Saturday, December 28, 2024

IS-SAĦĦA MENTALI GĦANDHA TIBQA’ PRIJORITÀ F’ĦAJJITNA 

Aqra wkoll

Għada, l-10 ta’ Ottubru, se jkun imfakkar il-jum dinji ddedikat għall-għarfien dwar is-saħħa mentali. Ta’ min wieħed għalhekk jieqaf u jirrifletti ftit fuq dan is-suġġett, li huwa wieħed delikat u li prattikament tista’ tgħid jolqot lil kull individwu fis-soċjetà tagħna.

Huwa suġġett li b’xi mod jew ieħor esperjenzajnieh ukoll matul il-pandemija tal-Covid-19. Dan hekk kif kien hemm diversi restrizzjonijiet li minħabba fihom ridna nibżgħu għal saħħitna. Kien perjodu fejn kien hemm bosta li sfaw vittmi tas-solitudni, filwaqt li oħrajn ħassewhom waħedhom.

Ta’ min wieħed jifhem, li din hija problema li ma toqgħodx tħares lejn individwu jew ieħor jew lejn xħin ser tasal għand dak li jkun. Ħaġa waħda biss għandna noqogħdu attenti, dik li l-konsegwenzi li ġġib magħha jaf ikunu serji ħafna. Illum qegħdin ngħixu f’soċjetà, fejn l-għarfien dwar is-saħħa mentali qed ikompli jikber. Iżda minkejja dan kollu xorta għad fadal xi jsir sabiex ikun hemm aktar għarfien tas-servizzi offruti u b’hekk jintlaħqu aktar nies li jista’ jkun ikollhom bżonn dawn l-istess servizzi.

Id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika huwa konxju ta’ dan u qed jieħu b’serjetà kbira din il-problema. Ta min wieħed jirrimarka li ftit tas-snin ilu tnediet ukoll l-istrateġija dwar is-saħħa mentali, li l-għan tagħha hu li jingħata appoġġ, taħriġ u servizz lil pazjenti, kif ukoll lill-ħaddiema li jaħdmu fi ħdan is-settur u lill-qraba u l-familjari tal-pazjenti. 

Nemmnu bi sħiħ li dawn l-investimenti, li jinkludu lill-professjonisti u r-riżorsi umani meħtieġa, se jkunu ta’ għajnuna biex dawn l-individwi jkollhom aktar dinjità filwaqt li titneħħa l-istigma li jista’ jkun hemm fuqhom u permezz t’hekk dawn ikunu jistgħu jgħixu b’mod trankwill, mingħajr ma jiġu ġġudikati. Grazzi għall-ħidma tal-Gvern u tal-għaqdiet mhux governattivi interessati f’dan is-suġġett ittieħdu diversi inizjattivi u li għal dan kollu, dawn ħaqqhom kull tifħir.

B’dan il-mod minbarra li nħarsu s-saħħa mentali ta’ dawk miquta minnha, inkunu qegħdin ukoll nagħtu servizz biex is-soċjetà tagħna tkun magħquda bħala poplu wieħed sabiex b’hekk kull wieħed u waħda minnha jista’ jkollu ħajja aħjar. 

Ekonomija

Sport