Tuesday, February 3, 2026

IS-SAĦĦA U S-SIGURTÀ HIJA PRIJORITÀ

Aqra wkoll

It-traġedja tal-Um El Faroud, li fiha tilfu ħajjithom disa’ ħaddiema tat-Tarzna, qed tiġi mfakkra llum. Kienet traġedja li ħasdet pajjiż sħiħ, u għalkemm għaddew iktar minn tliet diċennji, għadha tinħass sal-lum fl-emozzjonijiet ta’ bosta persuni u familji. 

Din it-traġedja għandha tkompli tiftħilna għajnejna dwar l-importanza massiva tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol kollha. Dan għaliex li ħaddiem joħroġ għax-xogħol u jirritorna lura qawwi u sħiħ mhuwiex xi privileġġ imma dritt assolut. 

Il-ħajja m’għandhiex prezz u ladarba tintilef, ma terġax tintradd lura. Kull traġedja umana tħalli biss niket u emozzjonijiet ta’ wġigħ. Għalhekk, kull ħaddiem u min iħaddem, għandhom ikunu konxji, kif nittamaw li huma, tas-saħħa u s-sigurtà u ma jistgħux jaffordjaw ebda logħba ma’ saħħithom u saħansitra ħajjithom. 

Kien hemm żminijiet meta l-miżuri tas-saħħa u s-sigurtà kienu meqjusa minn ċertu employers bħala piż addizzjonali fuq l-ispiża tal-produzzjoni. Fortunatament din il-mentalità llum inbidlet mhux biss għaliex qed tingħata aktar importanza imma wkoll għall-miżuri li qed jiddaħħlu, li jġibu aktar għarfien dwar kemm kulħadd għandu jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. 

Mhux għaliex hemm bżonn, imma nħossu li għandna ntennu li l-unjins għandhom jibqgħu kostanti mhux biss fil-messaġġ tagħhom imma anke fl-operat tagħhom, sabiex isostnu l-impenn tagħhom favur is-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol. Dan kollu l-General Workers’ Union diġà qiegħda tagħmlu, kif jinsab rifless fil-Ftehimi Kollettivi li tinnegozja u finalment tikkonkludi ma’ għadd ta’ postijiet tax-xogħol. Dan isir ukoll permezz ta’ korsijiet li jiġu organizzati minn żmien għal żmien f’dan il-qasam kruċjali.

Nemmnu li l-unjins għandhom ikomplu b’dan l-impenn favur is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema li jirrappreżentaw biex b’hekk jiġu evitati kull inċident, kemm frivolu, serju u saħansitra anke fatali. 

Għalhekk, bħalma għedna aktar qabel f’dawn il-kolonni, intennu li t-traġedja tal-Um El Faroud għandha tibqa’ tiġi mfakkra minn sena għall-oħra bħala twissija tal-importanza li wieħed jibża’ għal saħħtu u ħajtu fis-sit tax-xogħol fejn jaħdem. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport