizzi lejn id-dar u x-xogħol. Barra minn hekk, se jinfetaħ ċentru soċjali ġdid għall-persuni li jagħmlu użu mis-servizz mogħtija mill-Isptar Monte Carmeli. 

Irridu nżommu quddiem għajnejna wkoll li l-problemi tas-saħħa mentali m’għandhomx uċuh iżda jistgħu jaffettwaw lil kull wieħed u waħda minnha, minn żgħar sa adulti u anzjani. Għalhekk huwa tajjeb li l-għajnuna offruta mhux biss tasal imma tkun adattata għaċ-ċirkostanzi li jkun għaddej minnhom l-individwu. 

Din il-problema għandha tinteressa wkoll organizzazzjonijiet differenti fosthom it-trejdunjins. Dan il-GWU ilha li għarfitu bħala d-dmir tagħha tant li fil-ftehimiet kollettivi tinnegozja wkoll klawsoli biex tipproteġi lill-ħaddiema li jkunu għaddejjin minn fażijiet ta’ problemi mentali, li jistgħu jkunu diversi.

Infakkru li hemm ukoll il-helpline 1579 li jopera 24 siegħa kuljum is-sena kollha biex jindirizza d-diffiikultajiet ta’ dak li jkun, speċjalment dwar is-saħħa mentali. Dan il-helpline ntlaqa’ tajjeb ferm mill-pubbliku, kif kien ikkonfermat ukoll mill-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela, tant li f’perjodu ta’ sentejn intuża minn kważi 16,000 persuna.

Għalhekk nerġgħu ntennu li l-inizjattivi li diġà ttieħdu u dawk li jistgħu jittieħdu kemm mill-Gvern u kemm minn għaqdiet mhux governattivi interessati fis-suġġett għandhom jiġbdu lejhom kull tifħir u apprezzament min-naħa tal-pubbliku inġenerali.

Dan għaliex nemmnu li b’dan il-mod inkunu mhux biss qed inħarsu s-saħħa mentali ta’ dawk milquta mill-problema imma jkunu qed iservu biex is-soċjetà tagħna tkun dejjem solidali ma’ xulxin u b’hekk tissawwar fi kwalità ta’ ħajja aħjar. Għaliex poplu san huwa poplu f’saħħtu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport