Saturday, December 21, 2024

Is-saħħa mentali waqt il-pandemija tal-COVID-19

Aqra wkoll

Pariri mit-Tabib MALCOLM PAUL GALEA

L-impatt dirett tal-Covid-19 ħareġ fid-deher mad-dinja kollha tul dawn l-aħħar ġimgħat u xhur. 

Però, dan iwassal għal impatt kbir ħafna wkoll, b’mod indirett. Qed nirreferi għall-impatt mentali, kemm fuq persuni li mardu bil-Covid-19, kif ukoll fuq dawk li ma kienux. Skond rapporti mill-Għaqda Dinjija tas-saħħa (WHO) kif ukoll mic-Centers for Disease Control & Prevention (CDC), din il-pandemija ħolqot stress kbir li jirriżulta f’ansjetà u mard mentali ieħor, f’persuni suxxettibbli imma anke f’uħud li qatt ma sofrew minn dan il-mard qabel.

Għalhekk huwa mportanti li nieħdu ħsieb tagħna nfusna sabiex ma nintlaqtux aħna stess, jew dawk viċin tagħna, minn problemi ta saħħa mentali. Il-WHO tgħaddielna diversi messaġġi sabiex nagħmlu dan, fosthom:

– li nnaqqsu milli naraw, naqraw jew nisimgħu aħbarijiet dwar il-Covid-19, għajr għal aġġornamenti mill-awtoritajiet tas-saħħa li jwasslulna fatti u pariri siewja flok sempliċiment spekulazzjoni jew sensazzjonalizmu. Il-fatti inaqqsu l-biżgħat u l-pariri ta’ l-awtoritajiet jagħtuna struttura fuq xiex nimxu. 

– żomm rutina fil-familja, speċjalment, imma mhux biss, fejn hemm tfal ta’ kwalunkwe età ġewwa d-dar. Irridu nipprovdu attivitajiet skond l-età tat-tfal, inkluż attivitajiet edukattivi. F’Malta, is-sistema edukattiva qed tagħmel sforz tajjeb biex ikun hemm kontinwità fir-rutina ta’ l-iskola minkejja r-realtà ġdida li qed niffacjaw. 

– soċjalizzazzjoni  virtwali permezz ta’ video calls mal-membri tal-familja li ma joqgħodux ġo l-istess dar, bħal nanniet u zijiet, kif ukoll ma ħbieb, għandha tiġi inkoraġġuta. Ma jfissirx li ‘screen time’ jiġi bla limitu però sewwa nifhmu li f’ċirkostanzi mhux tas-soltu, ir-regoli tas-soltu jaf ikollhom jiġu alterati.

-importanti li nżommu lilna nfusna fiżikament attivi, kemm ġewwa d-dar, u jekk wieħed jixtieq, kultant jista joħroġ xi mkien fejn ma jiltaqax ma nies oħra bħal xi mixja fil-kampanja. Importanti ukoll illi nżommu rutina ta’ rqad tajba. Apparti hekk ma ninsewx li essenzjali li jkollna dieta tajba u bilanċjata, mingħajr ma nieklu żżejjed. 

– ndawru l-isfida ta’ isolazzjoni soċjali f’opportunita posittiva. Min jgħix waħdu jew koppji u issa għandhom iktar ħin fuq idejhom mis-soltu, tajjeb jinvestu l-ħin biex jaħdmu fuqhom infushom, kemm personalment, kif ukoll biex jagħmlu passatempi, bħal qari, ħjata, jew xogħol fil-ġnien jew fid-dar, kif ukoll attivitajiet ġod-dar li s-soltu ma tantx ikollhom ħin għalihom jew biex jitghallmu abbiltajiet ġodda. Hawn min jitħajjar jagħmel korsijiet online, per eżempju. Tajjeb ukoll li koppji jużaw din l-opportunità biex jaħdmu fuq u jsahhu r-relazzjoni ta’ bejniethom.

– Hija realtà totalment opposta għal min għandu familja bit-tfal u qed jipprattikaw distanza soċjali. L-adulti fi djar hekk jaf iħossuhom li ma għadx fadlilhom ħin għalihom infushom, biex ilahhqu mat-tfal, max-xogħol edukattiv tagħhom u ix-xoghol tad-dar li probabbliment ikun żdied bil-familja dejjem d-dar. Dan iktar u iktar għal dawk il-ġenituri li jaħdmu, kemm mid-dar kif ukoll dawk li jkollhom joħorġu għax-xogħol. Però, nistedinkom li naraw il-pożittiv ta’ din is-sitwazzjoni u napprezzaw il-ħin li nistghu nqattgħu bħala familja kumparat mas-soltu fejn normalment kulħadd ikollu ħajja iktar mgħaġġla. Huwa żmien partikolari fejn, per eżempju, sempliċiment ħin l-ikel isir ħin ta’ socjalizzazzjoni, kif kien tradizzjonalment. 

Nixtieq infakkar li l-Fondazzjoni Karitattiva FIDEM nediet helpline għal persuni li jħossu ansjetà jew stress relatati mal-COVID-19. Imsejjaħ ‘Here to Help’, dan huwa servizz b’xejn fejn wieħed jista jċempel fuq in-numru 99320977 mit-Tnejn sas-Sibt bejn id-9am u s-7pm. Is-Sedqa nedew helpline ieħor, ‘M’intiex Wahdek’, fi ħdan il-Ministeru tal-Familja għal dawn iż-żminijiet, għal min qed ibati minn solitudni. In-numru huwa 1772.

Ekonomija

Sport