Wednesday, September 10, 2025

IS-SAĦĦA MENTALI TIBQA’ PRIJORITÀ

Aqra wkoll

Kull każ ta’ suwiċidju jew attentat ta’ suwiċidju huwa traġedja u sfortunatament din ir-realtà għadna qegħdin nesperjenzawha sal-ġurnata tal-lum. Dan huwa suġġett mill-aktar sensittiv. Suġġett li aktar ma jgħaddi żmien, aktar qed ikun hemm għarfien u ħidma dwaru hekk kif qegħdin ikomplu s-servizzi ta’ għajnuna għal min jiġi bżonnhom.

Fl-isfond ta’ dan kollu, propju llum madwar id-dinja kollha, qiegħed jiġi ċċelebrat il-Jum iddedikat għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju. Dan il-jum ġie stabbilit fl-2003 mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju flimkien mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.

Il-messaġġ ewlieni ta’ dan il-jum huwa wieħed u ċar ħafna, dak li s-suwiċidju huwa prevenibbli. Għalkemm is-suwiċidju għandu diversi wċuħ, fortunatament pajjiżna għandu waħda mill-inqas rati ta’ suwiċidju fl-Ewropa.

Naqblu ma’ dak li kien qal il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, li s-saħħa mentali hi prijorità nazzjonali u li għalhekk dan il-Gvern qed jinvesti bla preċedent, fil-kura tas-saħħa mentali fil-komunità. 

F’dan ir-rigwrad, insemmu wkoll il-fatt li għaxar xhur ilu, ġie mniedi investiment ta’ erba’ miljun ewro u nofs biex jissaħħu s-servizzi tas-saħħa mentali madwar il-pajjiż u jmorru qalb il-komunitajiet. Barra minn hekk, il-Gvern, flimkien mal-Fondazzjoni Richmond, bdew jingħataw korsijiet bla ħlas tal-Ewwel Għajnuna f’għadd ta’ lokalitajiet fil-gżejjer Maltin.

Min-naħa l-oħra, il-General Workers Union ukoll tisħaq fuq il-ħarsien tas-saħħa mentali tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol u anke tgħin lil dawk li b’xi mod jew ieħor jistgħu jkunu għaddejjin minn perjodu emozzjonali f’ħajjithom.

Huwa importanti għalhekk li ħaddiem li jkollu problema jitkellem u ma jżommx kollox fih innifsu. Daqstant ieħor huwa importanti wkoll li min iħaddem, jekk isir jaf li jkun hemm problema jieħu azzjoni immedjata li tista’ ssalva l-ħajja ta’ dak li jkun.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport