Monday, October 27, 2025

Is-saħħa mentali f’Malta

Jikteb Anthony Agius Decelis

Aqra wkoll

Xtaqt nieħu din l-opportunità sabiex inżid ftit ħsibijiet u opinjoni personali ma’ dak li tkellmet dwaru Dr. Lydia Abela, mart il-Prim Ministru ta’ Malta waqt attività ta’ The Malta Trust Foundation. Kullħadd jaf kemm Dr. Lydia Abela għandha għal qalbha dan is-suġġett fejn fost oħrajn saħqet dwar l-importanza li nkomplu nibnu soċjetà b’saħħitha u inklussiva.

F’soċjetà żgħira bħal tagħna, ħafna drabi s-saħħa mentali tiġi kkunsidrata bħala tabù u privata minn opportunità ta’ diskussjoni miftuħa. Għalkemm fl-aħħar snin f’Malta sar progress sinifikanti sabiex il-kwistjonijiet ta’ saħħa mentali jiġu indirizzati aħjar u dan permezz ta’ servizzi professjonali, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u diskussjonijiet fil-Parlament, ir-realtà tibqa’ waħda: ħafna u ħafna nies għadhom ibatu fis-silenzju.

Dak li għandu jinkwetan ħafna hu li, meta wieħed iħares lejn l-istatistika u r-riċerka, l-irġiel spiss jirriżultaw fost l-aktar vulnerabbli. Fil-fatt, għalkemm l-irġiel għandhom inqas tendenza li jfittxu għajnuna professjonali, sfortunatament huma aktar f’riskju li jispiċċaw f’ċirkustanzi traġiċi, bħall-eżempju f’każijiet ta’ suwiċidju. Din hija realtà li għandha tqanqal interess mhux biss lill-awtoritajiet u l-professjonisti tas-saħħa, iżda lis-soċjetà kollha in ġenerali.

Il-piż ta’ stereotipi soċjali

Wieħed mill-akbar ostakli għall-irġiel sabiex ifittxu għajnuna hu dak li jista’ jissejjaħ “il-piż tas-silenzju maskili”. F’Malta, bħalma jiġri f’ħafna kulturi oħra, għad hemm mentalità li l-irġiel għandhom ikunu b’saħħithom, ma jurux emozzjonijiet u jżommu kollox ġewwa fihom. Il-kliem “irġiel ma jibkux” jew “żomm rasek għolja u tmurx lura” għadek tismagħhom fil-familji u fl-ambjent tax-xogħol.

Dawn l-aspetti mhux biss jagħmlu ħsara lill-irġiel bħala individwi, iżda joħolqu kultura fejn il-vulnerabbiltà tiġi kkonsidrata bħala dgħufija, minflok bħala parti naturali mill-esperjenza umana. Ir-riżultat ta’ dan ikun li ħafna rġiel jgħaddu minn diffikultajiet bħal pereżempju ansjetà, dipressjoni jew burnout fiżiku jew mentali mingħajr ma jfittxu ebda għajnuna.

Statistika li tqanqal

Skont diversi rapporti reċenti, f’Malta, il-maġġoranza kbira ta’ każijiet ta’ suwiċidju jikkonċernaw is-sess maskili, jiġifieri l-irġiel. Din però mhix xi ċirkustanza lokali biss; iżda hija xejra globali. Madankollu, għal pajjiż żgħir bħal tagħna, kull każ iħalli impatt qawwi ħafna fuq il-familja, il-ħbieb u l-komunità.

Barra minnhekk ir-rata ta’ żgħażagħ irġiel li qed ifittxu xi tip ta’ għajnuna professjonali għadha ferm aktar baxxa minn dik tan-nisa. Filwaqt li l-kliniċi pubbliċi u privati joffru servizzi ta’ counselling u psikoterapija, ħafna drabi l-irġiel jaħsbu li dawn “mhumiex għalihom”, jew jarawhom bħala pass estrem li jikkuntrasta mal-immaġni maskili li għandhom iżommu, jiġifieri ta’ “kontroll u forza”.

Ix-xogħol u l-pressjonijiet ekonomiċi

Jeżisti wkoll fattur ieħor li ħafna drabi qed jiġi injorat: il-pressjoni relatata max-xogħol u l-istil ta’ ħajja. L-irġiel f’Malta spiss iħossu li għandhom jissodisfaw il-mudell tradizzjonali ta’ min iġib id-dħul prinċipali tal-familja. Din il-pressjoni, speċjalment f’soċjetà fejn it-tenur tal-ħajja qed dejjem jiżdied, toħloq fuq il-bniedem tensjoni kontinwa li qed twassal għal livell għoli ħafna ta’ stress.

Illum il-ġurnata l-fenomenu ta’ burnout fuq il-post tax-xogħol sar epidemija moħbija. Ħaddiema, kemm fl-uffiċċju kif ukoll f’setturi industrijali, qed jiffaċċjaw sfidi kbar biex ikunu jistgħu ilaħħqu mad-diffikultajiet dejjem jikbru. Għal ħafna minnhom, il-ħin għall-mistrieħ jew għall-hobbies qed jispiċċa jonqos u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali qed jispiċċa jsir diffiċli ħafna biex jinżamm.

Is-servizzi f’Malta: progress u nuqqasijiet

Mhuwiex minnu li Malta għadha lura għal kollox f’dan il-qasam. Fil-fatt, speċjalment taħt Gvern Laburista saru ħafna investimenti fis-snin reċenti: l-introduzzjoni ta’ kampanji pubbliċi, il-ħolqien ta’ servizzi ġodda fil-komunità, u l-użu ta’ helplines 24/7 huma kollha passi pożittivi. Jeżistu wkoll NGOs bħal pereżempju, Richmond Foundation u “Kellimni” li jagħmlu xogħol imprezzabbli biex jagħtu appoġġ lil min għandu bżonn.

Madankollu, in-nuqqas ta’ riżorsi umani jibqa’ problema kbira. Il-pajjiż għandu nuqqas kbir ta’ psikologi, psikjatri u terapisti. Xi kultant, individwu li jkun qed ifittex għajnuna fis-settur pubbliku jkollu jistenna xhur sħaħ biex jara professjonist. Għal min jinsab f’qagħda vulnerabbli, din mhiex biss problema prattika iżda hija wkoll riskju serju ħafna.

Il-bżonn ta’ bidla fil-mentalità

Jekk irridu li l-irġiel f’Malta jkollhom verament aċċess liberu għal saħħa mentali b’saħħitha, irridu nibdlu mhux biss il-politika u s-servizzi, iżda wkoll il-mentalità kulturali. Hemm bżonn ta’ aktar edukazzjoni sa minn età żgħira, fejn it-tfal jiġu mgħallma li huwa normalissimu li wieħed jesprimi l-emozzjonijiet tiegħu u li tfittex għajnuna mhiex dgħufija imma kuraġġ.

Fil-familja, għandu jiġi eliminat il-lingwaġġ li jxekkel lill-irġiel milli jiftħu qalbhom. Fl-iskejjel, il-kurrikulu għandu jinkoraġġixxi diskussjonijiet aktar vasti fuq il-benesseri emozzjonali daqs kemm jagħmel fuq is-suġġetti akkademiċi.

Ir-rwo tal-istituzzjonijiet u l-politika

Il-gvern għandu responsabbiltà diretta f’dan kollu. Ċertament diġà għamel ħafna, però fis-saħħa mentali hemm bżonn investiment aktar robust, inkluż f’servizzi speċifiċi għal irġiel u żgħażagħ, għax dan l-impenn huwa indispensabbli. Barra minn hekk, il-postijiet tax-xogħol għandhom ikunu obbligati joħolqu politika interna ta’ benessri u li jindirizzaw mhux biss is-saħħa fiżika iżda wkoll dik mentali.

Fil-politika soċjali, irridu wkoll nindirizzaw il-fatturi ekonomiċi li qegħdin iżidu l-istress fuq irġiel u nisa: stress żejjed tal-ħajja, il-pressjoni fid-djar, u ta’ ċerti impjiegi. Dawn kollha jikkontribwixxu għal sens ta’ qtigħ il-qalb li jaffettwa l-benesseri mentali.

Minn silenzju għal diskors

Is-saħħa mentali f’Malta u Għawdex m’għadhiex kwistjoni li tista’ titħalla fil-ġenb. Meta nħarsu b’mod speċjali lejn l-irġiel, irridu nkunu konxji li ħafna minnhom għadhom qed ibatu fis-silenzju, magħluqin bejn il-ħitan ta’ stereotipi kulturali u pressjonijiet oħra ekonomiċi.

L-editorjal tagħna jrid ikun ċar: għandna responsabbiltà kollettiva li nwasslu messaġġ li s-saħħa mentali m’hijiex xi kwistjoni ta’ dgħufija imma parti essenzjali mill-ħajja ta’ kulħadd.

Kull ħajja mitlufa għax xi ħadd ma sabx l-għajnuna, il-kura jew il-kuraġġ li jitkellem, hi falliment soċjali.

Il-pajjiż tagħna għandu l-mezzi kollha sabiex jinbidel aktar u għall-aħjar. Issa wasal iż-żmien li, flimkien, inkunu l-bidla li hemm bżonn, sabiex l-irġiel f’Malta u Għawdex u kull ċittadin ma jibqgħux ibatu fis-silenzju, iżda jsibu f’pajjiżhom l-appoġġ u l-kompassjoni li jistħoqqilhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport