Friday, October 4, 2024

Is-Sajf Meterjoloġiku kien iżjed sħun mill-medja

… iżda Awwissu għamlu wkoll iżjed imxarrab min-norma

Aqra wkoll

Is-sajf meterjoloġiku tar bħal leħħa ta’ berqa, b’Awwissu jagħtina indikazzjoni ċara li l-ħarifa tinsab wara l-bieb, b’ħalbiet ta’ xita u maltempata bis-sajjetti lejn l-aħħar tax-xahar.

It-total ta’ xita li għamlet f’ġurnata waħda f’Awwissu għamlet tajjeb biex is-sajf meteoroloġiku li għadda jista’ jitqies bħala iżjed imxarrab min-norma klimatika. Fil-fatt, fit-22 tax-xahar, tkejlu 13.2mm xita, biex Awwissu 2024 kien 3.5mm aktar imxarrab mill-kwota.

Apparti Awwissu, Ġunju biss ġab miegħu ftit xita (3.8 mm) li qatgħet xi ftit minn nixfa, għax Lulju baqa’ niexef qoxqox. B’kollox, matul is-sajf meteoroloġiku tkejlu 17 mm xita, jiġifieri 1.4mm aktar min-norma klimatika.

Bejn Ġunju u Lulju kienet irreġistrata biss mewġa ta’ sħana waħda. Ħdejn dik ta’ Lulju tas-sena li għaddiet, li kienet mifruxa fuq għaxart ijiem, dik ta’ din is-sena kienet waħda qasira hekk kif damet biss tlett ijiem, bejn l-20 u t-22 ta’ Ġunju. Fit-tlett ijiem li huma, it-temperatura qabżet il-35°C.

Ħarsa iżjed dettaljata lejn it-temperaturi turi kif it-tliet xhur tas-sajf meteoroloġiku kienu kollha iżjed sħan min-norma klimatika. Fil-fatt, kemm Ġunju, Lulju u anke Awwissu kienu 1.6°C aktar sħan mill-medja klimatika, b’temperaturi medja ta’ 25.8°C, 28.5°C u 29.1°C rispettivament.

It-temperaturi għolja, anke fix-xhur ta’ qabel is-sajf, wasslu biex anke l-baħar jisħon aktar malajr mis-soltu. Fil-fatt, f’Ġunju it-temperatura medja f’wiċċ il-baħar kienet ta’ 23.7°C (norma 22°C), f’Lulju żdiedet b’aktar minn 3°C għal 26.9°C (norma 25.2°C) u matul ix-xahar li għadda kienet 28.9°C (norma 26.7°C).

Fatti dwar it-temp tax-xahar li għadda

  • Fit-3 ta’ Awwissu kienet imkejla l-ogħla temperatura tax-xahar, jiġifieri 37°C. L-ogħla temperatura qatt imkejla f’Awwissu hija dik ta’ 43.8°C fl-1999.
  • L-aktar temperatura baxxa tkejlet fis-7 ta’ Awwissu u niżlet għal 23.3°C. L-inqas temperatura mkejla f’Awwissu kienet dik ta’ 15.9°C fl-1972.
  • Matul l-istess xahar kienet irreġistrata maltempata waħda bis-sajjetti fit-28 ta’ Awwissu.
  • Il-veloċità medja tar-riħ kienet ta’ 6.3 knots, l-istess bħan-norma. L-aktar buffura tar-riħ b’saħħitha laħqet is-27 knot u nefħet mill-Punent Kwarta Majjistral fl-20 ta’ Awwissu.
  • L-ewwel tax-xahar kien l-aktar jum xemxi hekk kif matulu tkejlu 12.7 sigħat xemxin, filwaqt li l-5 ta’ Awwissu kien l-aktar jum imdallam, bl-Uffiċċju Meteoroloġiku jkejjel biss sitt sigħat xemxin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport