Is-saħħa mentali tista’ tgħid saret tokkupa parti ewlenija mill-aġenda nazzjonali ta’ ħafna pajjiżi madwar id-dinja tant li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) ddikjarat l-10 t’Ottubru ta’ kull sena bħala l-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali.
Fil-messaġġ għal din is-sena, il-WHO qed tħeġġeġ biex dan il-jum ikun t’opportunità li jixpruna aktar għarfien dwar kwistjonijiet ta’ saħħa mentali u dawk kollha involuti f’dan il-qasam jitkellmu dwar x’inhu meħtieġ u x’għandu jsir biex il-kura għas-saħħa mentali ssir realtà għall-popli kollha tad-dinja.
L-għeruq tal-problemi relatati mas-saħħa mentali huma varji u f’ħafna każi trawmatiċi, li jibqgħu fil-memorja ta’ dak li jkun tul ħajtu kollha. Għalhekk huwa importanti li nies bi problemi mentali ma jiġux imwarrba imma jingħataw attenzjoni sħiħa u kontinwa.
Pajjiżna, is-saħħa mentali, għal dawn l-aħħar snin ingħatat għarfien akbar tant li twaqqfu ċentri u tniedew servizzi 24 siegħa kuljum biex ikunu ta’ sostenn għal dawk li jfittxuh. Ammirevoli wkoll kienu l-isforzi tal-Gvern u għaqdiet biex is-saħħa mentali ma tibqax bħal tebgħa sewda fuq min ibati biha, kif kienet saħansitra fl-imgħoddi.
Irridu niftakru wkoll illi aktar ma jkun hemm għarfien, solidarjetà u kura għal dawk bi problemi ta’ din ix-xorta, inkunu qed inbiegħdu lin-nies milli jaslu għal ċertu estremitajiet. L-għajnuna qiegħda hemm għad-dispożizzjoni ta’ dawk kollha li jeħtiġuha. Issa sta għal min ikun għaddej minn ċertu mumenti ibsin biex ifittex din il-għajnuna.
Irridu nżommu quddiem għajnejna wkoll li l-problemi tas-saħħa mentali m’għandhomx uċuh iżda jistgħu jaffettwaw lil kull wieħed u waħda minnha, minn żgħar sa adulti u anzjani. Għalhekk huwa tajjeb li l-għajnuna offruti mhux biss tasal imma tkun adattata għaċ-ċirkostanzi li jkun għaddej minnhom l-individwu.
Din il-problema għandha tinteressa wkoll organizzazzjonijiet differenti fosthom it-trejdunjins. Dan il-GWU ilha li għarfitu bħala d-dmir tagħha tant li fil-ftehimiet kollettivi tinnegozja wkoll klawsoli biex tipproteġi lill-ħaddiema li jkunu għaddejjin minn fażijiet ta’ problemi mentali, li jistgħu jkunu diversi.
Għalhekk ukoll jeħtieġ li kulħadd jifhem illi l-użu tal-midja, b’mod partikolari dik soċjali, m’għandhiex twassal għall-ħolqien ta’ dannu fuq is-saħħa mentali ta’ nies li jisfaw vittma ta’ ċertu kummenti u attivitajiet.