Wednesday, March 27, 2024

IS-SAĦĦA TAL-KONSUMATUR FL-EKONOMIJA

Aqra wkoll

Ta’ kull sena jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tad-Drittijiet tal-Konsumaturi fil-15 ta’ Marzu, kif dikjarat min-Nazzjonijiet Magħquda. Dan bil-għan li jiżdied aktar l-għarfien dwar id-drittijiet u l-protezzjoni tal-konsumatur. Fl-istess waqt, dan il-jum iservi wkoll ta’ opportunità biex ikun enfasizzat l-importanza tal-protezzjoni tal-konsumaturi, il-promozzjoni tad-drittijiet tagħhom u li jkun żgurat li dawn ikollhom aċċess għal prodotti u servizzi essenzjali fil-ħajja ta’ kuljum, li jkunu sikuri u affordabbli.

Nibdew biex ngħidu li l-konsumaturi huma pilastru ewlieni tat-tkabbir ekonomiku billi ta’ kuljum isostnu l-mutur ekonomiku bl-infiq tagħhom. Illum il-ġurnata ninsabu f’sitwazzjoni fejn qegħdin nesperjenzaw realtajiet ġodda, anke konsegwenza tal-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna u anke bid-diġitalizzazzjoni. Waħda minn dawn, u li tolqot prattikament lil kulħadd, hija dik li tirrigwardja ż-żieda fil-prezzijiet. Jiġuna f’moħħna ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel iżda mhux biss. L-effetti nħassu f’oqsma oħra fosthom dawk tal-ospitalità, tar-ristoranti u s-servizzi.

Din hija realtà li qed taffettwa lill-pajjiżi kollha madwar id-dinja. Tant hu hekk li minħabba inflazzjoni eżaġerata mhux biss qed ibatu l-familji f’dawn il-pajjiżi imma l-ekonomija tagħhom mhix qed tikber bir-ritmu li huma kienu mdorrijin bih.

Filwaqt li f’din is-sitwazzjoni, il-Gvern ma jistax jikkontrolla l-prezzijiet għaliex inkella jfixkel is-suq ħieles, b’danakollu sab mezz bil-għan li l-prezzijiet jibqgħu stabbli u dan billi daħal hu biex jagħmel tajjeb għaż-żidiet fil-prezzijiet partikolarment tal-enerġija, il-qmuħ u ċ-ċereali.

Issa jonqos li n-negozji żgħar jagħmlu l-parti tagħhom u ma jkunux huma li jitfgħu l-piżijiet fuq il-konsumatur billi jgħollu minn jeddhom u kif jidhrilhom il-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi. Wara kollox jekk jiġri hekk ikunu huma stess li jbatu u mhux il-konsumatur.

Għalhekk aħna naqblu ma’ dak li qalet l-Għaqda tal-Konsumaturi, illi l-Gvern ħa passi billi introduċa sussidji u għajnuniet oħra biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jersqu biex jipproduċu enerġija nadifa huma stess. U b’hekk anke huma jiffrankaw mill-kontijiet tal-enerġija. Dan mhux biss jgħin lill-konsumatur imma jgħin ukoll lill-ambjent, partikolarment biex jitrażżan it-tniġġiż tal-arja.

Dan minnu nnifsu jwieġeb il-mistoqsija tiegħu stess dwar x’jista’ jagħmel għall-ħarsien tal-ambjent. Għalhekk nemmnu li l-konsumatur għandu jkun hu li jagħmel użu tajjeb mhux biss mill-enerġija imma wkoll ikun parteċipi kif mistenni anke f’sitwazzjonijiet fir-rigward tal-ħarsien ambjentali. Huwa tajjeb ukoll jekk il-konsumatur jagħmel użu tajjeb mill-inċentivi u s-sussidji li jingħataw f’dan ir-rigward.

Ekonomija

Sport